KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
KOKOTT
ippreżentati fid-9 ta’ Ottubru 2014 ( 1 )
Kawża C‑531/13
Marktgemeinde Straßwalchen et
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (l‑Awstrija)]
“Ambjent — Direttiva 85/337/KEE — Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent — Proġetti li għandhom jiġu suġġetti għal evalwazzjoni — Kunċett ta’ ‘estrazzjoni tal-gass naturali għal għanijiet kummerċjali’ — Tħaffir esploratorju — Kumulazzjoni ta’ proġetti”
I – Introduzzjoni
1.
Id-Direttiva 85/337/KEE ( 2 ) mhux qed tiġbed l-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-ewwel darba — anzi, għall-kuntrarju ( 3 ). Madankollu din għadha tqajjem mistoqsijiet repetutament.
2.
F’din il-proċedura għal deċiżjoni preliminari għandu jiġi ċċarat jekk it-tentattiv tal-estrazzjoni ta’ gass naturali fil-każ ta’ tħaffir esploratorju hijiex “estrazzjoni [...] tal-gass naturali għal għanijiet kummerċjali” li, meta jintlaħaq limitu partikolari, jeħtieġ bilfors evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. Barra minn hekk, għandu jiġi diskuss kif għandu jintuża dan il-limitu, jiġifieri jekk għandhomx jiġu kkunsidrati tħaffir ulterjuri u proġetti oħra u, jekk dan ikun il-każ, liema.
3.
Għandu wkoll jitqies kif għandu jiġi deċiż jekk tali tħaffir esploratroju jeħtieġx evalwazzjoni bħala tħaffir fil-fond, għaliex dan x’aktarx ikollu effetti ambjentali sinjifikattivi.
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-dritt tal-Unjoni
4.
L-Artikolu 2(1) jistabbilixxi l-għan tad-Direttiva 85/337:
“L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw illi, qabel ma jingħata l-kunsens/approvazzjoni, il-proġetti li x’aktarx ikun sejjer ikollhom impatt sinifikanti fuq l-ambjent bis-saħħa, fost ħwejjeġ oħra, tan-natura, id-daqs u l-lokazzjoni [is-sit] tagħhom jiġu magħmula soġġetti għall-ħtieġa li jkun hemm il-kunsens/approvazzjoni għall-iżvilupp u stima [evalwazzjoni] rigward l-effetti tagħhom.”
5.
L-Artikolu 4(1) sa (3), u l-Annessi I sa III tad-Direttiva 85/337 jirregolaw f’iktar dettall liema proġetti għandhom ikunu suġġetti għal evalwazzjoni tal-effetti tagħhom fuq l-ambjent:
“(1) [...] il-proġetti mniżżla fl-Anness I għandhom jiġu soġġetti għall-[i]stima [evalwazzjoni] b’mod konformi ma’ l-Artikoli 5 sa 10.”
(2) Bla ħsara għall-Artikolu 2(3), għall-proġetti mniżżla fil-lista fl-Anness II, l‑Istati Membri għandhom jistabbilixxu permezz ta’:
a)
eżami każ b’każ,
jew
b)
l-għetiebi [livelli] jew il-kriterji stabbiliti mill-Istat Membru
jekk il-proġett għandux jiġi sottomess għal stima b’mod konformi ma’ l-Artikoli 5 sa 10.
L-Istati Membri jistgħu jiddeċidu li japplikaw iż-żewġ proċeduri msemmija fil-[punti] (a) u (b).
(3) Meta jiġi mwettaq eżami każ b’każ jew jiġu stabbiliti l-għetiebi jew il-kriterji għall-għan tal-paragrafu 2, għandhom jitqiesu l-kriterji rilevanti tal-għażla ddikjarati fl-Anness III.”
6.
Il-punt 14 tal-Anness I tad-Direttiva 85/337 jirrigwarda l-estrazzjoni tal-gass naturali:
“L-estrazzjoni tal-petrolju (‘petroleum’) [‘żejt mhux maħdum’] u tal-gass naturali għal għanijiet kummerċjali fejn l-ammont estratt jaqbeż il-500 tunnellata metrika kuljum fil-każ tal-petrolju (‘petroleum’) u l-500 000 m3 kuljum fil-każ tal-gass.”
7.
Anki l-punti 2(d) u (e) tal-Anness II isemmu tipi ta’ proġetti li potenzjonalment jistgħu jkunu relatati mal-esplorazzjoni tal-gass naturali:
“d)
Tħaffir fil-fond bil-berrini, b’mod partikolari:
I)
tħaffir ġeotermiku,
II)
tħaffir għall-ħażna ta’ materjal ta’ skart nukleari,
III)
tħaffir għall-provvista ta’ l-ilma,
minbarra tħaffir sabiex tiġi investigata l-istabbilità tal-ħamrija;
e)
Stallazzjonijiet industrijali fuq il-wiċċ ta’ l-art għall-estrazzjoni tal-faħam, tal-petrolju (‘petroleum’), tal-gass naturali u tal-minerali, kif ukoll tal-blat tafli bituminuż.”
8.
Barra minn hekk, għandu jsir riferiment għall-punt 13(b) tal-Anness II tad-Direttiva 85/337, li jikkonċerna l-iżvilupp u l-ittestjar:
“Il-proġetti fl-Anness I, magħmula esklussivament jew fil-biċċa l-kbira tagħhom għall-iżvilupp u l-eżami ta’ metodi jew prodotti ġodda u li ma jkunux ilhom użati għal iktar minn sentejn.”
9.
L-Anness III tad-Direttiva 85/337 fl-aħħar nett jinkludi l-kriterji tal-għażla msemmija fl-Artikolu 4(3) għall-proġetti elenkati fl-Anness II:
“1. Karatteristiċi tal-proġetti
Il-karatteristiċi tal-proġetti għandhom jiġu kkunsidrati billi jitqiesu, b’mod partikolari:
—
id-daqs tal-proġett,
—
il-kumulazzjoni ma’ proġetti oħra,
—
[...]
—
it-tniġġis u l-irritazzjonijiet,
—
[…]
2. Il-lokazzjoni [is-sit] tal-proġetti
Trid tiġi kkunsidrata s-sensittività ambjentali ta’ ż-żoni ġeografiċi li x’aktarx jiġu affettwati mill-proġetti, filwaqt li jitqiesu b’mod partikolari:
—
l-użu eżistenti ta’ l-art;
– [...]”
B – Id-dritt Awstrijak
10.
Fil-punt 29(a) tal-ewwel kolonna tal-Anness 1 tal-Umweltverträglichkeitsprüfungsgesetzes 2000 (Liġi dwar l-evalwazzjoni tal-impatt ambjentali tal-2000), l-Awstrija stabbiliet li l-livelli msemmija fil-punt 14 tal-Anness I tad-Direttiva 85/337 għandhom jiġu ssodisfatti “għal kull xaft”:
“Estrazzjoni ta’ żejt mhux maħdum jew gass naturali f’volum ta’ mill-inqas 500 tunnellata metrika kuljum għal kull xaft fil-każ ta’ żejt mhux maħdum u ta’ mill-inqas 500 000 m3 kuljum għal kull xaft fil-każ tal-gass naturali”.
11.
