KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
JÄÄSKINEN
ippreżentati fis-17 ta’ Lulju 2014 ( 1 )
Kawża C‑422/13
Landesamt für Landwirtschaft, Umwelt und ländliche Räume des Landes Schleswig‑Holstein
vs
Uta Wree
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mix-Schleswig‑Holsteinisches Oberverwaltungsgericht (il-Ġermanja)]
“Talba għal deċiżjoni preliminari — Politika Agrikola Komuni — Skema ta’ pagament uniku — Regolament (KE) Nru 73/2009 — Artikolu 34 — Kunċett ta’ ‘mergħa permanenti’ — Saff ta’ wiċċ veġetalizzat ta’ landfill imqiegħda f’fażi ta’ ġestjoni wara li ġiet iddekommissjonata — Kunċett ta’ użu essenzjalment agrikolu fil-każ ta’ użu varjat ta’ superfiċi agrikola”
I – Introduzzjoni
1.
L-applikazzjoni tal-iskema ta’ pagament uniku jippresupponi, b’mod partikolari, “ettari eliġibbli”, hekk kif iddefiniti fl-Artikolu 34(2)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 tad‑19 ta’ Jannar 2009, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa ( 2 ).
2.
Din il-kawża tqajjem żewġ domandi dwar jekk is-superfiċi inkwistjoni fil-kawża prinċipali humiex “ettari eliġibbli” sabiex jibbenefikaw mill-għajnuna, jiġifieri:
—
Il-kunċett ta’ “mergħat permanenti” ( 3 ) bħala element ta’ definizzjoni tal-kunċett ta’ “erja [superfiċi] agrikola” ( 4 ), jista’ jinkludi s-saff ta’ wiċċ ta’ landfill imqiegħda f’fażi ta’ ġestjoni wara li ġiet iddekommissjonata (iktar ’il quddiem is-“superfiċi kontenzjużi”)?
—
Meta “erja [superfiċi] agrikola” tintuża wkoll għal attivitajiet li ma humiex agrikoli, kif għandu jinftiehem ir-rekwiżit ta’ użu “l-biċċa l-kbira [...] għal attivitajiet agrikoli” ( 5 ) li għalih hija suġġetta l-eliġibbiltà tas-superfiċi agrikoli?
3.
Dawn id-domandi jirriżultaw, essenzjalment, mir-rinviju għal deċiżjoni preliminari ppreżentat mix-Schleswig‑Holsteinisches Oberverwaltungsgericht (tribunal amministrattiv superjuri ta’ Schleswig-Holstein, il-Ġermanja) fil-kuntest ta’ tilwima bejn Uta Wree u l-Landesamt für Landwirtschaft, Umwelt und ländliche Räume des Landes Schleswig‑Holstein (uffiċċju reġjonali għall-agrikoltura, l-ambjent u l-ispazji rurali tal-Land ta’ Schleswig‑Holstein, iktar ’il quddiem il-“Landesamt”), fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni, fejn jikkonċerna s-superfiċi li jistgħu jiġu ammessi sabiex jibbenefikaw mill-għajnuna, ta’ superfiċi li tikkostitwixxi s-saff ta’ wiċċ veġetalizzat ta’ landfill imqiegħda f’fażi ta’ ġestjoni wara li ġiet iddekommissjonata.
4.
Fil-kuntest ta’ din il-kawża, il-Qorti għalhekk qed tintalab tiddeċiedi dwar il-kunċetti ċentrali tad-dritt agrikolu, bħall-kunċett ta’ attività agrikola, il-kwalifika ta’ superfiċi agrikola u l-identifikazzjoni tal-ettari eliġibbli sabiex jibbenefikaw mill-għajnuna kif ukoll l-użu ta’ superfiċi ta’ impriża agrikola fil-biċċa l-kbira għal finijiet agrikoli. Qabel kollox nosserva li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari jikkonċerna esklużivament kundizzjonijiet tal-iskema ta’ pagament uniku bl-esklużjoni ta’ kull kunsiderazzjoni oħra, bħal dawk marbuta mas-saħħa pubblika, is-sigurtà tal-ikel jew affarijiet oħra.
