KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
MENGOZZI
ppreżentati fis-17 ta’ Lulju 2014 ( 1 )
Kawża C‑393/13 P
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
vs
Alumina d.o.o.
“Appell — Dumping — Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 464/2011 — Importazzjoni tat-trab żeolit A li joriġinaw mill-Bosnja-Ħerzegovina — Regolament (KE) Nru 1225/2009 — Artikolu 2 — Valur normali — Tranżazzjonijiet kummerċjali normali”
1.
Permezz tal-appell tiegħu, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea Alumina vs Il-Kunsill ( 2 ) (iktar ’il quddiem, is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali annullat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 464/2011, tal-11 ta’ Mejju 2011, li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq importazzjonijiet tat-trab żeolit A li joriġinaw mill-Bosnja-Ħerzegovina ( 3 ) (iktar ’il quddiem, ir-“regolament ikkontestat”), sa fejn tirrigwarda lill-Alumina d.o.o. (iktar ’il quddiem, “Alumina”), rikorrenti fl-ewwel istanza.
2.
L-appell tal-Kunsill jirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali tal-kunċett ta’ “bejgħ li seħħ fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ [tranżazzjonijiet kummerċjali normali]” li huwa previst fl-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea ( 4 ) (iktar ’il quddiem, ir-“Regolament bażiku”).
3.
Il-kwistjoni legali li essenzjalment iqajjem l-appell preżenti hija s-segwenti: jiġifieri bejgħ li l-prezz tagħhom jinkludi primjum intiż sabiex ikopri r-riskju li x-xerrej tal-prodotti kkonċernati jħallas tard jew ma jħallasx minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu jammontaw għal bejgħ imwettqa fit-“tmexxija ordinarja tal-kummerċ [tranżazzjonijiet kummerċjali normali]”, b’mod li huma għandhom jiġu kkunsidrati fil-kalkolu tal-valur normali li għandu jiġi kkomparat mal-prezz għall-esportazzjoni sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ dumping? Il-Kunsill iqis li, billi ngħatat risposta għal din id-domanda fin-negattiv, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fis-sentenza appellata f’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “tmexxija ordinarja tal-kummerċ [tranżazzjonijiet kummerċjali normali]”. Huwa konsegwentement jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla l-imsemmija sentenza.
I – Il-kuntest ġuridiku
4.
L-Artikolu 2(1) sa (4) u (6) tar-Regolament bażiku jipprovdi b’mod partikolari:
“1. Il-valur normali għandu normalment ikun ibbażat fuq il-prezzijiet imħallsa jew pagabbli, fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ [tranżazzjonijiet kummerċjali normali], minn klijenti indipendenti mill-pajjiż esportatur.
Madanakollu, fejn l-esportatur fil-pajjiż esportatur ma jipproduċix jew ma jbigħx il-prodott simili, il-valur normali jista’ jiġi stabbilit fuq il-bażi ta’ prezzijiet ta’ bejjiegħa jew produtturi oħra.
Prezzijiet bejn partijiet li jidhru li jkunu assoċjati jew li jidhru li jkollhom arranġament ta’ kumpens ma’ xulxin ma jistgħux jitqiesu li jkunu fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ [tranżazzjonijiet kummerċjali normali] u ma jistgħux jintużaw biex jistabbilixxu valur normali sakemm ma jkunx stabbilit li huma ma humiex milquta mir-relazzjoni.
[…]
2. Il-bejgħ tal-prodott simili maħsub għall-konsum domestiku għandu normalment jiġi wżat biex jiġi stabbilit valur normali jekk volum ta’ bejgħ bħal dan jikkonstitwixxi 5 % jew aktar mill-volum tal-bejgħ tal-prodott taħt konsiderazzjoni lill-Komunità. Madanakollu, jista’ jiġi wżat volum inqas ta’ bejgħ meta, per eżempju, il-prezzijiet mitluba jkunu kkunsidrati rappreżentattivi għas-suq konċernat.
3. Meta ma jkun hemm l-ebda bejgħ jew meta ma jkunx hemm biżżejjed bejgħ tal-prodott simili fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ [tranżazzjonijiet kummerċjali normali], jew fejn, minħabba s-sitwazzjoni partikolari tas-suq, bejgħ bħal dan ma jippermettix paragun xieraq, il-valur normali ta’ prodott simili għandu jiġi kkalkolat fuq il-bażi ta’ l-ispiża tal-produzzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini flimkien ma’ ammont raġonevoli għall-ispejjeż tal-bejgħ, ġenerali u amministrattivi u għal profitti, jew fuq il-bażi tal-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni, fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ [tranżazzjonijiet kummerċjali normali], lill-pajjiż terz xieraq, sakemm dawk il-prezzijiet ikunu rappreżentattivi.
[…]
4. Bejgħ tal-prodott simili fis-suq domestiku tal-pajjiż esportatur, jew bejgħ ta’ esportazzjoni lil pajjiż terz, bi prezzijiet inqas miċ-ċifra ta’ l-ispejjez tal-produzzjoni (fissi u varjabbli) flimkien ma’ l-ispejjeż tal-bejgħ, ġenerali u amministrattivi jistgħu jiġu trattati bħala li ma jkunux fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ [tranżazzjonijiet kummerċjali normali] minħabba l-prezz, u jistgħu ma jitqisux fid-determinazzjoni tal-valur normali, sakemm ikun stabbilit li bejgħ bħal dan isir f’perjodu estiż fi kwanitajiet sostanzjali, u jkun bi prezzijiet li ma jagħmlux tajjeb għall-irkupru ta’ l-ispejjeż kollha f perjodu raġjonevoli.
[…]
6. L-ammonti għall-bejgħ, għal spejjeż ġenerali u amministrattivi u għal profitti għandhom jiġu bbażati fuq data attwali li għandhom x’jaqsmu mal-produzzjoni u l-bejgħ, fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ [tranżazzjonijiet kummerċjali normali], tal-prodott simili mill-esportatur jew il-produttur taħt investigazzjoni. Meta ammonti bħal dawn ma jistgħux jiġu stabbiliti fuq din il-bażi, l-ammonti jistgħu jiġu stabbiliti fuq il-bażi ta’:
a)
l-medja peżata ta’ l-ammonti attwali stabbilita għal esportaturi jew produtturi oħra soġġetti għal investigazzjoni fejn għandhom x’jaqsmu mal-produzzjoni u l-bejgħ ta’ prodott ta’ l-istess tip fis-suq domestiku tal-pajjiż ta’ oriġini;
b)
l-ammonti attwali applikabbli għall-produzzjoni u l-bejgħ, fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ [tranżazzjonijiet kummerċjali normali] ta’ l-istess kategorija ġenerali ta’ prodotti għall-esportatur jew il-produttur in kwistjoni fis-suq domestiku tal-pajjiż ta’ orġini;
ċ)
kwalunkwe metodu raġjonevoli ieħor, sakemm l-ammont għal profitt b’hekk stabbilit ma jaqbiżx il-profitt normalment magħmul minn esportaturi jew produtturi oħra fuq bejgħ ta’ prodotti ta’ l-istess kategorija ġenerali fis-suq domestiku tal-pajjiż ta’ oriġini.”