Il-punti 1 u 2 tal-Artikolu 1(1) tal-Mineralrohstoffgesetzes 1999 (Liġi dwar ir-riżorsi minerali tal-1999) jiddistingwu bejn it-tfittxija għal materja prima u l-estrazzjoni tagħha:
“§ 1. Skont it-tifsira ta’ din il-Liġi Federali japplikaw id-definizzjonijiet segwenti:
1. ‘Tiftix’ tfisser kull tfittxija diretta u indiretta għar-riżorsi minerali, inklużi l-attivitajiet preparatorji relatati kif ukoll l-isfruttament u l-esplorazzjoni ta’ sorsi minerali naturali u dawk li fihom miżbliet abbandunati għad-determinazzjoni tal-vijabbiltà;
2. ‘estrazzjoni’ tfisser it-tneħħija jew ir-rilaxx (l-isfruttament) ta’ materja prima minerali u attivitajiet ta’ tħejjija, ta’ akkumpanjament u attivitajiet sussegwenti relatati;
[...]”
III – Il-proċedura nazzjonali u t-talba għal deċiżjoni preliminari
12.
Fil-proċedura nazzjonali, il-komun Awstrijak ta’ Straßwalchen u 59 resident ta’ dan il-komun, inkluż H. Kornhuber, (iktar ’il quddiem il-“komun jew il-komun ta’ Straßwalchen et”) jikkontestaw il-fatt li l-Ministru Federali tal-Ekonomija, tal-Familja u taż-Żgħażagħ, fid-29 ta’ Awwissu 2011, awtorizza lill-kumpannija Rohöl- Aufsuchungs AG (iktar ’il quddiem “RAG”) sabiex twettaq tħaffir esploratorju fit-territorju tal-komun.
13.
L-awtorizzazzjoni mogħtija tinkludi l-bini tas-sit tat-tħaffir u t-triq tal-aċċess, l-installazzjoni u ż-żarmar tal-impjant tat-tħaffir, it-twettiq tal-attività tat-tħaffir, l-installazzjoni u ż-żarmar tal-impjant tal-ittestjar, it-twettiq tax-xogħlijiet tal-ittestjar, it-twaqqigħ tal-uċuħ meħtieġa mill-impjant tat-tħaffir u l-miżuri ta’ riabilitazzjoni fil-każ li ma jinstab xejn, it-twaqqigħ tal-uċuħ meħtieġa mill-impjant tat-tħaffir skont id-dimensjonijiet tas-sit tat-tħaffir futur u l-miżuri ta’ riabilitazzjoni fiż-żoni periferiċi fil-każ ta’ skoperta ta’ depożitu. Il-fond previst għat-tħaffir huwa ta’ madwar 4 150 m.
14.
F’każ li jinstab depożitu, l-awtorizzazzjoni tinkludi anki tentattiv ta’ estrazzjoni ta’ gass naturali ta’ ammont totali li ma jaqbiżx il-1 000 000 m3 sabiex tiġi stabbilita l-profittabbiltà tat-tħaffir. F’dan il-każ huwa previst li jiġu estratti 150 000 sa 250 000 m3 kuljum. Il-gass estratt jitqabbad sussegwentement fix-xifer tas-sit tat-tħaffir. Ma hijiex prevista konnessjoni ma’ pajp tal-gass ta’ pressjoni għolja. Fil-każ ta’ skoperta ta’ depożitu jsir ukoll (fi kwantitajiet ferm iżgħar) tentattiv ta’ estrazzjoni ta’ żejt mhux maħdum u ta’ gass assoċjat (sa massimu ta’ 150 m3 jew 18 900 m3 kuljum).
15.
Ma saritx evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent għaliex dan ma kienx każ ta’ estrazzjoni ta’ gass naturali jew żejt mhux maħdum u ma kien hemm ebda konnessjoni ma’ proġetti oħra.
16.
Skont l-osservazzjonijiet ta’ RAG, it-tħaffir sadanittant ġie konkluż mingħajr ma nstab żejt mhux maħdum jew gass naturali.
17.
Madankollu, fil-proċedura prinċipali, il-komun ta’ Straßwalchen huwa tal-fehma li l-effetti ambjentali tal-proġett kellhom jiġu evalwati. Huwa jsostni, fost affarijiet oħra, li fit-territorju tiegħu biss sar tħaffir f’iżjed minn 30 post u ġie approvat iktar tħaffir. Barra minn hekk, fit-territorju tal-komun u fl-inħawi nbnew imħażen tal-gass naturali u pajpijiet tal-gass naturali fi kwantità sinjifikattiva.
18.
F’dan il-kuntest, il-Verwaltungsgerichtshof għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi li ġejjin:
1)
Tentattiv ta’ estrazzjoni ta’ gass naturali, għal perijodu limitat u fi kwantitajiet limitati, imwettaq fil-kuntest ta’ tħaffir esploratorju intiż sabiex tiġi stabbilita l-profittabbiltà minn sfruttament fit-tul ta’ gass naturali, jikkostitwixxi “estrazzjoni […] tal-gass naturali għal għanijiet kummerċjali” fis-sens tal-punt 14 tal-Anness I tad-Direttiva [85/337]?
Jekk l-ewwel domanda preliminari tingħata risposta fl-affermattiv:
2)
Il-punt 14 tal-Anness I tad-Direttiva 85/337 jipprekludi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li, fil-qasam ta’ estrazzjoni ta’ gass naturali, tassoċja l-limiti indikati f’dan l-anness, mhux mal-estrazzjoni inkwantu tali, iżda mal-“produzzjoni għal kull xaft”?
3)
Id-Direttiva 85/337 għandha tiġi interpretata fis-sens li, f’każ bħal dak fil-kawża prinċipali, jiġifieri quddiem talba għal awtorizzazzjoni ta’ tentattiv ta’ estrazzjoni ta’ gass naturali fil-kuntest ta’ tħaffir esploratorju, l-amministrazzjoni, sabiex tistabbilixxi jekk jeżistix obbligu ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, hija obbligata biss li teżamina l-proġetti kollha tal-istess natura mill-perspettiva tal-effett kumulattiv tagħhom, f’dan il-każ it-tħaffir kollu operat fit-territorju tal-komun?
19.
Il-komun ta’ Straßwalchen et, ir-Repubblika tal-Awstrija, il-kumpannija Rohöl-Aufsuchungs AG, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Polonja kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub u attendew għas-seduta tat-3 ta’ Settembru 2014.
IV – Evalwazzjoni ġuridika
20.
L-għan tat-talba għal deċiżjoni preliminari huwa li jiġi ddeterminat jekk tentattiv ta’ estrazzjoni ta’ gass naturali fil-kuntest ta’ tħaffir esploratorju għandux ikun suġġett, b’mod obbligatorju, għal evalwazzjoni tal-effetti tiegħu fuq l-ambjent. Għal dan il-għan, għandu jiġi ċċarat, l-ewwel nett, jekk dan huwiex każ ta’ estrazzjoni ta’ gass naturali għal għanijiet kummerċjali fis-sens tal-punt 14 tal-Anness I u mbagħad, it-tieni nett, jekk il-volum tal-estrazzjoni għandux jiġi evalwat, fid-dawl tal-limiti previsti, skont il-produzzjoni ta’ kull xaft u, fl-aħħar nett, liema proġetti oħrajn għandhom jitqiesu meta tiġi eżaminata l-ħtieġa ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent.
A – Fuq l-ewwel domanda
21.