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Ir-Regolament Nru 73/2009
5.
Il-premessa 7 tar-Regolament Nru 73/2009 hija fformulata kif ġej:
“Ir-Regolament [tal-Kunsill] (KE) Nru 1782/2003 [tad‑29 ta’ Settembru 2003, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 40, p. 269)] irrikonoxxa l-effett ambjentali pożittiv ta’ mergħat permanenti. Il-miżuri f’dak ir-Regolament li immirati biex tkun imħeġġa l-manutenzjoni ta’ mergħat permanenti eżistenti biex jiġi żgurat kontra konverżjoni massiva f’art li tinħarat għandhom jinżammu.”
6.
Skont l-Artikolu 2(c) u (h) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009:
“c)
‘attività agrikola’ tfisser il-produzzjoni, it-trobbija jew it-tkabbir ta’ prodotti agrikoli inklużi l-ħsad, il-produzzjoni tal-ħalib, it-trobbija tal-annimali u ż-żamma ta’ annimali għal skopijiet ta’ biedja, jew iż-żamma tal-art f’kondizzjoni agrikola u ambjentali tajba kif stabbilit fl-Artikolu 6;
[…]
h)
‘erja [superfiċi] agrikola’ tfisser l-erja [is-superfiċi] totali kollha użata bħala art għall-kultivazzjoni, mergħa permanenti jew uċuħ permanenti”.
7.
Taħt it-Titolu III, intitolat “Skema ta’ pagament uniku”, l-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 73/2009 jipprovdi:
“1. L-appoġġ lill-bdiewa taħt l-iskema tal-pagament uniku għandu jingħata malli jiġi attivat id-dritt għal pagament għal kull ettaru eliġibbli. Drittijiet għal pagament attivati għandhom jagħtu dritt għal pagament tal-ammonti ffissati bihom.
2. Għall-finjiet ta’ dan it-Titolu, ‘ettaru eliġibbli’ għandha tfisser:
a)
kwalunkwe erja [superfiċi] agrikola tal-azjenda [impriża], u kwalunkwe erja mħawla bi msaġar ta’ rotazzjoni qasira (kodiċi tan‑NM ex 06029041), użata għal attività agrikola jew, meta l-erja tintuża ukoll għal attivitajiet mhux agrikoli, użata predominatament għal attivitajiet agrikoli [...]
[...]”
B – Ir-Regolament Nru 1120/2009
8.
Ir-Regolament Nru 1120/2009 ( 6 ) jiffissa l-modalitajiet għall-applikazzjoni tal-iskema ta’ pagament uniku previst mit-Titolu III tar-Regolament Nru 73/2009.
9.
L-Artikolu 2(c) tar-Regolament Nru 1120/2009 jipprovdi kif ġej:
“Għall-finijiet ta-Titolu III tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 u ta’ dan ir-regolament, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:
[…]
c)
‘mergħat permanenti’ tfisser art li tintuża sabiex jitkabbar il-ħaxix jew għalf ieħor fil-forma ta’ ħaxix naturali (li jitla’ waħdu) jew permezz ta’ kultivazzjoni (li jkun inżera’) u li ma ġietx inkluża fin-newba tal-uċuħ tar-raba’ tal-impriża għal ħames snin jew aktar, minbarra art imserrħa [...]; u għal dan l-iskop, ‘ħaxix jew għalf ieħor fil-forma ta’ ħaxix naturali’ tfisser il-pjanti erbaċej kollha li tradizzjonalment jinsabu f’mergħat naturali jew huma normalment inklużi f’taħlitiet ta’ żrieragħ għal mergħat jew imraġ fl-Istat Membru (kemm jekk jintużaw biex jirgħu l-annimali jew le) [...]”
10.
Skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1120/2009:
“Għall-finijiet tal-Artikolu 34(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009, meta erja [superfiċi] agrikola ta’ impriża tintuża wkoll għal attivitajiet mhux agrikoli, dik l-erja [is-superfiċi] tiġi kkunsidrata bħala użata l-biċċa l-kbira għal atttivitajiet agrikoli, jekk din l-attività agrikola tista’ titwettaq mingħajr tfixkil sinifikanti mill-intensità, in-natura, it-tul ta’ żmien u l-waqt tal-attività mhix agrikola.