II – Il-fatti li wasslu għall-kawża
5.
Sussegwentement għal ilment iddepożitat fl-4 ta’ Jannar 2010, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat, fis-17 ta’ Frar 2010, notifika ta’ bidu ta’ proċedura antidumping dwar l-importazzjonijiet ta’ trab żeolit A li joriġinaw mill-Bosnja-Ħerzegovina ( 5 ), prodott użat bħala additiv għall-produzzjoni tad-deterġenti fil-forma ta’ trab u softeners tal-ilma.
6.
Fil-15 ta’ Novembru 2010, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (UE) Nru 1036/2010, li jimponi dazju ta’ antidumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet tat-trab zeolite A li joriġina mill-Bosnja-Ħerzegovina ( 6 ) (iktar ’il quddiem, ir-“Regolament provviżorju”), li permezz tiegħu hija stabbiliet dazju antidumping provviżorju ta’ 28.1 % fuq l-importazzjonijiet ta’ dan il-prodott li joriġinaw mill-Bosnja-Ħerzegovina.
7.
Minn dan ir-regolament jirriżulta, minn naħa, li l-perijodu ta’ investigazzjoni kopra l-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Diċembru 2009 u, min-naħa l-oħra, li l-grupp Birac, li għalih tappartjeni Alumina kienet, f’dan il-perijodu, l-uniku produttur esportatur tal-prodott ikkonċernat fil-Bosnja-Ħerzegovina ( 7 ).
8.
Mir-Regolament provviżorju jirriżulta wkoll li, fil-kuntest tal-kalkolu tal-valur normali, il-Kummissjoni rrikorriet għall-metodoloġija deskritta fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku, peress li l-bejgħ ta’ Alumina fis-suq intern ma kinux rappreżentattivi fis-sens tal-Artikolu 2(2) tal-istess regolament. Għall-finijiet tal-kostruzzjoni tal-valur normali b’mod konformi mal-imsemmija metodoloġija, il-Kummissjoni użat b’mod partikolari qligħ medju peżat li seħħ fuq il-bejgħ intern tal-prodott simili mwettaq, fil-perijodu ta’ investigazzjoni, mill-grupp Birac li għalih tappartjeni lill-Alumina fit-tranżazzjonijiet kummerċjali normali ( 8 ).
9.
B’ittri tal-1 ta’ Diċembru 2010 u tad-19 ta’ Marzu 2011, Alumina sostniet b’mod partikolari li l-kostruzzjoni tal-valur normali magħmul mill-Kummissjoni tikser l-Artikolu 2(3) u (6) tar-Regolament bażiku peress li l-Kummissjoni kienet użat għal dan il-għan il-marġni ta’ qligħ mwettaq fil-bejgħ lil klijent domestiku biss tal-grupp Birac, li kienu affettwati minn riskju ikbar ta’ nuqqas ta’ ħlas jew ta’ ħlas tard u, konsegwentement, jinkludu żieda fil-prezz ta’ 25 % bħala primjum għar-riskju. Konsegwentement, skont Alumina, dawn it-tranżazzjonijiet ma jammontawx għal tranżazzjonijiet kummerċjali normali skont ir-Regolament bażiku u b’hekk ma setgħux jiġu kkunsidrati għall-kostruzzjoni tal-valur normali.
10.
Permezz tar-regolament ikkontestat, il-Kunsill stabbilixxa dazju antidumping definittiv ta’ 28.1 % fuq it-trab żeolit A li joriġinaw mill-Bosnja-Ħerzegovina, applikabbli fuq il-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni Ewropea, qabel id-dazju.
11.
Minn dan ir-regolament jirriżulta li l-Kunsill ċaħad l-argument imressaq minn Alumina li skont dan, il-bejgħ intern ma kellux ikun ikkunsidrat bħala li seħħ fit-tranżazzjonijiet kummerċjali normali meta sostna li l-“investigazzjoni kienet uriet li d-data u l-provi fornuti mill-[grupp] Birac kienu jammontaw għal bażi sogħda sabiex jiġi stabbilit il-valur normali” ( 9 ).
III – Is-sentenza appellata
12.
Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Ġunju 2011, Alumina ppreżentat rikors għal annullament kontra r-regolament ikkontestat, li insostenn tiegħu, hija qajmet żewġ motivi bbażati, rispettivament, tal-ksur tal-Artikolu 2(3) u (6) u tal-Artikolu 2(6) tar-Regolament bażiku.
13.
Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li kien meħtieġ li jiġi eżaminat fl-ewwel lok, it-tieni motiv ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ “bejgħ imwettaq fi tranżazzjonijiet kummerċjali normali”. B’hekk, l-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali, essenzjalment, ċaħdet l-ewwel parti ta’ dan il-motiv li fil-kuntest tiegħu Alumina kienet issostni li bejgħ mhux rappreżentattiv fis-sens tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku, ma setgħux jiġu kkunsidrati bħala li kienu twettqu fi tranżazzjonijiet kummerċjali normali. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali analizzat it-tieni parti tat-tieni motiv. F’din il-parti, Alumina sostniet li l-Kunsill kien wettaq żball meta ttratta bħala li twettqu fi tranżazzjonijiet kummerċjali normali l-bejgħ tal-prodott ikkonċernat lil klijent uniku domestiku tiegħu, b’mod li l-prezzijiet tagħhom kienu miżjuda b’25 % għal primjum ta’ riskju ta’ ħlas tard jew tan-nuqqas ta’ ħlas.
14.
F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali l-ewwel nett fakkret, fil-punti 26 sa 30 tas-sentenza appellata, li l-kostruzzjoni tal-valur normali bis-saħħa tal-Artikolu 2(3) u (6) tar-Regolament bażiku għandha l-għan li tistabbilixxi valur normali li jkun l-eqreb possibbli għall-prezz tal-bejgħ tal-prodott, kif ikun kieku l-prodott inkwistjoni jkun mibjugħ fil-pajjiż tal-oriġini jew ta’ esportazzjoni fit-tranżazzjonijiet kummerċjali normali. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali fakkret il-ġurisprudenza li skont din, il-kunċett ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali normali, li, skont il-Qorti Ġenerali, għandu portata oġġettiva, għandu l-għan li jeskludi, għad-determinazzjoni tal-valur normali, is-sitwazzjonijiet li fihom il-bejgħ fuq is-suq intern ma humiex konklużi b’kundizzjonijiet normali. Skont il-Qorti Ġenerali, dan il-kunċett jista’ jitqajjem kemm mill-istituzzjonijiet kif ukoll mill-operaturi li huma s-suġġetti tar-regoli antidumping fil-preżenza ta’ ċirkustanzi li jaffettwaw il-karattru normali tal-operazzjonijiet inkwistjoni.