Permezz tal-ewwel domanda, il-Verwaltungsgerichtshof tixtieq tkun taf jekk il-kunċett ta’ “estrazzjoni [...] tal-gass naturali għal għanijiet kummerċjali” skont il-punt 14 tal-Anness I tad-Direttiva 85/337 jinkludix tentattiv ta’ estrazzjoni ta’ gass naturali għal perijodu limitat u fi kwantitajiet limitati, li fil-kuntest ta’ tħaffir esploratorju jinvestiga l-profittabbiltà tal-estrazzjoni fit-tul ta’ gass naturali.
22.
L-ewwel nett, għandu jitfakkar li t-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tagħmilx riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġi stabbilit is-sens u l-portata tagħha, għandhom jingħataw, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tiġi stabbilita fid-dawl tal-kuntest tad-dispożizzjoni u tal-għan segwit mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni ( 4 ). Għaldaqstant, il-mod kif id-dritt Awstrijak jiddefinixxi l-kunċett ta’ estrazzjoni huwa irrilevanti.
23.
L-Awstrija u RAG isostnu li t-tħaffir esploratorju ma huwiex maħsub direttament għall-estrazzjoni kummerċjali ta’ gass naturali. Pjuttost, it-tħaffir kien maħsub biss sabiex isir magħruf jekk u f’liema volum seta’ jiġi estratt il-gass naturali fil-kuntest ta’ intrapriża kummerċjali.
24.
Il-Ġermanja tinterpreta t-terminu “Gewinnung” (“estrazzjoni”) b’mod kuntrastanti u ssostni li fl-użu ġenerali tal-lingwa Ġermaniża dan it-terminu jiddeskrivi l-isfruttament ta’ riżorsi minerali u materja prima. Ma huwiex meħtieġ li l-materjali estratti jkunu jistgħu jiġu sfruttati kummerċjalment jew li jkun intenzjonat dan l-isfruttament.
25.
Il-Ġermanja u l-Kummissjoni jfakkru wkoll, korrettament, li l-verżjonijiet bl-Ingliż u bil-Franċiż tad-Direttiva 85/337 jużaw it-terminu “extraction” ( 5 ), li, meta mqabbel mat-terminu Ġermaniż “Gewinnung” jimplika saħansitra inqas l-isfruttament kummerċjali tal-materjali estratti. Ma jeżistux verżjonijiet lingwistiċi li l-kliem tagħhom jista’ jkun inkompatibbli ma’ tentattiv ta’ estrazzjoni.
26.
Il-fatt li hija prevista biss l-estrazzjoni għal għanijiet kummerċjali mhux bilfors jeskludi t-tentattiv ta’ estrazzjoni fil-kuntest ta’ tħaffir esploratorju mill-kamp tal-applikazzjoni ta’ dan it-tip ta’ proġett. Billi dan sar sabiex tiġi ċċarata l-possibbiltà ta’ estrazzjoni kummerċjali ta’ gass naturali jew żejt mhux maħdum, it-tentattiv ta’ estrazzjoni jservi wkoll għanijiet kummerċjali. Kien ikun differenti l-każ ta’ tentattiv ta’ estrazzjoni għal skopijiet ta’ riċerka biss, u mhux għat-tħejjija ta’ attività kummerċjali.
27.
Madankollu, l-Awstrija u RAG jinsistu li, fil-minjieri u fid-dritt dwar il-minjieri, il-kunċett ta’ estrazzjoni huwa mifhum f’sens iżjed strett. Dan jirreferi biss għall-produzzjoni ta’ materja prima, filwaqt li t-teħid ta’ materja prima fil-kuntest tal-esplorazzjoni huwa attribwit għat-tiftix. Fl-abbozzar tal-punt 14 tal-Anness I tad-Direttiva 85/337, il-leġiżlatur ibbaża ruħu fuq din it-tifsira li tinsab fid-dritt dwar il-minjieri.
28.
Id-Direttiva dwar l-operazzjonijiet taż-żejt u tal-gass offshore ( 6 ) tikkonferma dan il-mod ta’ kif għandu jinftiehem dan il-kunċett. Fil-fatt, din id-direttiva tagħmel distinzjoni, fl-Artikolu 2(15) u (16) tagħha, bejn “esplorazzjoni” u “produzzjoni”, fejn din tal-aħħar tinkludi l-estrazzjoni. Dan ifisser, għall-kuntrarju, li l-esplorazzjoni teskludi l-estrazzjoni. Il-premessa 16 tal-imsemmija direttiva tindika li ċerti operazzjonijiet ta’ esplorazzjoni ma humiex koperti mir-rekwiżiti eżistenti dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku — inklużi dawk tad-Direttiva 85/337 — u dan jissostanza l-argument li din id-distinzjoni hija rilevanti wkoll għad-Direttiva 85/337.
29.
Anki mid-Direttiva dwar l-iskart mill-industrija tal-estrazzjoni ( 7 ) tista’ tiġi dedotta distinzjoni bejn it-tiftix u l-estrazzjoni. L-Artikolu 3(21) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi b’mod partikolari t-“tfittix” bħala t-tfittxija għal depożiti minerali ta’ valur ekonomiku, inkluż it-teħid ta’ kampjuni, it-teħid ta’ kampjuni bil-kwantità, it-titqib u t-tħaffir ta’ trinek, iżda eskluż kwalunkwe xogħol meħtieġ għall-iżvilupp ta’ tali depożiti, u kwalunkwe attività marbuta ma’ operazzjoni eżistenti ta’ estrazzjoni.
30.
Iż-żewġ direttivi għandhom komuni bejniethom il-fatt li jiddefinixxu t-tiftix separatament sabiex jinkluduh fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom. Huwa għalhekk li, fil-kuntest tad-Direttiva 85/337, tidher pjuttost dubjuża l-inklużjoni tat-tiftix fil-kunċett ta’ estrazzjoni mingħajr dispożizzjoni espliċita f’dan is-sens.
31.
Madankollu, id-distinzjonijiet magħmula f’dispożizzjonijiet oħra ma humiex vinkolanti fir-rigward tal-interpretazzjoni tat-tipi ta’ proġetti koperti mid-Direttiva 85/337. F’dan is-sens, il-Qorti tal-Ġustizzja ddefiniet il-kunċett ta’ rimi tal-iskart fid-Direttiva 85/337 b’tali mod li jinkludi r-riċiklaġġ tal-iskart, filwaqt li d-Direttiva dwar l-iskart tifred dawn iż-żewġ termini b’mod rigoruż ( 8 ). Jekk id‑distinzjoni magħmula f’dispożizzjonijiet oħra ma jkollha x’taqsam xejn mal-konsegwenzi għall-ambjent u jekk id-Direttiva 85/337 ma tirreferix espressament għal dispożizzjonijiet oħra, terminu tad-Direttiva 85/337 għandu jiġi interpretat indipendentement minn dawn id-dispożizzjonijiet u b’mod partikolari fir-rigward tal-impatti ambjentali tal-proġett ( 9 ). Barra minn hekk, il-limitazzjoni tat-terminu tar-rimi tal-iskart fid-Direttiva 85/337 għat-tifsira tad-Direttiva dwar l-iskart kienet twassal sabiex ir-riċiklaġġ tal-iskart kien jaqa’ kompletament barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent.
32.