L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kriterji għall-implimentazzjoni tal-ewwel subparagrafu fuq it-territorju tagħhom.”
III – Il-kawża prinċipali, id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
11.
U. Wree hija veterinarja u topera maqjel tan-nagħaġ. Fih hija trabbi nagħaġ u tipproduċi ħaruf għal-laħam. Il-merħliet tagħha jgħaddu fuq superfiċi differenti ta’ ħaxix li jinsabu fit-territorji tad-distretti ta’ Nordfriesland u ta’ Schleswig‑Flensburg.
12.
Dawn il-mergħat huma komposti b’mod partikolari mis-saff ta’ wiċċ veġetalizzat tal-landfill ta’ Ahrenshöft, fid-distrett ta’ Nordfriesland, u ta’ dik ta’ Schleswig‑Haferteich, fid-distrett ta’ Schleswig‑Flensburg (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien il-“landfills”). Fiż-żewġ landfills li jinsabu barra fil-ftuh, il-fażi ta’ depożitu ta’ skart ġiet fi tmiemha. Il-landfill ta’ Ahrenshöft għadha tinsab fil-fażi ta’ dekommissjonar u dalwaqt għandha tgħaddi għall-fażi ta’ ġestjoni wara li tkun ġiet iddekommissjonata, filwaqt li l-landfill ta’ Schleswig‑Haferteich diġà tinsab fil-fażi ta’ ġestjoni wara li tkun ġiet iddekommissjonata. Ninnota li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari jikkonċerna biss it-tieni każ inkwistjoni, minkejja li fih jiddeskrivi wkoll is-sitwazzjoni tal-landfill ta’ Ahrenshöft.
13.
Skont il-kuntratti li U. Wree kkonkludiet mal-operaturi ta’ żewġ landfills, hija awtorizzata, gratwitament, tħalli lill-merħliet tagħha jirgħu fuq il-mergħat li huma komposti mis-saff ta’ wiċċ veġetalizzata ta’ żewġ landfills.
14.
Permezz ta’ talba unika tal‑11 ta’ Mejju 2010, U. Wree talbet lill-Landesamt l-għoti ta’ pagament uniku għas-sena ta’ talba 2010. Il-Landesamt ċaħdet din it-talba. U. Wree kienet ikkalkolat li s-superfiċi eliġibbli li hija għandha, flimkien mas-superfiċi bil-ħaxix li jinsabu fuq iż-żewġ landfills, jammontaw għal 25.5098 ettaru. L-imsemmija superfiċi eliġibbli kienet tammonta biss għal 5.7243 ettaru, skont il-Landesamt, li sostna li s-superfiċi l-oħra ma kinux imniżżla fir-reġistru tal-artijiet agrikoli. Skont il-Landesamt, dawn tal-aħħar ma jikkostitwixxux superfiċi użati bil-għan ta’ attivitajiet agrikoli.
15.
U. Wree ppreżentat rikors amministrattiv kontra din id-deċiżjoni. Hija sostniet li hija tuża s-superfiċi li jinsabu fuq il-landfills bħala mergħat għan-nagħaġ li qed trabbi u li hija tillivella u taħrat ċerti partijiet tal-imsemmija superfiċi. Barra minn hekk hija sostniet, insostenn tal-ilment tagħha, li s-superfiċi kollha tal-landfills tista’ tintuża mingħajr restrizzjoni sabiex in-nagħaġ ikunu jistgħu jirgħu.
16.
Permezz ta’ deċiżjoni tal‑31 ta’ Marzu 2011, il-Landesamt ċaħad l-ilment ta’ U. Wree bħala nieqsa minn bażi legali. Insostenn tad-deċiżjoni tiegħu, huwa indika li s-superfiċi li kienu s-suġġett tat-talba tar-rikorrenti ma kinux superfiċi agrikoli utli fis-sens tar-Regolament Nru 73/2009, iżda landfills iddekommissjonati fis-sens tar-Regolament dwar il-landfills (Deponieverordnung) ( 7 ).
17.