15.
F’dak li jirrigwarda speċifikament il-primjum ta’ riskju inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punti 36 sa 41 tas-sentenza appellata, li tali primjum ma jirrappreżentax parti mill-valur tal-prodott mibjugħ u lanqas ma huwa marbut mal-karatteristiċi tiegħu, iżda jammonta min-naħa l-oħra għal ħlas tar-riskju li l-fornitur jerfa’ meta jbigħ prodotti lil klijent partikolari u l-eżistenza u l-portata tiegħu huwa dovut għall-identiċità ta’ dan il-klijent. B’hekk, skont il-Qorti Ġenerali, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tali primjum ta’ riskju fil-kuntest tal-kostruzzjoni tal-valur normali għandu l-effett li jinkludi fil-kalkolu fattur li ma huwiex intiż li jistabbilixxi l-prezz li għalih il-prodott ser jinbiegħ fil-pajjiż ta’ oriġini iżda jikkonċerna esklużivament il-kapaċità finanzjarja tax-xerrej domestiku speċifiku. Skont il-Qorti Ġenerali, il-kunsiderazzjoni ta’ tali primjum ta’ riskju b’hekk iżżid artifiċjalment ir-riżultat tal-kalkolu tal-valur normali, u taffettwa l-validità ta’ dan il-kalkolu kif ukoll, konsegwentement, il-validità tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ dumping.
16.
Fuq il-bażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali laqgħat ir-rikors u annullat ir-regolament ikkontestat sa fejn dan jikkonċerna lil Alumina.
IV – Il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet
17.
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-11 ta’ Lulju 2013, il-Kummissjoni ppreżentat appell kontra s-sentenza appellata.
18.
Bl-appell tiegħu l-Kunsill jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
—
tannulla s-sentenza appellata;
—
tiċħad ir-rikors, u
—
tikkundanna lill-Alumina għall-ispejjeż relatati mal-appell u mal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali.
19.
Alumina titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
—
tiċħad l-appell tal-Kunsill;
—
sussidjarjament, tiddeċiedi fuq ir-rikors fl-ewwel istanza u tannulla r-regolament ikkontestat, u
—
tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.
V – Analiżi
20.
In sostenn tal-appell tiegħu, li jirrigwarda esklużivament il-punti 36 sa 41 tas-sentenza appellata, il-Kunsill qajjem aggravju uniku bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ “bejgħ imwettqa fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ [tranżazzjonijiet kummerċjali normali]”. Il-Kunsill isostni, fl-ewwel lok, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett, sa fejn hija kkunsidrat li bejgħ ma twettqux fi tranżazzjonijiet kummerċjali normali u b’hekk ma għandhomx jiġu kkunsidrati għall-finijiet tal-kalkolu tal-valur normali, jekk il-prezz tagħhom jinkludi primjum, bħal dak f’din il-kawża, destinat li jkopri r-riskju ta’ ħlas tard jew tan-nuqqas ta’ ħlas minn naħa tax-xerrej. Il-Kunsill isostni, fit-tieni lok, li, billi tadotta tali interpretazzjoni, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ ċertezza legali. Fit-tielet lok, il-Kunsill isostni ksur minn naħa tal-Qorti Ġenerali tal-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni.
21.
Qabel ma jiġu analizzati fuq il-mertu l-argumenti mressqa mill-Kunsill fil-motiv uniku tiegħu, għandha tiġi eżaminata l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà imqajma minn Alumina kontra l-appell.
A – Fuq l-ammissibbiltà tal-appell
22.
Alumina ssostni li l-aggravju uniku mqajjem mill-Kunsill in sostenn tal-appell tagħha jirrigwarda l-kwistjoni ta’ fatt u mhux fuq il-ksur ta’ dispożizzjoni legali. L-imsemmi aggravju uniku jkun b’hekk inammissibbli quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod li l-appell għandu jkun miċħud bħala inammissibbli kollu kemm hu. Il-Kunsill stess fil-kitbiet tiegħu ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali kien ikklassifika bħala kwistjoni ta’ fatt dik dwar jekk il-bejgħ intern imwettaq minn Alumina lil uniku klijent domestiku tagħha kien twettaq fi tranżazzjonijiet kummerċjali normali. Il-Kunsill jikkontesta l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà u jikkunsidra li l-appell tiegħu huwa ammissibbli.
23.
F’dak ir-rigward, għandu jitfakkar li mill-Artikolu 256 TFUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li l-Qorti Ġenerali biss għandha l-kompetenza, minn naħa, li tikkonstata l-fatti u min-naħa l-oħra, li tevalwa dawn il-fatti. Huwa biss fl-ipoteżi fejn l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjoni tal-fatti, imwettqa mill-Qorti Ġenerali, tkun tirriżulta mill-atti tal-proċess li jkunu ġew ippreżentati quddiemha jew f’każ ta’ żnaturament tal-provi ammessi insostenn ta’ dawk il-fatti li dik il-konstatazzjoni jew dik l-evalwazzjoni tal-imsemmija provi, jkunu jikkostitwixxu punti ta’ liġi suġġetti għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tistħarreġ, skont l-Artikolu 256 TFUE, il-karatterizzazzjoni legali ta’ dawn il-fatti u l-konklużjonijiet legali li siltet minnhom il-Qorti Ġenerali ( 10 ).
24.
Issa, jekk il-kwistjoni li jiġi stabbilit b’mod konkret jekk ċerti bejgħ twettqu — jew ma twettqux — fi tranżazzjonijiet kummerċjali normali tammonta effettivament għal kwistjoni ta’ fatt li tevita l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jiġi kkonstatat li, permezz tal-aggravju uniku, il-Kunsill jikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “bejgħ imwettqa fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ [tranżazzjonijiet kummerċjali normali]”, hekk kif previsti fl-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku, sa fejn din ikkunsidrat li tali tranżazzjonijiet kummerċjali normali jistgħu jseħħu anki jekk il-prezz ta’ dawn il-bejgħ jinkludu primjum iddestinat li jkopri r-riskju ta’ nuqqas ta’ ħlas jew dewmien fil-ħlas.
25.