Madankollu, fil-każ preżenti s-sitwazzjoni ma hijiex daqshekk ċara bħalma hija fir-rigward tad-distinzjoni bejn rimi ta’ skart u riċiklaġġ ta’ skart. L-impatt ambjentali tal-produzzjoni fit-tul ta’ gass naturali u dak ta’ tentattiv ta’ estrazzjoni fil-kuntest ta’ tħaffir esploratorju huma differenti mal-ewwel daqqa ta’ għajn, speċjalment fir-rigward tat-tul ta’ żmien tagħhom kif ukoll tal-infrastruttura meħtieġa għall-isfruttament tal-gass estratt.
33.
Minkejja dan ma jistax jiġi eskluż li t-tħaffir, li mhux neċessarjament ivarja fl-attivitajiet ta’ tiftix u estrazzjoni, huwa sinjifikattiv għall-piż tal-impatti ambjentali. Iżda preċiżament f’dan il-punt ma hemm ebda differenza sinjifikattiva bejn tħaffir għall-estrazzjoni ta’ gass naturali fis-sens tal-punt 14 tal-Anness I tad-Direttiva 85/337 u tħaffir fil-fond ieħor li, skont l-Artikolu 4(2) u (3) kif ukoll skont il-punt 2(d) tal-Anness II, ikunu suġġetti għal evalwazzjoni biss jekk jista’ jkollhom impatt sinjifikattiv fuq l-ambjent ( 10 ). Għaldaqstant, il-fatt li jsir tħaffir ma jwassalx bilfors għal suppożizzjoni ta’ estrazzjoni ta’ gass naturali.
34.
Billi t-tħaffir għat-tiftix probabbilment huwa kopert b’mod ġenerali mid-Direttiva 85/337 bħala tħaffir fil-fond, estensjoni tal-kunċett ta’ estrazzjoni ta’ gass naturali lil hinn mill-mod kif jiġi interpretat fid-dritt dwar il-minjieri ma hijiex neċessarja sabiex tiġi żgurata l-evalwazzjoni tal-effetti tiegħu. Tabilħaqq, il-Ġermanja tqis li l-interpretazzjoni ta’ dan it-tip ta’ proġett ma hijiex ċara, billi l-kunċett ta’ tħaffir fil-fond ma huwiex definit. Madankollu, dan il-kunċett tad-dritt tal-Unjoni ma jistax jiġi speċifikat unilateralment mill-Istati Membri, iżda għandu jiġi interpretat b’mod awtonomu u b’mod partikolari fid-dawl tal-għanijiet tad-Direttiva 85/337.
35.
Argument sistematiku ieħor dwar il-fatt li l-esplorazzjoni ma għandhiex tiġi assoċjata mal-estrazzjoni, huwa l-użu ta’ limiti ta’ kuljum għad-definizzjoni ta’ dan it-tip ta’ proġett fil-punt 14 tal-Anness I tad-Direttiva 85/337. Limitu ta’ kuljum jissuġġerixxi li l-leġiżlatur ma kellux f’moħħu t-tentattiv ta’ estrazzjoni temporanja, iżda proġetti ta’ estrazzjoni operati għal żmien twil. Tabilħaqq, anki t-tentattiv ta’ estrazzjoni jista’ jdum għaddej għal diversi jiem, kif turi l-awtorizzazzjoni kkontestata fil-kawża prinċipali, li tispeċifika l-volum massimu ta’ estrazzjoni totali kif ukoll volum massimu ta’ estrazzjoni ta’ kuljum iktar baxx. Madankollu, tentattiv ta’ estrazzjoni ta’ gass naturali fil-kuntest ta’ tħaffir esploratorju ma huwiex tal-istess natura bħal tħaffir fit-tul.
36.
Fid-dawl ta’ dawn l-argumenti lanqas il-ġurisprudenza stabbilita, li tistipula li d-Direttiva 85/337, għal dak li għandu x’jaqsam mal-obbligu tat-twettiq ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, għandha kamp ta’ applikazzjoni estiż u għan wiesa’ ħafna ( 11 ), ma tista’ twassal għal riżultat differenti.
37.
Għalhekk, ir-risposta għall-ewwel domanda hija li dan huwa każ ta’ tentattiv ta’ estrazzjoni ta’ gass naturali għal perijodu limitat u fi kwantitajiet limitati, li qed isir fil-kuntest ta’ tħaffir esploratorju sabiex tiġi vverifikata l-profittabbiltà ta’ estrazzjoni fit-tul ta’ gass naturali, u ma huwiex każ ta’ “estrazzjoni [...] tal-gass naturali għal għanijiet kummerċjali” fis-sens tal-punt 14 tal-Anness I tad-Direttiva 85/337.
B – Fuq it-tieni domanda
38.
Ser inwieġeb it-tieni domanda fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mar-risposta tiegħi għall-ewwel domanda. Din id-domanda hija dwar jekk il-punt 14 tal-Anness I tad-Direttiva 85/337 jippermettix dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tipprovdi li, fir-rigward tal-estrazzjoni ta’ gass naturali, il-limiti msemmija fil-punt 14 tal-Anness I ma humiex marbuta mal-estrazzjoni inkwantu tali, iżda mal-“produzzjoni għal kull xaft”, jiġifieri mat-tħaffir individwali.
39.
Mit-test tal-punt 14 tal-Anness I tad-Direttiva 85/337 ma tistax tiġi dedotta limitazzjoni tal-limitu għall-produzzjoni għal kull xaft. Anki għal din ir-raġuni biss, huwa dubjuż jekk din il-kundizzjoni hijiex kompatibbli mal-kamp ta’ applikazzjoni estiż ta’ din id-direttiva u mal-għanijiet tagħha.
40.
Barra minn hekk, l-għan tad‑Direttiva 85/337 ma għandux jiġi evitat permezz ta’ frammentazzjoni ta’ proġetti u n-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni tal‑effett kumulattiv ta’ diversi proġetti ma għandux iwassal sabiex il-proġetti fit-totalità tagħhom jiġu eżentati mill‑obbligu ta’ evalwazzjoni tal-effetti għalkemm, meta jitqiesu flimkien, dawn jista’ jkollhom impatt sinjifikattiv fuq l‑ambjent fis-sens tal-Artikolu 2(1) ( 12 ).
41.
Dan kien tabilħaqq stabbilit l-iktar fir-rigward ta’ proġetti li jaqgħu taħt l-Anness II tad-Direttiva 85/337 ( 13 ), iżda lanqas il-proġetti li jaqgħu taħt l-Anness I ma għandhom jiġu frammentati b’mod li jippermetti li jiġi evitat l-obbligu tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ( 14 ). Kif isostni ġustament il-komun, jekk l-evalwazzjoni tal-limitu skont il-punt 14 tal-Anness I tkun limitata għall-produzzjoni għal kull xaft, din tkun qed tistieden preċiżament tali frammentazzjoni.
42.
Il-kwistjoni ta’ jekk humiex rilevanti l-kontroargumenti ta’ RAG li tali frammentazzjoni hija eskluża għal raġunijiet kummerċjali ma hijiex kwistjoni li għandha tiġi deċiża. Dan għaliex f’dan il-każ ma tinħoloq ebda differenza jekk ma jittiħdux inkunsiderazzjoni xaftijiet individwali.
43.