Fil‑15 ta’ April 2011, U. Wree ppreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem ix-Schleswig Holsteinisches Verwaltungsgericht (tribunal amministrattiv ta’ Schleswig‑Holstein). Insostenn tar-rikors tagħha, hija sostniet b’mod partikolari li s-superfiċi kontenzjużi ma jistgħux jitqiesu li, b’mod prinċipali, huma s-suġġett ta’ użu bħala landfill iddekommissjonata, ġaladarba dan jirrigwarda stat u mhux użu. Min-naħa l-oħra, il-Landesamt isostni li l-imsemmija superfiċi jintużaw b’mod prinċipali bħala landfills imqiegħda f’fażi ta’ ġestjoni wara li jkunu ġew iddekommissjonati u li, minħabba raġunijiet ta’ stabbiltà tal-landfills, is-superfiċi jistgħu, taħt kontroll, jintużaw bħala mergħat għan-nagħaġ. Skont il-Landesamt, huwa essenzjalment għall-prevenzjoni tal-proċessi bijoloġiċi fastidjużi li jkollhom effett fuq l-istabbiltà tal-landfills li l-operaturi tal-landfills iqiegħdu gratwitament is-superfiċi kontenzjużi għad-dispożizzjoni ta’ U. Wree.
18.
Permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Jannar 2012, ix-Schleswig‑Holsteinisches Verwaltungsgericht laqa’ r-rikors ta’ U. Wree. Huwa ddeċieda li din tal-aħħar kellha dritt għal pagament uniku għas-sena 2010 u li s-superfiċi tal-landfills kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-għajnuna. Il-Landesamt appella din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.
19.
Peress li s-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali kienet tiddependi mill-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ix-Schleswig‑Holsteinisches Oberverwaltungsgericht iddeċieda, permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Lulju 2013, li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“Erja [superfiċi], li, minkejja li tintuża għal finijiet agrikoli (mergħa għat-trobbija tan-nagħaġ), tifforma madankollu s-saff tal-wiċċ ta’ landfill imqiegħed fil-fażi ta’ ġestjoni wara l-għeluq tagħha, tikkostitwixxi wkoll erja agrikola fis-sens tal-Artikolu 34(2)(a) tar-[Regolament Nru 73/2009]?”
20.
Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn U. Wree, il-Landesamt, il-Gvern Daniż, u l-Kummissjoni Ewropea. Ma saritx seduta għas-sottomissjonijiet orali.
IV – Analiżi
A – Osservazzjonijiet preliminari
21.
Sabiex tingħata risposta għad-domanda preliminari, hemm lok li jiġu eżaminati suċċessivament il-kunċett ta’ attività agrikola, il-kwalifika ta’ superfiċi agrikola u l-identifikazzjoni tal-ettari eliġibbli kif ukoll l-użu ta’ superfiċi ta’ impriża agrikola fil-biċċa l-kbira għal finijiet agrikoli.
B – Fuq il-kunċett ta ’ attività agrikola f’dan il-każ
22.
Il-Landesamt isostni li l-użu ta’ superfiċi bħala saff ta’ wiċċ ta’ landfill imqiegħda f’fażi ta’ ġestjoni wara li tkun ġiet iddekommissjonata ma huwiex użu agrikolu, iżda jirriżulta mill-ġestjoni tal-iskart. L-użu tal-imsemmija superfiċi bħala mergħa huwa mezz li jissodisfa l-għanijiet ta’ dan l-użu.
23.
Madankollu, il-Landesamt kif ukoll il-Kummissjoni jidhru li jammettu li s-superfiċi huma wkoll is-suġġett ta’ użu agrikolu peress li U. Wree tirgħa l-merħliet tagħha fuq is-superfiċi kontenzjużi għal finijiet ta’ lukru.
24.
Il-qorti tar-rinviju ma tistaqsix espressament lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-punt jekk il-fatt li U. Wree tirgħa l-merħliet tagħha fuq mergħat komposti mis-saff ta’ wiċċ veġetalizzat tal-landfills ifissirx li l-attività ta’ U. Wree għandhiex tiġi kkwalifikata bħala “attività agrikola” fis-sens tal-Artikolu 2(c) tar-Regolament Nru 73/2009.