L-aggravju uniku mqajjem mill-Kunsill b’hekk jirrigwarda mhux fuq il-konstatazzjoni tal-fatti jew l-evalwazzjoni tal-provi magħmula mill-Qorti Ġenerali, iżda fuq l-interpretazzjoni ta’ kunċett ġuridiku u fuq il-konsegwenzi ġuridiċi li jirriżultaw mill-applikazzjoni tiegħu għal fatti bħal dawk li ġew ikkonstatati.
26.
B’hekk jirriżulta li, fl-opinjoni tiegħi, l-aggravju uniku mqajjem mill-Kunsill għandu jiġi kkunsidrat bħala ammissibbli.
B – Fuq il-mertu
1. Argumenti tal-partijiet
27.
Il-Kunsill isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta telqet mill-prinċipju li bejgħ ma humiex imwettqa fi tranżazzjonijiet kummerċjali normali jekk il-prezz jinkludi element, bħal f’dan il-każ, il-primjum ta’ riskju ta’ nuqqas ta’ ħlas, li ma huwiex marbut mal-valur tal-prodott. Tali interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “bejgħ, fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ [fi tranżazzjonijiet kummerċjali normali]” ma tkunx sostnuta la mir-Regolament bażiku, la mill-Ftehim dwar l-implementazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-tariffi doganali u l-kummerċ tal-1994 ( 11 ) (iktar ’il quddiem il-“ftehim antidumping”). Hija lanqas ma għandha bażi fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.
28.
Il-kriterju ta’ “prezz li jirrefletti l-valur tal-prodott” magħżul mill-Qorti Ġenerali jkun, skont il-Kunsill, mhux xieraq sabiex jiġi stabbilit jekk bejgħ huwa mwettaq fi tranżazzjonijiet kummerċjali normali. Fil-fatt, l-użu ta’ tali kriterju jobbliga lill-istituzzjonijiet li “jaqtgħu” sistematikament il-motivi tal-ħlas (u tal-applikazzjoni) tal-prezzijiet ikkomunikati u sabiex jiġi stabbilit il-valur reali tal-prodott. Tali prattika tkun mhux biss waħda li ma tistax titwettaq u tmur kontra l-prinċipju taċ-ċertezza legali, iżda ma jkollha l-ebda rabta mal-kunċett ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali normali, li jissupponi li jiġi vverifikat jekk il-bejgħ ikkunsidrati seħħew f’kundizzjonijiet u b’mod konformi ma’ prattiki li, f’perijodu raġonevoli, setgħu jkunu kkunsidrati bħala normali għall-bejgħ intern ikkonċernat.
29.
L-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali barra minn hekk tinkludi riskju kbir ta’ abbuż. Fil-fatt, sabiex bejgħ intern bi prezz għoli ma jkunux ikkunsidrati għall-finijiet tal-kalkolu tad-dumping, ikun suffiċjenti għall-esportaturi li jinkludu fil-kuntratti tagħhom ta’ bejgħ intern klawżola li tipprovdi li l-prezz jinkludi primjum dwar xi element artifiċjali jkun xi jkun, li ma għandu l-ebda rabta mal-valur tal-prodott, u sussegwentement isostni li, b’hekk, dawn il-bejgħ ma seħħewx fi tranżazzjonijiet kummerċjali normali u b’hekk għandhom jkunu esklużi mill-kalkolu tal-valur normali.
30.
Barra minn hekk, ir-referenza fl-Artikolu 2(10)(k) tar-Regolament bażiku, li saret mill-Qorti Ġenerali fil-punt 38 tas-sentenza appellata, tkun bla sens sa fejn l-aġġustamenti li huma previsti fih ikunu intiżi li jeliminaw ċerti differenzi bejn il-valur normali u l-prezz għall-esportazzjoni u jkunu applikabbli biss wara li jkun ġie stabbilit dan il-valur u mhux sabiex jiġi stabbilit.
31.
Fl-aħħar nett, il-Kunsill isostni li l-Qorti Ġenerali ma mmotivatx b’mod suffiċjenti l-konklużjonijiet tagħha u b’hekk kisret l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni.
32.
Alumina ssostni, min-naħa l-oħra, li l-Qorti Ġenerali ma wettqet l-ebda żball ta’ interpretazzjoni tal-kunċett ta’ bejgħ imwettaq fi tranżazzjonijiet kummerċjali normali iżda ġustament applikat il-kriterji żviluppati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha. B’hekk, il-Qorti Ġenerali ġustament qieset li l-bejgħ intern konkluż bi primjum għal riskju ma setgħux ikunu kkunsidrati bħala li twettqu fi tranżazzjonijiet kummerċjali normali, sa fejn huma ma jirriżultawx minn aġir normali tax-xerrejja u lanqas minn formazzjoni normali tal-prezzijiet.
33.
L-argument ibbażat fuq riskju ta’ abbuż ikun wieħed żbaljat. Fil-fatt, il-Kummissjoni stess irrikonoxxiet li l-bejgħ li seħħ minn Alumina lil klijent domestiku uniku tagħha kien affettwat minn primjum ta’ riskju ta’ 25 % bil-għan li speċifikament ikopri r-riskju ta’ nuqqas ta’ ħlas b’mod li l-Kunsill ma jistax isostni li dan il-primjum għandu karattru artifiċjali. Barra minn hekk, ma hemmx riskju ta’ abbuż sa fejn il-Qorti Ġenerali speċifikament illimitat l-interpretazzjoni tagħha tal-kunċett ta’ bejgħ li seħħew fi tranżazzjonijiet kummerċjali normali għall-eżistenza ta’ primjum ta’ riskju bħal dak inkwistjoni.
34.
Fl-aħħar nett, Alumina ssostni, minn naħa, li l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ bejgħ mwettqa fi tranżazzjonijiet kummerċjali normali li saret mill-Qorti Ġenerali hija konformi mal-ġurisprudenza u b’hekk ma jiksirx il-prinċipju ta’ ċertezza legali u, min-naħa l-oħra, li l-Qorti Ġenerali mmotivat b’mod suffiċjenti skont il-liġi l-konklużjonijiet tagħha.
2. Evalwazzjoni
35.
L-appell tal-Kunsill jirrigwarda essenzjalment l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ bejgħ li seħħ fi “tranżazzjonijiet kummerċjali normali” (“ordinary course of trade”) sostnut mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, li tkun, fl-opinjoni tiegħu vvizzjata bi żball ta’ liġi.
36.
F’dan ir-rigward, għandu l-ewwel nett jitfakkar li, skont l-Artikolu 1(2) tar-Regolament bażiku, sabiex jiġi stabbilit jekk prodott huwa s-suġġett ta’ dumping, il-prezz tiegħu għall-esportazzjoni għandu jkun ikkomparat ma’ prezz applikat fi tranżazzjonijiet kummerċjali normali għall-prodott simili fil-pajjiż esportatur.
