23.2.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 65/11
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-18 ta’ Diċembru 2014 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Bundessozialgericht – il-Ġermanja) – Walter Larcher vs Deutsche Rentenversicherung Bayern Süd
(Kawża C-523/13) (1)
((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti - Artikolu 45 TFUE - Artikolu 3(1) tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 - Benefiċċji tax-xjuħija - Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni - Ħaddiem li jibbenefika, fi Stat Membru, minn irtirar kmieni progressiv qabel ma jirtira kompletament - Teħid inkunsiderazzjoni għall-għoti tad-dritt għal pensjoni tax-xjuħija fi Stat Membru ieħor))
(2015/C 065/15)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Bundessozialgericht
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Walter Larcher
Konvenuta: Deutsche Rentenversicherung Bayern Süd
Dispożittiv
1)
Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1992/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006, jipprekludi dispożizzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li l-għoti ta’ pensjoni tax-xjuħija wara rtirar kmieni progressiv jippresupponi li l-irtirar kmieni progressiv ikun sar esklużivament skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru.
2)
Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1408/71, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament Nru 118/97, kif emendat bir-Regolament Nru 1992/2006, għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet tar-rikonoxximent, fi Stat Membru, ta’ irtirar kmieni progressiv li twettaq skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor, għandu jsir eżami komparattiv tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar l-irtirar kmieni progressiv ta’ dawn iż-żewġ Stati Membri sabiex jiġi ddeterminat, każ b’każ, jekk id-differenzi identifikati jistgħux jikkompromettu l-ilħuq tal-għanijiet leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni ta’ dan l-ewwel Stat Membru.
(1) ĠU C 24, 25.01.2014.
Full & Egal Universal Law Academy