25.
Xorta jibqa’ l-fatt, fil-fehma tiegħi, li l-fatt li wieħed jirgħa l-merħliet tiegħu fuq superfiċi komposti mis-saff tal-wiċċ veġetalizzat tal-landfills jista’ jikkostitwixxi fih innifsu attività agrikola, sa fejn din l-attività tikkonsisti fit-“trobbija tal-annimali u ż-żamma ta’ annimali għal skopijiet ta’ biedja” fis-sens tal-Artikolu 2(c) tar-Regolament Nru 73/2009, b’differenza, pereżempju, għal attivitajiet għal finijiet mhux ta’ lukru.
26.
Min-naħa l-oħra, ma nqisx li l-attività li tikkonsisti f’li merħliet jirgħu fuq mergħat komposti mis-saff ta’ wiċċ veġetalizzat tal-landfills tista’ tiġi analizzata bħala ż-“żamma tal-art f’kondizzjoni agrikola u ambjentali tajba”, hekk kif previst fl-Artikolu 2(c) tar-Regolament Nru 73/2009. Għaldaqstant, fuq dan il-punt, għandi l-istess opinjoni tal-Landesamt li, jekk il-fażi ta’ ġestjoni wara li tiġi ddekommissjonata tikkonċerna wkoll il-protezzjoni tal-ambjent, madankollu din ma hijiex “żamma tal-art f’kondizzjoni agrikola u ambjentali tajba”, li, konformement mal-Artikolu 2(c) tar-Regolament Nru 73/2009, tikkostitwixxi wkoll attività agrikola.
27.
Fil-fehma tiegħi, hekk għandu jkun peress li huwa diffiċli li wieħed jammetti li s-sit ta’ landfill qadima, anki fil-fażi ta’ ġestjoni wara li tkun ġiet iddekommissjonata, jissodisfa l-kundizzjoni ta’ “kondizzjoni agrikola [...] tajba” msemmija fl-Artikolu 2(c) tar-Regolament Nru 73/2009 ( 8 ). Il-postijiet fejn il-kundizzjonijiet agrikoli tajba jistgħu sempliċement jinżammu, ma għandhomx bżonn ta’ sorveljanza, fid-dawl tal-protezzjoni tas-saħħa, daqs kemm għandhom bżonn dawn il-landfills inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
28.
Barra minn hekk, kif esponiet ġustament il-Kummissjoni, l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ superfiċi agrikola hija intiża sabiex tiddetermina jekk is-superfiċi inkwistjoni jistgħux jiġu kkwalifikati bħala “art” peress li d-definizzjoni ta’ mergħat permanenti li tinsab fl-Artikolu 2(c) tar-Regolament Nru 1120/2009 tirreferi għal dan it-terminu, jew jekk hemm lok, bil-kontra, sabiex tikkunsidra s-saff ta’ wiċċ veġetalizzat taż-żewġ landfills bħala li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “kostruzzjoni”. Fil-fatt, bħall-Kummissjoni, inqis li l-mergħa għandha fiha nnifisha tkun tal-art u li kostruzzjoni jew binja ma tistax tissodisfa d-definizzjoni ta’ mergħa ( 9 ).
29.
Fl-osservazzjonijiet bil-miktub, U. Wree ssostni li s-saff tal-hekk imsejħa membrana tinsab taħt saff ta’ drenaġġ tal-gass u ta’ saff ta’ kumpensazzjoni. Skont U. Wree hija komposta minn żewġ elementi, jiġifieri saff minerali u ġeomembrana. Fiż-żona inferjuri tal-landfill, is-saff minerali hija magħmula minn Trisoplast, taħlita ta’ ramel, ta’ bentonite u ta’ polimeru. Fiż-żona superjuri tal-landfill, is-saff minerali huwa kkostitwit minn 50 ċentimetru ta’ tafal.
30.
