20.7.2015
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 236/9
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-4 ta’ Ġunju 2015 (talba għal deċiżjoni preliminari tas-Centrale Raad van Beroep – Il-Pajjiżi l-Baxxi) – Raad van bestuur van de Sociale verzekeringsbank vs E. Fischer-Lintjens
(Kawża C-543/13) (1)
((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti - Regolament (KEE) Nru 1408/71 - Artikolu 27 - Punt 1(a) u (b) tat-Taqsima R tal-Anness VI - Kunċett ta’ “pensjonijiet jew allowances pagabbli taħt il-leġiżlazzjoni ta’ żewġ Stati Membri jew iktar” - Benefiċċji in natura - Attribuzzjoni retroattiva ta’ pensjoni taħt il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza - Benefiċċji tal-kura tas-saħħa li huma suġġetti għall-kundizzjoni tas-sottoskrizzjoni għal assigurazzjoni għall-kura tas-saħħa obbligatorja - Ċertifikazzjoni ta’ nuqqas ta’ assigurazzjoni taħt il-leġiżlazzjoni dwar l-assigurazzjoni għall-kura tas-saħħa obbligatorja fl-Istat Membru ta’ residenza - Assenza sussegwenti ta’ obbligu ta’ kontribuzzjoni f’dan l-Istat Membru - Irtirar retroattiv ta’ din iċ-ċertifikazzjoni - Impossibbiltà li wieħed jaffilja ruħu b’mod retroattiv ma’ assigurazzjoni għall-kura tas-saħħa obbligatorja - Interruzzjoni tal-kopertura tar-riskju tal-mard minn tali assigurazzjoni - Effettività tar-Regolament Nru 1408/71))
(2015/C 236/11)
Lingwa tal-kawża: l-Olandiż
Qorti tar-rinviju
Centrale Raad van Beroep
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Raad van bestuur van de Sociale verzekeringsbank
Konvenuta: E. Fischer-Lintjens
Dispożittiv
L-Artikolu 27 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u membri tal-familja tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1992/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006, meħud flimkien mal-punt 1(a) u (b) tat-Taqsima R tal-Anness VI tal-imsemmi Regolament Nru 1408/71, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-pensjoni ta’ benefiċjarju, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandha titqies li hija pagabbli mill-bidu tal-perijodu li fir-rigward tiegħu din il-pensjoni effettivament tħallset lil din il-persuna kkonċernata, tkun liema tkun id-data li fiha d-dritt għall-imsemmija pensjoni jkun ġie formalment stabbilit, inkluż, skont il-każ, meta dan il-perijodu jibda jiddekorri qabel id-data tad-deċiżjoni tal-għoti tal-istess pensjoni.
L-Artikoli 27 u 84(a) tar-Regolament Nru 1408/71, fil-verżjoni tiegħu emendata u aġġornata bir-Regolament Nru 118/97, kif emendat bir-Regolament Nru 1992/2006, meħuda flimkien mal-punt 1(a) u (b) tat-Taqsima R tal-Anness VI ta’ dan ir-regolament, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li ma tippermettix lill-benefiċjarju ta’ pensjoni mogħtija minn dan l-Istat Membru b’effett retroattiv ta’ sena li jaffilja ruħu ma’ assigurazzjoni obbligatorja għall-kura tas-saħħa bl-istess effett retroattiv u li twassal sabiex iċċaħħad lil dan il-benefiċjarju minn kull protezzjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, b’mod partikolari dawk dwar is-sitwazzjoni personali tiegħu.
(1) ĠU C 15, 18.1.2014
Full & Egal Universal Law Academy