L-Awstrija u RAG isostnu li d-dritt Awstrijak, b’mod iktar speċifiku l-Artikolu 3(2) tal-Liġi dwar l-evalwazzjoni tal-impatt ambjentali tal-2000, jeżiġi li jitqiesu l-effetti kumulattivi. Madankollu, il-Verwaltungsgerichtshof ma għamlitx din id-dispożizzjoni s-suġġett tat-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari.
44.
Lanqas dan ma huwa sorprendenti. Fil-fatt, ir-regola dwar l-akkumulazzjoni ppreżentata mill-Awstrija timplika li l-fatt li jintlaħaq il-limitu permezz ta’ diversi proġetti mhux bilfors iwassal għal evalwazzzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, kif previst fl-Artikolu 4(1) u fil-punt 14 tal-Anness I tad-Direttiva 85/337. Għall-kuntrarju, l-evalwazzjoni għandha ssir biss meta jiġi stabbilit ukoll li jkunu mistennija effetti sinjifikattivi ta’ ħsara, ta’ inkonvenjenza jew effetti negattivi fuq l-ambjent. Ir-regola Awstrijaka dwar l-akkumulazzjoni tista’ għalhekk l-iktar l-iktar titqies bħala strument għall-implementazzjoni tal-Artikolu 4(2) u (3) kif ukoll tal-Anness II, fejn hija meħtieġa tali determinazzjoni addizzjonali.
45.
Il-punt 14 tal-Anness I tad-Direttiva 85/337 għalhekk jipprekludi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tipprovdi li, fir-rigward tal-estrazzjoni ta’ gass naturali, il-limiti msemmija f’dan il-punt huma marbuta mal-“produzzjoni għal kull xaft”.
C – Fuq it-tielet domanda
46.
Bit-tielet domanda l-Verwaltungsgerichtshof tixtieq tkun taf liema proġetti oħra għandhom jiġu kkunsidrati fl-evalwazzjoni dwar jekk ikunx jeżisti obbligu li titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. Sa fejn din il-mistoqsija tirrigwarda l-punt 14 tal-Anness I tad-Direttiva 85/337, ser inweġibha wkoll fil-każ biss li l-Qorti tal-Ġustizzja tasal għal konklużjoni differenti fir-rigward tar-risposta għall-ewwel domanda.
47.
Billi din id-domanda qed issir biss fil-każ ta’ tweġiba affermattiva għall-ewwel domanda, il-Verwaltungsgerichtshof apparentement qed tassumi li obbligu li titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent jista’ jiġi bbażat biss fuq l-Artikolu 4(1) u fuq il-punt 14 tal-Anness I tad-Direttiva 85/337, li jikkonċerna l-estrazzjoni ta’ gass naturali għal għanijiet kummerċjali, meta l-kwantitajiet estratti jkollhom volum ta’ iżjed minn 500 000 m3 kuljum (dwar dan ara s-sezzjoni 1). Madankollu, dan l-obbligu jista’ jirriżulta anki mill-Artikolu 4(2) u (3) kif ukoll mill-punt 2(d) tal-Anness II ta’ din id-direttiva fil-każ li t-tħaffir esploratorju, indipendentement mill-volum tal-produzzjoni tiegħu, għandu jiġi kkunsidrat bħala tħaffir fil-fond. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddiskuti dan l-aspett sabiex tagħti risposta utli għad-domanda (ara iktar ’il quddiem taħt is-sezzjoni 2) ( 15 ).
1. Fuq l-obbligu ta’ evalwazzjoni tal-estrazzjoni ta’ gass naturali
48.
Jekk it-tentattiv ta’ estrazzjoni ta’ gass naturali li jitwettaq fil-kuntest ta’ tħaffir esploratorju għandu jitqies bħala estrazzjoni ta’ gass naturali, dan għandu jkun is-suġġett ta’ evalwazzjoni, skont l-Artikolu 4(1) u l-punt 14 tal-Anness I tad-Direttiva 85/337, jekk il-volum estratt jaqbeż il-500 000 m3 kuljum. Billi l-volum estratt ma jistax jiġi ddeterminat abbażi tax-xaftijiet individwali, tqum il-kwistjoni ta’ kif għandu jitkejjel dan il-volum.
49.
Il-Verwaltungsgerichtshof issemmi l-possibbiltà li jiġu inklużi l-postijiet kollha ta’ tħaffir miftuħa fit-territorju tal-komun. B’hekk tqajjem żewġ aspetti li jistgħu jkunu ta’ importanza f’dan il-kuntest, jiġifieri, l-ewwel nett, it-tipi ta’ proġetti jew partijiet tal-proġetti li għandhom jiġu kkunsidrati u, it-tieni nett, id-definizzjoni tal-ispazju fejn il-proġetti huma ta’ importanza. Barra minn hekk, għandu jiġi inkluż it-tielet aspett, jiġifieri ż-żmien tat-twettiq tad-diversi partijiet tal-proġetti.
a) Fuq il-proġetti jew partijiet tal-proġetti rilevanti
50.
Il-komun huwa tal-fehma li minbarra d-diversi xaftijiet għandhom jiġu inklużi wkoll is-sistemi ta’ pajpijiet tal-gass naturali u l-imħażen tal-gass naturali.
51.
Madankollu, dan l-argument ma huwiex konvinċenti. Jekk l-obbligu ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent jiġi analizzat skont il-punt 14 tal-Anness I tad-Direttiva 85/337, din l-evalwazzjoni ma tkunx tista’ tindirizza l-kwistjoni ta’ sistemi ta’ pajpijiet tal-gass naturali u mħażen tal-gass naturali. Dan għaliex dawn l-impjanti ma humiex imsemmijin f’dan il-punt. Lanqas ma jistgħu jikkontribwixxu sabiex jintlaħaq il-limitu, billi bil-pajpijiet u l-imħażen ma jiġi estratt ebda gass naturali. Pjuttost għandu jiġi eżaminat biss jekk l-estrazzjoni ta’ gass naturali għal skopijiet kummerċjali taqbiżx il-limitu ta’ 500 000 m3 kuljum, b’tali mod li, kif sostnew ukoll il-Ġermanja u l-Polonja, dak li huwa rilevanti huwa l-volum estratt mix-xaftijiet jew mit-tħaffir.
b) Fuq id-delimitazzjoni spazjali
52.
Barra minn hekk, tqum il-kwistjoni dwar liema xaftijiet għandhom jiġu inklużi fil-kalkolu tal-volum estratt.
53.
Jiena naqbel mal-Polonja u mal-Kummissjoni li d-delimitazzjoni indikata mill-Verwaltungsgerichtshof għat-territorju tal-komun ma hijiex kriterju xieraq. Tali delimitazzjoni amministrattiva għat-territorju tal-komun fil-fatt ma hijiex bilfors relatata mad-delimitazzjoni tal-proġett jew mal-portata tal-impatt ambjentali tiegħu. Iż-żona tal-komun tista’ tirriżulta bħala limitata wisq jew estensiva wisq. Forsi din tkun tikkoinċidi biss parzjalment maż-żona tal-proġett.
54.
Billi l-volum estratt jirrappreżenta l-profitabbiltà tal-proġett, hija iżjed konvinċenti l-proposta Pollakka li għandhom jiġu inklużi l-postijiet kollha tat-tħaffir li huma relatati teknoloġikament u ġeoloġikament. Il-Ġermanja tiddeskrivi dan bil-kunċett tas-sit ta’ estrazzjoni u anki l-Kummissjoni ssegwi din id-direzzjoni meta tiddefinixxi l-ambitu spazjali tal-proġett mil-lat funzjonali.