Il-landfills huma għalhekk koperti minn saffi differenti. Minkejja li s-saff ta’ wiċċ veġetalizzat tal-landfills tqiegħdet hemmhekk, hija madankollu tinkludi elementi preżenti fl-art naturali, jiġifieri ramel u tafal. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, ma hemmx lok li jiġi kkunsidrat li kull art illivellata għandha neċessarjament titqies li hija parti minn kostruzzjoni. Bil-kontra, xejn ma jipprekludi li s-saff ta’ wiċċ veġetalizzat tal-landfills jiġi kkunsidrat bħala art ġaladarba hija għandha preċiżament bħala funzjoni li tkun kemm jista’ jkun simili għal superfiċi naturali miksija bil-ħaxix u bi pjanti oħra li jintużaw bħala għalf. Bl-istess mod, fil-każ tas-superfiċi li jikkorrispondu għall-ġnub tal-awtostrada, dawn jirriżultaw minn xogħlijiet ta’ livellar, iżda ma jiddistingwux superfiċi naturali wara l-introduzzjoni ta’ saff ta’ wiċċ veġetalizzat. Issa, huwa paċifiku li tali superfiċi jaqgħu taħt il-kunċett ta’ art. B’hekk, inqis li s-saff ta’ wiċċ veġetalizzat tal-landfills jista’ ġuridikament jitqies li huwa art.
C – Fuq il-kwalifika ta ’ superfiċi agrikola u l-identifikazzjoni tal- “ettari eliġibbli ”
31.
Mill-Artikolu 34(2)(a) tar-Regolament Nru 73/2009 jirriżulta li “ettaru eliġibbli” mingħajr ebda dubju jagħmel parti minn superfiċi agrikola. Hekk kif diġà kkonstata l-Avukat Ġenerali Mazák, l-espressjoni “ettaru eliġibbli” tfisser l-art kollha li tinħadem u l-mergħat permanenti — minbarra superfiċi okkupati b’kulturi permanenti u foresti — li huma użati għal attività agrikola ( 10 ).
32.
Barra minn hekk, konformement mal-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja, elementi ta’ pajżaġġ, bħax-xtut tax-xmajjar, il-mogħdijiet u l-fosos, ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tas-superfiċi eliġibbli għall-għajnuna ( 11 ).
33.
Min-naħa l-oħra, mergħa permanenti tikkostitwixxi superfiċi agrikola. F’dan ir-rigward, nirreferi għall-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1120/2009 li jgħid li l-mergħat permanenti huma “art li tintuża sabiex jitkabbar il-ħaxix jew għalf ieħor fil-forma ta’ ħaxix naturali (li jitla’ waħdu) jew permezz ta’ kultivazzjoni (li jkun inżera’) u li ma ġietx inkluża fin-newba tal-uċuħ tar-raba’ tal-impriża għal ħames snin jew aktar, minbarra art imserrħa [...]; u għal dan l-iskop, ‘ħaxix jew għalf ieħor fil-forma ta’ ħaxix naturali’ tfisser il-pjanti erbaċej kollha li tradizzjonalment jinsabu f’mergħat naturali jew huma normalment inklużi f’taħlitiet ta’ żrieragħ għal mergħat jew imraġ fl-Istat Membru (kemm jekk jintużaw biex jirgħu l-annimali jew le)”.
34.
Fis-sentenza Landkreis Bad Dürkheim ( 12 ) il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat l-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 1782/2003 li l-portata tiegħu kien identiku għal dak tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 73/2009. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kwalifika ta’ “raba’ li jinħarat” u “mergħat permanenti”, u konsegwentement dik ta’ “erja [superfiċi] agrikola”, tiddependi mill-użu effettiv tal-artijiet inkwistjoni (il-korsiv huwa tiegħi) ( 13 ).
35.
Issa, fil-fehma tiegħi, la l-kwalifika bħala superfiċi kontenzjużi fir-rigward tal-kunċett ta’ mergħa, u lanqas l-użu effettiv tagħhom għal dan il-għan ma jistgħu serjament jiġu kkontestat hawnhekk.
D – Fuq l-użu ta ’ superfiċi ta ’ impriża agrikola essenzjalment għal finijiet agrikoli
36.