37.
Il-kunċett ta’ tranżazzjoni kummerċjali normali huwa b’hekk kunċett intrinsiku għal dak ta’ dumping. Iktar preċiżament, hija inerenti għad-determinazzjoni tal-valur normali tal-prodott simili li għandu jkun ikkomparat mal-prezz għall-esportazzjoni sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ dumping. Il-kunċett ta’ tranżazzjoni kummerċjali normali jinsab fil-fatt fit-taqsima A tal-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku, li tikkontjeni d-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw id-determinazzjoni tal-valur normali ( 12 ). Bejgħ li ma jseħħux fi tranżazzjonijiet kummerċjali normali għandhom jiġu esklużi mill-kalkolu tal-valur normali ( 13 ).
38.
Għalkemm jammonta għal kunċett fundamentali għad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dumping, la l-ftehim antidumping, u lanqas ir-Regolament bażiku ma jikkontjenu definizzjoni tal-kunċett ta’ tranżazzjoni kummerċjali normali. Ir-Regolament bażiku jforni madankollu ċerti indikazzjonijiet f’dan ir-rigward sa fejn jipprovdi speċifikament żewġ tipi ta’ bejgħ li, f’ċerti kundizzjonijiet, jistgħu ma jammontawx għal tranżazzjonijiet kummerċjali normali u fejn il-prezz jista’ jkun eskluż mill-kalkolu tal-valur normali.
39.
Dan jirrigwarda fl-ewwel lok, bejgħ li seħħew bejn imsieħba li huma assoċjati jew li kkonkludew bejniethom ftehim ta’ kumpens. Skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku, il-prezzijiet ta’ dawn il-bejgħ jistgħu jiġu kkunsidrati bħala prezzijiet applikati fi tranżazzjonijiet kummerċjali normali biss jekk huwa stabbilit li ma humiex affettwati mir-relazzjoni eżistenti bejn il-partijiet ( 14 ). B’hekk jirriżulta li l-prezzijiet ta’ dawn il-bejgħ jistgħu jkunu kkunsidrati għad-determinazzjoni tal-valur normali biss jekk huwa muri li r-relazzjoni ta’ assoċjazzjoni jew kuntrattwali eżistenti bejn il-bejjiegħ u x-xerrej ma affettwatx il-formazzjoni.
40.
Fit-tieni lok, dan jirrigwarda tranżazzjonijiet li fihom prodott huwa mibjugħ bi prezz inferjuri mill-prezz ta’ produzzjoni. Skont l-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku ( 15 ), dawn il-bejgħ jistgħu jkunu kkunsidrati bħala li ma seħħewx fi tranżazzjonijiet kummerċjali normali, jekk huma mwettqa f’perijodu estiż fi kwantitajiet sostanzjali u bi prezzijiet li ma jippermettux li jiġu koperti l-ispejjeż kollha f’terminu raġonevoli.
41.
Dawn iż-żewġ tipi ta’ bejgħ evidentement ma jammontawx għall-uniċi każijiet li fihom bejgħ jistgħu ma jseħħux fi tranżazzjonijiet kummerċjali normali. Fil-prattika tagħhom, l-istituzzjonijiet fil-fatt ikkunsidraw f’sitwazzjonijiet differenti oħra li bejgħ ma kinux twettqu fi tranżazzjonijiet kummerċjali normali ( 16 ).
42.
Il-Qorti tal-Ġustizzja stess diġà kellha l-okkażjoni li tittratta l-kunċett ta’ tranżazzjoni kummerċjali normali. Fis-sentenzi Goldstar vs Il-Kunsill ( 17 ) u Ajinomoto u NutraSweet vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni ( 18 ), hija indikat li l-kunċett ta’ tranżazzjoni kummerċjali normali tikkonċerna l-karattru tal-bejgħ ikkunsidrati fihom infushom u li hija għandha l-għan li teskludi, għad-determinazzjoni tal-valur normali, is-sitwazzjonijiet li fihom il-bejgħ fis-suq intern ma humiex konklużi f’kundizzjonijiet kummerċjali normali, b’mod partikolari meta prodott jinbiegħ bi prezz iktar baxx mill-ispejjeż ta’ produzzjoni jew meta tranżazzjonijiet iseħħu bejn imsieħba li huma assoċjati jew li kkonkludew ftehim ta’ kumpens.
43.
Din il-ġurisprudenza — hekk kif jirriżulta, min-naħa l-oħra, miż-żewġ sitwazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, li huma diġà indikati fir-Regolament bażiku — hija bbażata fuq l-għan proprju tal-kunċett ta’ tranżazzjoni kummerċjali normali li tiżgura li l-valur normali jikkorrispondi, kemm jista’ jkun, mal-prezz normali tal-prodott simili fis-suq intern tal-esportatur. B’hekk, jekk bejgħ huwa konkluż skont it-termini u l-kundizzjonijiet li ma jikkorrispondux mal-prattika kummerċjali li tikkonċerna l-bejgħ tal-prodott simili fl-imsemmi suq fil-mument rilevanti għall-istabbiliment tad-dumping, hija ma tammontax għal bażi xierqa sabiex tistabbilixxi l-valur normali tal-prodott simili fl-imsemmi suq u b’hekk għandha tiġi miċħuda ( 19 ).
44.
Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li l-evalwazzjoni bil-għan li jiġi stabbilit jekk il-bejgħ seħħewx jew le fi tranżazzjonijiet kummerċjali normali għandha sseħħ mill-istituzzjonijiet każ b’każ u fid-dawl tal-finalità proprja tal-kunċett ta’ tranżazzjoni kummerċjali normali hekk kif indikat fil-punt preċedenti. Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, l-istituzzjonijiet għandhom jikkunsidraw il-fatturi kollha rilevanti u ċ-ċirkustanzi kollha partikolari li jirrigwardaw il-bejgħ inkwistjoni ( 20 ).
45.
F’din il-perspettiva, għandu jingħad li l-prezz jammonta biss għal wieħed mill-elementi, għalkemm essenzjali, fost it-termini u l-kundizzjonijiet ta’ bejgħ. B’hekk, sabiex jiġi stabbilit jekk din tikkorrispondi ma’ tranżazzjoni kummerċjali normali, l-prezz tagħha jrid jiġi evalwat fid-dawl ta’ termini u kundizzjonijiet oħra tat-tranżazzjoni ( 21 ). B’hekk jirriżulta li l-prezz ta’ bejgħ jista’ jiġi kkunsidrat għad-determinazzjoni tal-valur normali ta’ prodott simili biss sussegwentement għal analiżi tal-fatturi kollha rilevanti u b’mod partikolari tat-termini u tal-kundizzjonijiet tal-bejgħ inkwistjoni.