55.
Il-kriterji tar-rabta teknoloġika u ġeoloġika tal-postijiet ta’ tħaffir ma’ sit ta’ estrazzjoni ma jistgħux jiġu speċifikati f’iktar dettall f’din il-proċedura, billi l-informazzjoni meħtieġa hija nieqsa. B’mod partikolari, ma jistax jiġi deċiż jekk hijiex vera d-dikjarazzjoni ta’ RAG li kull proġett ta’ tħaffir huwa iżolat mill-proġetti l-oħra kollha mill-aspett teknoloġiku u ġeoloġiku. F’verifika bħal din, madankollu, għandu jiġi nnotat li d-Direttiva 85/337 għandha kamp ta’ applikazzjoni estiż u għan wiesa’ ħafna ( 16 ). Ir-rekwiżiti għal rabta teknoloġika u ġeoloġika għalhekk ma għandhomx ikunu stretti wisq, iżda għandhom jikkunsidraw b’mod partikolari l-possibbiltà ta’ impatt ambjentali kollettiv tat-tħaffir.
c) Fuq id-dimensjoni temporali
56.
Fl-aħħar nett, għandha tiġi indirizzata wkoll id-dimensjoni temporali, li ma hijiex imsemmija fit-talba għal deċiżjoni preliminari. Fl-applikazzjoni tal-punt 14 tal-Anness I tad-Direttiva 85/337 ma jistgħux sempliċiment jingħaddu flimkien il-volumi estratti mit-tħaffir esploratorju kollu marbut ma’ sit ta’ estrazzjoni wieħed mil-lat teknoloġiku u ġeoloġiku.
57.
Kif tirrimarka l-Ġermanja, il-limitu ta’ estrazzjoni ta’ 500 000 m3 kuljum jista’ pjuttost jintlaħaq biss, anki jekk jittieħed inkunsiderazzoni t-tħaffir kollu, jekk permezz ta’ dan it-tħaffir jiġi estratt il-gass naturali simultanjament, jiġifieri fl-istess jum.
58.
Kif turi l-ewwel domanda, it-tentattiv ta’ estrazzjoni fil-kuntest ta’ tħaffir esploratorju mhux biss huwa limitat fil-kwantità, iżda huwa limitat ukoll fiż-żmien. Għalhekk, anki f’każ ta’ għadd kbir ta’ ħofor esploratorji, jidher improbabbli li minn bosta minn dawn il-ħofor jiġi estratt simultanjament gass naturali bħala parti mit-tentattiv. Jekk din l-analiżi hija korretta, ma jirriżultax neċessarjament li l-ħofor esploratorji, kull waħda b’volum massimu awtorizzat ta’ estrazzjoni ta’ 250 000 m3, ser jilħqu l-limitu ta’ 500 000 m3 kuljum, anki flimkien ma’ ħofor esploratorji oħra. Min-naħa l-oħra, huwa konċepibbli li l-volum awtorizzat ta’ estrazzjoni ta’ ħofra esploratorja, flimkien mal-volum ta’ ħofor ta’ estrazzjoni eżistenti, jilħaq il-limitu. Madankollu ir-rabta teknoloġika u ġeoloġika tat-tħaffir hija prerekwiżit għal dan. L-eżami konkret ta’ dan huwa kompitu tal-qorti tar-rinviju jew tal-awtoritajiet kompetenti.
d) Konklużjoni intermedja
59.
B’hekk, din il-parti tat-tielet domanda għandha tingħata r-risposta li sabiex jiġi evalwat jekk proġett ta’ estrazzjoni ta’ gass naturali għal għanijiet kummerċjali jaqbiżx il-limitu ta’ estrazzjoni ta’ 500 000 m3 kuljum skont il-punt 14 tal-Anness I tad-Direttiva 85/337, u għalhekk ikollu jkun suġġett għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, għandha titqies il-produzzjoni simultanja tat-tħaffir kollu li jkun konness teknoloġikament u ġeoloġikament fl-istess sit ta’ estrazzjoni.
2. Fuq l-obbligu ta’ evalwazzjoni għat-tħaffir fil-fond
60.
Obbligu li titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent jista’ wkoll jirriżulta mill-Artikolu 2(1) kif ukoll mill-Artikolu 4(2) u (3) tad-Direttiva 85/337, billi tħaffir esploratorju f’fond ta’ iżjed minn 4000 ma għandu jitqies fi kwalunkwe każ bħala tħaffir fil-fond fis-sens tal-punt 2(d) tal-Anness II, irrispettivament mill-volum estratt minn dan it-tħaffir.
61.
Skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 85/337, għall-proġetti elenkati fl-Anness II li jista’ jkollhom effetti negattivi sinjifikattivi fuq l-ambjent, l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw, abbażi ta’ eżami każ b’każ, jew abbażi ta’ limiti jew kriterji stabbiliti minnhom, jekk tali proġett għandux ikun suġġett għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent.
62.
Fir-rigward tal-iffissar tal-limiti jew kriterji sabiex jiġi ddeterminat jekk tali proġett għandux ikun suġġett għal evalwazzjoni tal-effetti tiegħu fuq l-ambjent, l-Artikolu 4(2)(b) tad-Direttiva 85/337 jikkonċedi marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri. Dan il-marġni ta’ diskrezzjoni madankollu huwa limitat permezz tal-obbligu stabbilit fl-Artikolu 2(1), li jistipula li dawk il-proġetti li mistennija jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent, fost affarijiet oħra minħabba n-natura, id-daqs jew is-sit tagħhom, għandu jsirilhom eżami tal-effetti tagħhom ( 17 ).
63.
B’hekk, il-ħtieġa ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent tista’ tirriżulta direttament mill-Artikolu 2(1), mill-Artikolu 4(2) u mill-Anness II tad-Direttiva 85/337, jekk il-proġett jaqa’ taħt dan l-anness u jista’ jkollu effetti ambjentali sinjifikattivi ( 18 ). L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, li quddiemhom titressaq applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ta’ proġett elenkat fl-Anness II ta’ din id-direttiva, għandhom jeżaminaw b’mod partikolari l-kwistjoni jekk, fid-dawl tal-kriterji elenkati fl-Anness III ta’ din id-direttiva ( 19 ), għandhiex issir evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ( 20 ). Barra minn hekk, il-persuni interessati, l-istess bħall-awtoritajiet nazzjonali l-oħra kkonċernati, għandu jkollhom is-setgħa li jiżguraw l-osservanza ta’ dan l-obbligu fil-qasam tal-eżami li għandha tagħmel l-awtorità kompetenti, jekk ikun il-każ b’mod ġudizzjarju ( 21 ).
64.
Sabiex jiġi ddeterminat jekk tħaffir fil-fond jistax ikollu effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent, l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 85/337 jipprovdi l-ewwel indikazzjonijiet. Fil-fatt, skont dan l-artikolu, il-ħtieġa ta’ evalwazzjoni tirreferi għall-proġetti li, speċjalment minħabba n-natura, id-daqs jew is-sit tagħhom, x’aktarx li jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent. Għalhekk, ma huwiex biss il-volum estratt li jista’ jkun rilevanti, iżda anki l-karatteristiċi l-oħra tal-proġett, b’mod partikolari s-sit tiegħu ( 22 ).