L-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1120/2009 jispeċifika għal liema kundizzjonijiet superfiċi agrikola ta’ impriża, li tintuża wkoll għal attivitajiet li ma humiex ta’ natura agrikola, tista’ xorta waħda titqies li hija “fil-biċċa l-kbira” użata għal finijiet agrikoli għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 34(2)(a) tar-Regolament Nru 73/2009. Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1120/2009, dan il-każ jirriżulta “jekk din l-attività agrikola tista’ titwettaq mingħajr tfixkil sinifikanti mill-intensità, in-natura, it-tul ta’ żmien u l-waqt tal-attività mhix agrikola”. Skont it-tieni paragrafu tal-imsemmi Artikolu 9, l-Istati Membri jistabbilixxu l-kriterji relatati mal-implementazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fit-territorju tagħhom.
37.
F’din il-kawża, għaldaqstant għandu jiġi mfittex jekk l-operazzjonijiet relatati ma’ fażi ta’ ġestjoni wara li tkun ġiet iddekommissjonata landfill tfixkilx l-attività agrikola b’mod sinjifikattiv minħabba l-intensità tagħhom, in-natura tagħhom, it-tul ta’ żmien tagħhom u meta dawn iseħħu.
38.
Fil-fehma tiegħi, il-karatteristiċi oġġettivi tas-superfiċi u tal-attività huma determinanti biex jiġi analizzat jekk superfiċi tistax titqies li ntużat għall-finijiet agrikoli u jekk l-attivitajiet mhux agrikoli jfixklux l-attività agrikola b’mod “sinifikanti”. L-opinjoni suġġettiva ta’ agrikoltur ma tistax tkun determinanti, hekk kif josserva bir-raġun il-Gvern Daniż. Barra minn hekk, f’ċerti każijiet, il-karatteristiċi oġġettivi ta’ superfiċi jew ta’ attività jistgħu effettivament jikkostitwixxu tfixkil sinjifikattiv għall-finijiet ta’ attività agrikola ( 14 ).
39.
Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk l-attività agrikola eżerċitata minn U. Wree hijiex imfixkla b’mod sinjifikattiv minħabba n-natura tal-attività mhux agrikola, li tikkonsisti f’miżuri konkreti marbuta mal-fażi ta’ dekommissjonar u mal-fażi ta’ ġestjoni wara li jkunu ġew iddekommissjonati l-landfills. L-użu tas-superfiċi kontenzjużi bħala kopertura ta’ landfills qodma ma hijiex determinanti fiha nnifisha. Min-naħa l-oħra, jeħtieġ li jiġu analizzati attivitajiet li huma implementati mill-ġestjonarji tagħhom sabiex jiġu sodisfatti l-obbligi li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u nazzjonali fuq il-landfills ( 15 ).
40.
Bien nikkonkludi, ninnota, barra minn hekk, li, fis-sentenza Landkreis Bad Dürkheim ( 16 ), il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat ukoll il-kunċett ta’ ġestjoni u kkonstatat li din ma kinitx tinvolvi l-fatt li “l-bidwi għandu setgħa illimitata fuq iż‑żona [superfiċi] kkonċernata meta jużaha għal skopijiet agrikoli”. Hija kkonkludiet li, min-naħa l-oħra, “il-bidwi għandu jgawdi minn awtonomija suffiċjenti fir-rigward ta’ din iż-żona għall-finijiet tal-eżerċizzju tal-attività agrikola tiegħu, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżaminaha, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha ta’ din il-kawża” ( 17 ). Inqis li dan il-kriterju ta’ awtonomija suffiċjenti jista’ jintuża mutatis mutandis biex jiġi evalwat jekk l-attivitajiet l-oħra jfixklux l-attivitajiet agrikoli b’mod sinjifikattiv.
41.
Għaldaqstant nipproponi li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda preliminari tkun li l-Artikolu 34(2)(a) tar-Regolament Nru 73/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li superfiċi bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha titqies li hija superfiċi agrikola fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, jekk tistax tintuża l-mergħa għat-trobbija tan-nagħaġ mingħajr ma jkun hemm tfixkil sinjifikattiv minħabba l-miżuri neċessarji għall-ġestjoni tal-landfill il-qadima. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk dan huwiex effettivament il-każ.
V – Konklużjoni
42.
