22.2.2014
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 52/23
Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tat-12 ta’ Diċembru 2013 (talba għal deċiżjoni preliminari tat-Tribunale ordinario di Aosta — l-Italja) — Rocco Papalia vs Comune di Aosta
(Kawża C-50/13) (1)
(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja - Politika soċjali - Direttiva 1999/70/KE - Klawżola 5 tal-ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat - Settur pubbliku - Kuntratti suċċessivi - Abbuż - Kumpens għad-dannu - Kundizzjonijiet tal-kumpens f’każ tal-inklużjoni illegali ta’ klawżola ta’ terminazzjoni fil-kuntratt ta’ xogħol - Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività)
2014/C 52/39
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Qorti tar-rinviju
Tribunale ordinario di Aosta
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Rocco Papalia
Konvenut: Comune di Aosta
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari — Tribunale ordinario di Aosta — Interpretazzjoni tal-klawżola 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5. Vol. 3, p. 368) — Amministrazzjoni pubblika — Kumpens f’każ tal-inklużjoni illegali ta’ klawżola ta’ terminazzjoni fil-kuntratt ta’ xogħol — Kundizzjonijiet — Prova tad-dannu subit — Neċessità tal-prova ta’ rinunzja għal offerti aħjar ta’ xogħol
Dispożittiv
Il-ftehim qafas dwar ix-xogħol għal terminu fiss [żmien determinat], konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999, li huwa inkluż fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi l-miżuri previsti minn leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, fil-każ ta’ użu abbużiv mill-persuna pubblika li tħaddem minn kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat, tipprovdi biss għad-dritt tal-ħaddiem ikkonċernat li jikseb kumpens għad-dannu li huwa jqis li jkun ġarrab minħabba dan il-fatt, bl-esklużjoni ta’ kull trasformazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat f’relazzjoni ta’ xogħol għal żmien mhux determinat, meta d-dritt għal dak il-kumpens ikun suġġett għall-obbligu ta’ dan il-ħaddiem li jipproduċi l-prova li huwa kellu jirrinunzja għal opportunitajiet aħjar ta’ xogħol, jekk dan l-obbligu jkollu l-effett li jirrendi prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju mill-imsemmi ħaddiem tad-drittijiet li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni.
Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa sa fejn id-dispożizzjonijiet tad-dritt intern intiżi li jissanzjonaw l-użu abbużiv mill-amministrazzjoni pubblika ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat huma konformi ma’ dawn il-prinċipji.
(1) ĠU C 147, 25.05.2013.
Full & Egal Universal Law Academy