65.
Għalhekk, ma jistax jiġi eskluż li minħabba ċ-ċirkustanzi tal-każ individwali, bħat-tip ta’ tħaffir jew is-sensittività taż-żona affettwata, anki każ wieħed ta’ tħaffir fil-fond jista’ jkollu effetti ambjentali sinjifikattivi.
66.
Barra minn hekk, speċjalment fil-każ ta’ proġetti elenkati fl-Anness II, il-fatt li ma jitteħidx inkunsiderazzjoni l-effett kumulattiv ta’ diversi proġetti ma jistax iwassal fil-prattika sabiex il-proġetti kollha jiġu eżentati mill-obbligu tal-evalwazzjoni tal-effetti tagħhom fuq l-ambjent, meta, meħuda flimkien, jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent fis-sens tal-Artikolu 2 (1) tad-Direttiva 85/337 ( 23 ). Fil-fatt, skont il-punt 1 u l-ewwel inċiż tal-punt 2 tal-Anness III, fl-evalwazzjoni ta’ tali proġetti għandhom jiġu kkunsidrati b’mod partikolari l-effetti kumulattivi u l-użu eżistenti tal-art.
67.
Għalhekk, fl-evalwazzjoni dwar jekk proġett jistax ikollu effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent, għandhom jitqiesu wkoll l-impjanti li, għalkemm ma jkunux relatati f’kull każ ma’ proġett ta’ dan it-tip, ikunu applikabbli għal dan il-proġett f’każ individwali speċifiku.
68.
L-effetti kumulattivi ambjentali l-iżjed importanti li għandhom jitqiesu fl-evalwazzjoni ta’ tħaffir fil-fond huma l-każijiet l-oħra ta’ tħaffir fil-fond, speċjalment dawk li jkunu teknoloġikament u ġeoloġikament konnessi mat-tħaffir inkwistjoni fuq l-istess sit ta’ estrazzjoni.
69.
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li, għall-istess raġunijiet, fil-verifika dwar jekk proġett ta’ “[...] trasmissjoni ta’ l-enerġija elettrika permezz ta’ kejblijiet fil-għoli”, skont il-punt 3(b) tal-Anness II tad-Direttiva 85/337, jistax ikollu effetti sinjifikattivi, anki estensjoni ta’ switchgear tista’ tkun importanti. Dan jeħtieġ li l-qorti kompetenti tikkonstata li din l-estensjoni hija parti minn proġett li għandu bħala għan it-trażmissjoni tal-enerġija elettrika ( 24 ).
70.
L-istess japplika f’dan il-każ għal sistemi ta’ pajpijiet tal-gass naturali, għal imħażen tal-gass naturali u għal impjanti oħra: il-qorti kompetenti jew l-awtoritajiet kompetenti għandhom jivverifikaw jekk dawn l-impjanti humiex relatati mal-istess proġett bħat-tħaffir esploratorju. Għall-kuntrarju, iżda, it-tħaffir esploratorju huwa preżunt li ma huwiex konness ma’ sistema tal-pajpijiet tal-gass naturali jew ma’ maħżen tal-gass naturali. Madankollu, huwa possibbli li t-tħaffir esploratorju kien minn tal-inqas immotivat mill-fatt li, fil-każ ta’ suċċess, ir-riżervi tal-gass setgħu faċilment jiġu sfruttati permezz tal-infrastruttura eżistenti.
71.
Barra minn hekk, fil-verifika preliminari għandu jitqies ukoll jekk l-effetti ambjentali ta’ tħaffir esploratorjiu jistax ikollhom, minħabba l-effetti ta’ proġetti oħra fuq is-sit jew fl-inħawi bħal, pereżempju pajpijiet tal-gass naturali u mħażen tal-gass naturali, iktar piż milli kien ikollhom fin-nuqqas tagħhom.
72.
Fl-aħħar nett, fid-dawl tal-argumenti tal-komun ta’ Straßwalchen, għandu jitfakkar li jista’ jkun hemm ukoll obbligu ta’ rettifika tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent fil-kuntest ta’ awtorizzazzjoni sussegwenti. Fil-każ li jirriżulta li, mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 85/337, ikunu saru xogħlijiet jew interventi fiżiċi li bħala proġett fis-sens ta’ din id-direttiva kienu jeħtieġu evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, mingħajr ma tkun saret din l-evalwazzjoni fi stadju preċedenti tal-proċedura tal-awtorizzazzjoni, huwa meħtieġ li, fil-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni sussegwenti, tiġi żgurata l-effettività prattika ta’ din id-direttiva billi ssir tali evalwazzjoni għall-inqas f’dan l-istadju ( 25 ). Fil-każ ta’ tħaffir esploratorju, dan japplika ċertament jekk dan it-tħaffir ikun marbut teknoloġikament u ġeoloġikament mal-proġetti preċedenti f’sit ta’ estrazzjoni jew jifforma proġett flimkien mal-infrastruttura mibnija preċedentement.
73.
Ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni parti tat-tielet domanda hija li fir-rigward tal-evalwazzjoni ta’ jekk tħaffir fil-fond skont l-Artikolu 2 (1) kif ukoll skont l-Artikolu 4(2) u (3) flimkien mal-punt 2(d) tal-Anness II tad-Direttiva 85/337 jistax ikollu effetti ambjentali sinjifikattivi, u għalhekk għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni tal-effetti tiegħu fuq l-ambjent, għandhom jitqiesu fost l-oħrajn l-effetti tat-tħaffir kollu f’sit ta’ estrazzjoni li jkun teknoloġikament u ġeoloġikament relatat, l-effetti tal-impjanti l-oħra konnessi mat-tħaffir, kif ukoll il-kumulazzjoni tal-effetti tagħhom ma’ proġetti oħra fis-sit jew fl-inħawi.
V – Konklużjonijiet
74.
Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari kif ġej:
1)
Il-każ ta’ tentattiv ta’ estrazzjoni ta’ gass naturali għal perijodu limitat u fi kwantitajiet limitati, li jsir fil-kuntest ta’ tħaffir esploratorju intiż sabiex tiġi stabbilita l-profittabbiltà ta’ estrazzjoni fit-tul ta’ gass naturali, ma huwiex każ ta’ “estrazzjoni [...] tal-gass naturali għal għanijiet kummerċjali” fis-sens tal-punt 14 tal-Anness I tad-Direttiva 85/337/KEE dwar l-istima ta’ effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, kif emendata bid-Direttiva 2009/31/KE.
2)
Sabiex jiġi evalwat jekk, skont l-Artikolu 2(1) kif ukoll l-Artikolu 4(2) u (3) flimkien mal-Anness II punt 2(d) tad-Direttiva 85/337 kif emendata bid-Direttiva 2009/31, tħaffir fil-fond jistax ikollu effetti ambjentali sinjifikattivi u għalhekk għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni tal-effetti fuq tiegħu fuq l-ambjent, fost l-oħrajn għandhom jitqiesu l-effetti tat-tħaffir kollu f’sit ta’ estrazzjoni li jkun teknoloġikament u ġeoloġikament relatat, l-effetti tal-impjanti l-oħra kollha relatati mat-tħaffir, kif ukoll il-kumulazzjoni tal-effetti tagħhom ma’ proġetti oħra fis-sit jew fl-inħawi.