Fid-dawl tal-argumenti preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej lix-Schleswig‑Holsteinisches Oberverwaltungsgericht (il-Ġermanja):
Superfiċi miksija bil-ħaxix jew għalf ieħor, li jifforma s-saff ta’ wiċċ ta’ landfill li tinsab f’fażi ta’ ġestjoni wara li tkun ġiet iddekommissjonata u li sservi wkoll bħala mergħa għat-trobbija tan-nagħaġ, titqies li hija superfiċi agrikola fis-sens tal-Artikolu 34(2)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009, tad‑19 ta’ Jannar 2009, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1782/2003, jekk din l-attività tista’ tiġi eżerċitata fiha mingħajr ma jkun hemm tfixkil sinjifikattiv minħabba l-miżuri neċessarji għall-ġestjoni tal-landfill il-qadima. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk dan huwiex effettivament il-każ.
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009, tad‑19 ta’ Jannar 2009, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (ĠU L 30, p. 16, u r-Rettifika ĠU 2010 L 43, p. 7).
( 3 ) Ara l-Artikolu 2(c) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1120/2009, tad‑29 ta’ Ottubru 2009, li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-iskema ta’ pagament uniku li hemm provvediment dwarha fit-Titolu III tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU L 316, p. 1).
( 4 ) Ara l-Artikolu 34(2)(a) tar-Regolament Nru 73/2009.
( 5 ) Ara l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1120/2009.
( 6 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 5.
( 7 ) Deponieverordnung tas‑27 ta’ April 2009 (BGBl. 2009 I, p. 900).
( 8 ) Infakkar li s-siti kontenzjużi huma gratwitament għad-dispożizzjoni ta’ U. Wree.
( 9 ) Il-Kummissjoni ssemmi, bħala eżempju ta’ sitwazzjonijiet li ma jikkonċernawx “art”, il-każ ta’ mergħat li jkunu jinsabu fuq il-bjut tad-djar.
( 10 ) Konklużjonijiet fil-Kawża Landkreis Bad Dürkheim (C‑61/09, EU:C:2010:265, punt 23).
( 11 ) Sentenza Vonk Noordegraaf (C‑105/13, EU:C:2014:1126, punt 47).
( 12 ) C‑61/09, EU:C:2010:606, punti 36 sa 37.
( 13 ) F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet ukoll li ċ-ċirkustanza li plottijiet ta’ art li effettivament jintużaw bħala raba’ li jinħarat jew bħala mergħat permanenti, iservu prinċipalment għall-protezzjoni tan-natura u għall-konservazzjoni tal-pajżaġġ u ma jistax jiġi prekluż li tali plottijiet jiġu kkwalifikati bħala superfiċi agrikola (punt 38).
( 14 ) Huwa possibbli, pereżempju, li l-mergħa mal-ġnub ta’ awtostradi jew ta’ ajruporti miksija b’veġetazzjoni hija suġġetta għal restrizzjonijiet ta’ sigurtà li l-agrikoltur jitlef kull awtonomija mill-perspettiva tal-perijodu li fih jista’ jirgħa jew tal-aċċess għal dawn il-mergħat, b’tali mod li l-attivitajiet mhux agrikoli jfixklu l-attivitajiet agrikoli b’mod sinjifikattiv.
( 15 ) Skont l-Artikolu 3(10) tal-Liġi intiża sabiex tippromwovi l-ekonomija ċirkolari u tiggarantixxi l-eliminazzjoni ekoloġika tal-iskart [Gesetz zur Förderung der Kreislaufwirtschaft und Sicherung der umweltverträglichen Beseitigung von Abfällen (Kreislaufwirtschafts‑ und Abfallgesetz, tas‑27 ta’ Settembru 1994 (BGBl. 1994 I, p. 2705)], il-landfills jikkostitwixxu kostruzzjonijiet jew installazzjonijiet għall-eliminazzjoni tal-iskart. Fi kwalunkwe każ, huma jżommu din il-kwalifika sakemm jibqgħu suġġetti għall-obbligu ta’ ġestjoni wara d-dekommissjonar jew għar-regoli ta’ sigurtà.
( 16 ) EU:C:2010:606, punt 61.
( 17 ) Ibidem (punt 62).
Full & Egal Universal Law Academy