46.
F’dan ir-rigward, huwa opportun li jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà sostniet li, fl-evalwazzjoni tagħha tal-karattru normali tal-bejgħ, l-istituzzjonijiet għandhom jagħtu motivazzjoni li ma tistax tillimita ruħha għal allegazzjonijiet perentorji li huma ekwivalenti għal sempliċi referenzi għal testi normattivi ( 22 ).
47.
F’dak li jirrigwarda il-kunċett ta’ bejgħ li seħħew fi tranżazzjonijiet kummerċjali normali, għandu jingħad ukoll li, hekk kif sostniet — fl-opinjoni tiegħi ġustament ‐ il-Qorti Ġenerali fil-punt 29 tas-sentenza appellata, dan il-kunċett għandu portata oġġettiva.
48.
Dan jimplika, minn naħa, li l-kunċett ta’ bejgħ imwettaq fi tranżazzjonijiet kummerċjali normali jista’ jitqajjem mhux biss mill-istituzzjonijiet, sabiex jinnewtralizza l-prattiki li jistgħu jaħbu d-dumping jew il-portata tiegħu, iżda wkoll mill-operaturi li huma s-suġġetti tar-regoli antidumping fil-preżenza ta’ ċirkustanzi li jaffettwaw il-karattru normali tat-tranżazzjonijiet inkwistjoni ( 23 ).
49.
Min-naħa l-oħra, jirriżulta mill-portata oġġettiva ta’ dan il-kunċett li d-determinazzjoni tal-karattru normali ta’ tranżazzjoni kummerċjali għandha tkun ibbażata fuq elementi ta’ natura oġġettiva li jirrigwardaw din it-tranżazzjoni. Il-karattru normali ta’ tranżazzjoni jista’, min-naħa l-oħra, ikun ikkontestat fil-preżenza ta’ fatturi ta’ natura suġġettiva li, filwaqt li jista’ jkollhom impatt fuq l-istabbiliment tat-termini u tal-kundizzjonijiet ta’ tranżazzjoni kummerċjali speċifika, li jikkonċernaw, madankollu, esklużivament karatteristiċi partikolari proprji għall-partijiet għat-tranżazzjoni jew wieħed minnhom. F’tali sitwazzjonijiet, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn il-fatturi suġġettivi fid-determinazzjoni tat-termini u tal-kundizzjonijiet tat-tranżazzjoni kummerċjali jista’ ma jirreflettix in-normalità tal-prattika kummerċjali fil-pajjiż inkwistjoni. It-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tali karatteristiċi suġġettivi speċifiċi fid-determinazzjoni tat-termini ta’ bejgħ u b’hekk fl-opinjoni tiegħi li jistgħu jeskludu, suġġett għal analiżi każ b’każ, li dan il-bejgħ jista’ jkun ikklassifikat bħala “tranżazzjoni kummerċjali normali”.
50.
Fl-aħħar nett, nikkunsidra wkoll importanti li jingħad li fl-evalwazzjoni każ b’każ bil-għan li jiġi stabbilit jekk bejgħ twettqux jew le fi tranżazzjonijiet kummerċjali normali, l-istituzzjonijiet għandhom ikollhom ċerta marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward kemm il-kwistjoni dwar liema fatturi huma rilevanti f’kull każ speċifiku, kif ukoll l-evalwazzjoni konkreta ta’ dawn il-fatturi, skont id-dettalji partikolari għal kull każ.
51.
L-eżistenza ta’ din il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-istituzzjonijiet hija, fl-opinjoni tiegħi, ikkonfermata mit-terminoloġija użata mir-Regolament bażiku stess fir-rigward taż-żewġ tipi ta’ tranżazzjonijiet imsemmija fil-punti 39 u 40 iktar ’il fuq, li, f’ċerti kundizzjonijiet, jistgħu ma jikkostitwux tranżazzjonijiet kummerċjali normali, jiġifieri l-bejgħ bejn imsieħba assoċjati jew bejn partijiet li kkonkludew ftehim ta’ kumpens u l-bejgħ imwettqa bi prezz iktar baxx mill-ispejjeż. Fil-fatt, l-użu mir-Regolament bażiku tal-verb “jeżerċita” fid-dispożizzjonijiet ikkonċernati tindika l-eżistenza ta’ ċerta marġni ta’ diskrezzjoni tal-istituzzjonijiet kompetenti f’dak li jirrigwarda l-klassifikazzjoni konkreta ta’ dawn it-tipi ta’ bejgħ bħala tranżazzjonijiet kummerċjali normali ( 24 ). Issa, nikkunsidra li jekk l-istituzzjonijiet jkollhom tali marġni ta’ diskrezzjoni għall-evalwazzjoni ta’ karattru normali ta’ tranżazzjonijiet inklużi fit-tipoloġiji ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali speċifikament previsti fir-Regolament bażiku, huma għandhom a fortiori jkollhom dan sabiex jevalwaw l-imsemmi karattru għat-tranżazzjonijiet li ma humiex speċifikament identifikati f’dan ir-regolament.
52.
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li fl-opinjoni tiegħi jeħtieġ li jiġu analizzati l-argumenti mqajma mill-Kunsill kontra s-sentenza appellata.
53.
Fir-rigward tal-ilment tal-Kunsill li skont dan, il-Qorti Ġenerali kienet wettqet żball ta’ liġi u b’hekk tal-prinċipju li bejgħ ma jkunux twettqu fi tranżazzjonijiet kummerċjali normali ħlief jekk il-prezz jirrefletti l-valur tal-prodott, dan l-ilment huwa bbażat fl-opinjoni tiegħi fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata.
54.
Fil-fatt, fil-punti 36 sa 39 ta’ din is-sentenza, billi tibbaża ruħha fuq il-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 27 sa 30 tal-istess sentenza, il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha li tikkunsidra li l-kunsiderazzjoni fil-kuntest tal-kostruzzjoni tal-valur normali ta’ primjum bħal dik inkwistjoni kellha bħala effett li ddaħħal fil-kalkolu ta’ dan il-valur fattur li ma huwiex intiż li jistabbilixxi l-prezz li bih il-prodott sejjer jinbiegħ fil-pajjiż ta’ oriġini f’kundizzjonijiet normali, iżda li jikkonċerna esklużivament il-kapaċità finanzjarja tax-xerrej domestiku partikolari. L-inklużjoni ta’ dan l-element fil-kalkolu tal-valur normali jwassal, skont il-Qorti Ġenerali, għal żieda artifiċjali tar-riżultat ta’ dan il-kalkolu b’tali mod li dan ir-riżultat ma jirriflettix iktar daqshekk fedelment il-prezz ta’ bejgħ ta’ prodott, hekk kif ikun jekk il-prodott inkwistjoni kien mibjugħ fil-pajjiż ta’ oriġini fi tranżazzjonijiet kummerċjali normali.