75.
F’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tasal għal konklużjoni differenti fir-risposta għall-ewwel domanda, ir-risposta proposta hawn fuq taħt 2) għandha tingħata taħt 4), u t-tieni domanda u l-ewwel parti tat-tielet domanda għandhom jingħataw risposta bil-mod li ġej:
1)
Il-punt 14 tal-Anness I tad-Direttiva 85/337 kif emendata bid-Direttiva 2009/31 jipprekludi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tipprovdi li, fir-rigward tal-estrazzjoni ta’ gass naturali, il-limiti msemmija f’dan il-punt huma marbuta mal-“produzzjoni għal kull xaft”.
2)
Sabiex jiġi evalwat jekk proġett għall-estrazzjoni ta’ gass naturali għal għanijiet kummerċjali jaqbiżx il-limitu tal-estrazzjoni ta’ 500 000 m3 kuljum skont il-punt 14 tal-Anness I tad-Direttiva 85/337 kif emendata bid-Direttiva 2009/31, u b’hekk għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni tal-effetti tiegħu fuq l-ambjent, għandha titqies il-produzzjoni simultanja tat-tħaffir kollu konness mil-lat teknoloġiku u ġeoloġiku mal-istess sit ta’ estrazzjoni.
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.
( 2 ) Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 248), fil-verżjoni kif tirriżulta mid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2009/31/KE, tat-23 ta’ April 2009, dwar il-ħżin ġeoloġiku tad-dijossidu tal-karbonju u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, id-Direttivi 2000/60/KE, 2001/80/KE, 2004/35/KE, 2006/12/KE, 2008/1/KE u r-Regolament (KE) Nru 1013/2006 (ĠU L 140, p. 114). Id-Direttiva 2011/92/UE (ĠU 2012 L 26, p. 1) ikkonsolidat id-Direttiva 85/337 u reċentement ġiet emendata f’xi punti permezz tad-Direttiva 2014/52/UE, tas-16 ta’ April 2014 (ĠU L 124, p. 1).
( 3 ) Diġà hemm madwar 100 sentenza u digriet fejn tissemma din id-direttiva.
( 4 ) Sentenzi Linster (C‑287/98, EU:C:2000:468, punt 43), Umweltanwalt von Kärnten (C‑205/08, EU:C:2009:767, punt 48) u Edwards (C‑260/11,EU:C:2013:221, punt 29).
( 5 ) Il-verżjonijiet bl-Ispanjol (“extracción”), bit-Taljan (“estrazione”), bil-Malti (“l-estrazzjoni”), bil-Portugiż (“extracção”) u bir-Rumen (“extracția”) huma bbażati fuq l-istess għerq tal-kelma. Probabbilment huma simili wkoll il-verżjoni Bulgara (“добиваното”) u l-Ungeriża (“kitermelése”).
( 6 ) Direttiva 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Ġunju 2013, dwar l-operazzjonijiet taż-żejt u tal-gass offshore u li temenda d-Direttiva 2004/35/KE (ĠU L 178, p. 66).
( 7 ) Direttiva 2006/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2006, dwar l-immaniġġar ta’ skart mill-industrija tal-estrazzjoni u li temenda d-Direttiva 2004/35KE (ĠU L 102, p. 15).
( 8 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (Massafra C‑486/04, EU:C:2006:732, punt 44).
( 9 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (Massafra C‑486/04, EU:C:2006:732, punti 42 u 43).
( 10 ) Dwar dan ara hawn taħt, punti 60 et seq.
( 11 ) Sentenzi Kraaijeveld et (C‑72/95, EU:C:1996:404, punt 31), WWF et, (C‑435/97, EU:C:1999:418, punt 40), Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑227/01, EU:C:2004:528, punt 46), Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑486/04, EU:C:2006:732, punt 37), Abraham et (C‑2/07, EU:C:2008:133, punt 32), Ecologistas en Acción-CODA (C‑142/07, EU:C:2008:445, punt 28), Umweltanwalt von Kärnten (C‑205/08, EU:C:2009:767, punt 48), Brussels Hoofdstedelijk Gewest et (C‑275/09, EU:C:2011:154, punt 29), Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑404/09, EU:C:2011:768, punt 79), Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑560/08, EU:C:2011:835, punt 103) u Iberdrola Distribución Eléctrica (C‑300/13, EU:C:2014:188, punt 22), kif ukoll id-digriet Aiello et (C‑156/07, EU:C:2008:398, punt 33).
( 12 ) Sentenzi Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑392/96, EU:C:1999:431, punt 76), Abraham et (C‑2/07, EU:C:2008:133, punt 27) u Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑560/08, EU:C:2011:835, punt 98).
( 13 ) Minbarra s-sentenzi msemmija fin-nota 12 ta’ qiegħ il-paġna, dan japplika wkoll għas-sentenzi Ecologistas en Acción-CODA (C‑142/07, EU:C:2008:445, punt 44), Brussels Hoofdstedelijk Gewest et (C‑275/09, EU:C:2011:154, punt 36) u Salzburger Flughafen (C‑244/12, EU:C:2013:203, punt 37).
( 14 ) Sentenzi Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑227/01, EU:C:2004:528, punt 53), Umweltanwalt von Kärnten (C‑205/08, EU:C:2009:767, punt 53) u Iberdrola Distribución Eléctrica (C‑300/13, EU:C:2014:188, punt 24).
( 15 ) Sentenzi Teckal (C‑107/98, EU:C:1999:562, punt 39), Abraham et (C‑2/07, EU:C:2008:133, punt 24) kif ukoll Bonnier Audio et (C‑ 461/10, EU:C:2012:219, punt 47).
( 16 ) Ara l-punt 36 iktar ’il fuq.
( 17 ) Sentenzi Kraaijeveld et (C‑72/95, EU:C:1996:404, punt 50), WWF et (C‑435/97, EU:C:1999:418, punt 36) u Salzburger Flughafen (C‑244/12, EU:C:2013:203, punt 29).
( 18 ) Sentenzi Kraaijeveld et (C‑72/95, EU:C:1996:404, punt 61), Wells (C‑201/02, EU:C:2004:12, punt 65) u Salzburger Flughafen (C‑244/12, EU:C:2013:203, punti 41 sa 43).
( 19 ) Ara s-sentenza Salzburger Flughafen (C‑244/12, EU:C:2013:203, punt 32).
( 20 ) Sentenza Mellor (C‑75/08, EU:C:2009:279, punt 51).
( 21 ) Sentenza Mellor (C‑75/08, EU:C:2009:279, punt 58). Il-portata ta’ din il-liġi fir-rigward tal-Awstrija hija s-suġġett tal-kawża pendenti Gruber (C‑570/13).
( 22 ) Sentenza Abraham et (C‑2/07, EU:C:2008:133, punt 38).
( 23 ) Ara l-punti 40 u 43 iktar ’il fuq.
( 24 ) Sentenza Iberdrola Distribución Eléctrica (C‑300/13, EU:C:2014:188, punt 29).
( 25 ) Sentenza Brussels Hoofdstedelijk Gewest u oħrajn (C‑275/09, EU:C:2011:154, punt 37).
Full & Egal Universal Law Academy