55.
Jiena tal-opinjoni li tali raġunament ma huwa vvizzjat b’ebda żball ta’ liġi. Fil-fatt, ma huwiex ikkontestat li l-primjum inkwistjoni f’din il-kawża ma jikkonċernax element oġġettiv li għandu effett fuq il-formazzjoni tal-prezz, iżda kien pjuttost ittratta fattur suġġettiv li jikkonċerna, skont it-termini użati mill-Qorti Ġenerali, “esklużivament il-kapaċità finanzjarja tax-xerrej domestiku speċifiku” ( 25 ).
56.
Issa, jekk il-kapaċità finanzjarja tax-xerrej tal-prodotti inkwistjoni tista’ ċertament tammonta għal fattur li jista’ jkollu effett fuq il-formazzjoni tal-prezz ta’ bejgħ speċifiku (jew fuq kundizzjonijiet oħra tat-tranżazzjoni), hija tikkonċerna madankollu esklużivament karatteristika partikolari għal din il-parti tat-tranżazzjoni kummerċjali inkwistjoni. Issa, hekk kif ikkunsidrajt fil-punt 49 iktar ’il fuq, il-preżenza fil-kuntest ta’ bejgħ ta’ fatturi suġġettivi ta’ dan it-tip jipprekludi, suġġett għal analiżi każ b’każ tal-elementi kollha rilevanti fid-dawl tal-finalità proprja tal-kunċett ta’ tranżazzjoni kummerċjali normali msemmi fil-punt 43 iktar ’il fuq, li dan il-bejgħ ikun ikklassifikat bħala “normali”.
57.
Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Kunsill, fl-opinjoni tiegħi, ma jirriżultax mis-sentenza appellata, li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li bejgħ huwa mwettaq fi tranżazzjonijiet kummerċjali normali biss jekk il-prezz tal-bejgħ jirrifletti l-valur tal-prodott.
58.
Ċertament, fil-punt 36 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali sostniet li l-primjum inkwistjoni ma jirrappreżentax “parti mill-valur tal-prodott mibjugħ u lanqas [ma] huwa marbut mal-karatteristiċi tiegħu” u kklassifikatu wkoll fil-punt 38 tal-istess sentenza bħala “element li ma jirriflettix parti mill-valur tal-prodott mibjugħ”. Madankollu, fl-opinjoni tiegħi, huwa żbaljat li jiġu interpretati dawn il-punti tas-sentenza appellata fis-sens li l-Qorti Ġenerali esprimiet stqarrijiet ta’ prinċipju li skont dawn il-karattru normali tal-bejgħ jiddependu neċessarjament mill-fatt li l-prezz tagħhom jirrifletti l-valur tal-prodott.
59.
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li esprimejt fil-punti 36 sa 51 iktar ’il fuq, nikkunsidra li tali stqarrijiet ta’ prinċipju jkunu fil-fatt żbaljati, peress li l-kunċett ta’ tranżazzjoni kummerċjali normali jikkonċerna l-karattru ta’ bejgħ ikkunsidrati fihom infushom u jippresupponi analiżi każ b’każ ta’ bosta fatturi fejn il-prezz huwa biss wieħed fosthom.
60.
L-istqarrijiet li saru mill-Qorti Ġenerali fil-punti 36 u 38 tas-sentenza appellata, lil hinn milli jammontaw għal espressjoni ta’ prinċipju, għandhom, fl-opinjoni tiegħi, ikunu mifhuma li jirreferu għall-fatt li, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, il-primjum inkwistjoni ma jirriflettix element oġġettiv li għandu effett fuq il-formazzjoni tal-prezz, ‐ bħall-valur tal-prodott jew il-karatteristiċi tagħha ‐, iżda kienet pjuttost relatat ma’ fattur suġġettiv, jiġifieri l-kapaċità finanzjarja tax-xerrej domestiku partikolari.
61.
F’dak li jirrigwarda iktar speċifikament l-argument tal-Kunsill ibbażat fuq riskju ta’ abbuż, għandu jingħad minn naħa li, hekk kif enfasizzajt fil-punti 50 u 51 iktar ’il fuq, l-istituzzjonijiet għandhom ċerta marġni ta’ diskrezzjoni dwar kemm il-kwistjoni dwar x’inhuma l-fatturi ta’ natura oġġettiva rilevanti li għandhom jiġu kkunsidrati kif ukoll l-evalwazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, eventwali argumenti mqajma mill-operaturi li huma s-suġġett tal-investigazzjoni u li għandhom l-għan li jpoġġu fid-dubju n-normalità ta’ tranżazzjoni kummerċjali waħda jew iktar għandhom jiġu sostnuti minn informazzjoni jew minn dokumentazzjoni li tammonta għal provi taċ-ċirkustanzi allegati. Issa, hija responsabbiltà tal-istituzzjonijiet stess li jevalwaw l-elementi fornuti insostenn ta’ dawn l-allegazzjonijiet filwaqt li jiġi kkunsidrat li, skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku, huma awtorizzati li ma jiħdux inkunsiderazzjoni informazzjoni falza jew qarrieqa. F’dan ir-rigward, għandu jingħad li, f’din il-kawża, ir-regolament ikkontestat stess jattesta l-affidabbiltà tal-informazzjoni fornuta ( 26 ).
62.
F’dak li jirrigwarda l-argument tal-Kunsill dwar karattru allegatament żbaljat tar-referenza li saret mill-Qorti Ġenerali fl-Artikolu 2(10)(k) tar-Regolament bażiku, nikkunsidra li dan huwa bla effett. Fil-fatt, anki jekk ikun stabbilit li din ir-referenza kienet żbaljata, dan ma jkollu l-ebda effett fuq l-eżattezza tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ bejgħ imwettaq fi tranżazzjonijiet kummerċjali normali kkunsidrati mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata u b’hekk ma jkunx, fih innifsu, jista’ jwassal għall-annullament tas-sentenza appellata.
63.
Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li, sa fejn huwa bbażat fuq qari żbaljat tas-sentenza kkontestata, l-ilment tal-Kunsill ibbażat fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ bejgħ li seħħ fi tranżazzjonijiet kummerċjali normali għandu jiġi miċħud. Barra minn hekk, kif mifhum, l-analiżi tal-Qorti Ġenerali ma hijiex suġġetta li tikkrea ebda inċertezza legali, b’tali mod li l-ilment tal-Kunsill ibbażat fuq ksur tal-prinċipju taċ-ċertezza legali għandu wkoll jiġi miċħud.
64.
Mill-analiżi wkoll ta’ dak li ssemma iktar ’il fuq, jirriżulta li l-motivazzjoni tas-sentenza appellata tiżvela b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-Qorti Ġenerali, li jippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jifhmu l-ġustifikazzjoni għad-deċiżjoni mogħtija u sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ teżerċita s-setgħa tagħha ta’ stħarriġ ġudizzjarju ( 27 ). Jiena tal-opinjoni li jirriżulta li l-ilment ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, li wkoll ma huwiex sostnut minn ebda argument speċifiku, għandu wkoll jiġi miċħud.
65.
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, nipproponi li jiġi miċħud l-aggravju uniku tal-appell imqajjem mill-Kunsill u, b’hekk, l-appell fl-intier tiegħu.
VI – Fuq l-ispejjeż
66.
Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) ta’ dawn, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kunsill tilef l-aggravju uniku tiegħu u Alumina talbet għall-kundanna tiegħu għall-ispejjeż, hemm lok li tintlaqa’ din it-talba.
VII – Konklużjoni
67.
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi kif ġej:
1)
L-appell huwa miċħud.
2)
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u dawk sostnuti minn Alumina d.o.o.
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) T-304/11, EU:T:2013:224.
( 3 ) ĠU L 125, p. 1.
( 4 ) ĠU L 343, p. 51.
( 5 ) ĠU C 40, p. 5.
( 6 ) ĠU L 298, p. 27.
( 7 ) Ara l-premessi 3, 10 u 11 tar-Regolament provviżorju.
( 8 ) Ara l-premessi 21 sa 26 tar-Regolament provviżorju.
( 9 ) Ara l-premessa 20 tar-regolament ikkontestat.
( 10 ) Ara s-sentenza Il-Kunsill vs Zhejiang Xinan Chemical Industrial Group, C‑337/09 P, EU:C:2012:471, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 11 ) Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21 p. 189, Ftehim inkluż fl-Anness 1 A tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), iffirmat f’Marrakech fil-15 ta’ April 1994 u approvat b’Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE, tat-22 ta’ Diċembru 1994, dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21 p. 80).
( 12 ) B’mod iktar partikolari, dan il-kunċett jinstab kemm fil-paragrafu 1 tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku, li jistabbilixxi li l-valur normali huwa normalment ibbażat fuq il-prezzijiet imħallsa jew li għandhom jitħallsu fi tranżazzjonijiet kummerċjali normali, minn xerrejja indipendenti fil-pajjiż esportatur, kif ukoll fil-paragrafi 3 u 6 tal-Artikolu 2 tal-istess Regolament li jipprovdi għall-kostruzzjoni tal-valur normali, li għandu jkun ibbażat fuq data reali li tikkonċerna l-produzzjoni u l-bejgħ, fi tranżazzjonijiet kummerċjali normali, tal-prodott simili mill-esportatur jew il-produttur li huwa s-suġġett tal-investigazzjoni.
( 13 ) Ara, f’dan is-sens, il-punt 139 tar-Rapport tal-Organu tal-Appell tad-WTO tal-24 ta’ Lulju 2001, fil-Kawża DS 184 “L-Istati Uniti — Miżuri antidumping applikati għal ċerti prodotti tal-azzar illaminati bis-sħana li joriġinaw mill-Ġappun”.
( 14 ) F’dak li jirrigwarda l-prezzijiet applikati bejn partijiet li kkonkludew bejniethom ftehimiet ta’ kumpens, ara s-sentenza Petrotub u Republica, (C‑76/00 P, EU:C:2003:4, b’mod partikolari l-punt 85).
( 15 ) Din id-dispożizzjoni tikkorrispondi mad-dispożizzjoni tal-Artikolu 2.2.1 tal-ftehim antidumping.
( 16 ) Ara, bħala eżempju, il-premessa 13 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru°2818/91, tat-23 Settembru 1991, li jistabbilixxi dazju antidumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet tal-ħajt tal-qoton li joriġina mill-Brażil, mill-Eġittu u mit-Turkija u li jiddetermina l-proċeduri dwar il-ħajt tal-qoton li joriġina mill-Indja u mit-Tajlandja (ĠU L 271/17) jew il-premessa 11 tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru°837/2000, tad-19 ta’ April 2000, li jistabbilixxi dazju antidumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti tubi katodiċi għal riċevituri tat-televiżjoni bil-kulur li joriġinaw mill-Indja, mill-Malażja, mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u mir-Repubblika tal-Korea (ĠU L 102, p. 5).
( 17 ) C‑105/90, EU:C:1992:69, punt 13.
( 18 ) C‑76/98 P u C‑77/98 P, EU:C:2001:234, punt 39.
( 19 ) Ara, f’dan is-sens, ukoll il-punt 140 tar-Rapport tal-Organu tal-Appell tad-WTO tal-24 Lulju 2001, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ ’il paġna 13 tal-konklużjonijiet preżenti.
( 20 ) Dan l-approċċ, li jipprovdi għal analiżi każ b’każ, huwa applikat ukoll mill-United States Court of International Trade. Ara, f’dan ir-rigward, CEMEX SA vs United States, 19 cit 587 (1995); NTN bearing corp of America vs United States, 23 cit 486 (1999) u Bergerac NC vs United States, 102 F. supp. 2e 497 (2000).
( 21 ) Ara, f’dan is-sens, ukoll, punt 142 tar-Rapport tal-Organu tal-Appell tad-WTO tal-24 ta’ Lulju 2001 iċċitat fin-nota ta’ qiegħ ’il paġna 13 tal-konklużjonijiet preżenti.
( 22 ) Ara s-sentenza Petrotub u Republica, EU:C:2003:4, punt 87.
( 23 ) Ara punti 29 u 30 tas-sentenza appellata.
( 24 ) F’dan ir-rigward, għandu jingħad li l-verb jista’ (“may” fil-verżjoni Ingliża) huwa użat ukoll fl-Artikolu 2.2.1. tal-Ftehim antidumping, li, hekk kif sostnejt fin-nota ta’ qiegħ ’il paġna 15 tal-konklużjonijiet preżenti, jikkorrispondi mal-Artikolu 2(4) tat-Regolament bażiku.
( 25 ) Punt 36 infine tas-sentenza appellata. F’dan ir-rigward, insostni li, anki jekk din l-evalwazzjoni kienet ikkontestata, fi kwalunkwe każ din hija evalwazzjoni ta’ fatt li ma hijiex koperta minn stħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja.
( 26 ) Ara punt 20 tar-regolament ikkontestat u punt 11 iktar ’il fuq.
( 27 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Areva et vs Il-Kummissjoni, C‑247/11 P, EU:C:2014:257, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata.
Full & Egal Universal Law Academy