KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAUT ĠENERALI
SHARPSTON
ippreżentati fil-21 ta’ Mejju 2015 ( 1 )
Kawża C‑569/13
Bricmate AB
vs
Tullverket
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Förvaltningsrätten i Malmö (l‑Isvezja)]
“Validità tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill Nru 917/2011 li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tal-madum taċ-ċeramika li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina”
1.
Fl-2011, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea impona dazju antidumping fuq importazzjonijiet ta’ madum taċ-ċeramika li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (iktar ’il quddiem “iċ-Ċina”). Importatur Svediż ta’ madum bħal dan ikkontesta l-ġbir ta’ dak id-dazju fuq l-importazzjonijiet tiegħu. Huwa jallega li r-regolament li jimponi d-dazju huwa vvizzjat minn żbalji ta’ fatt u ta’ analiżi u minn nuqqasijiet min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea li tmexxi l-proċedura ta’ investigazzjoni b’mod korrett, partikolarment li tqis ċerti sottomissjonijiet speċifiċi magħmula mill-importatur. It-tilwima issa tinsab quddiem il-Förvaltningsrätten i Malmö (Qorti Amministrattiva, Malmö) li talbet għal deċiżjoni preliminari dwar il-validità tar-regolament inkwistjoni.
2.
Kwistjonijiet oħra dwar kontestazzjoni differenti tal-istess regolament kienu rrinvijati lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C‑687/13 Fliesen-Zentrum Deutschland, li fiha jiena wkoll nippreżenta l-konklużjonijiet tiegħi llum.
Il-kuntest leġiżlattiv u proċedurali
3.
Ir-regoli relattivi għall-impożizzjoni ta’ dazji antidumping jinsabu fir-Regolament Nru 1225/2009 (iktar ’il quddiem “ir-regolament bażiku”) ( 2 ). Id-dazju antidumping inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien impost l-ewwel darba bir-Regolament Nru 258/2011 (iktar ’il quddiem “ir-Regolament provviżorju”) ( 3 ) u mbagħad ikkonfermat, b’aġġustamenti, mir-Regolament Nru 917/2011 (iktar ’il quddiem “ir-regolament definittiv” jew “ir-regolament ikkontestat”) ( 4 ).
Ir-Regolament bażiku
4.
L-Artikolu 1(1) tar-Regolament bażiku jistabbilixxi l-prinċipju li dazju antidumping jista’ jiġi applikat għal kull prodott oġġett ta’ dumping li l-liberazzjoni tiegħu għal ċirkulazzjoni ħielsa fl-Unjoni Ewropea tikkawża ħsara. L-Artikolu 1(2) jiddefinixxi prodott oġġett ta’ dumping bħala wieħed li l-prezz tal-esportazzjoni tiegħu għall-Unjoni jkun inqas minn prezz paragunabbli għal prodott simili, fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ, kif stabbilit għall-pajjiż esportatur.
5.
L-Artikolu 2 jistabbilixxi l-prinċipji u r-regoli relattivi għad-determinazzjoni ta’ dumping. Essenzjalment, għal prodott partikolari esportat minn pajjiż terz, jiġu stabbiliti valur normali fis-suq domestiku u prezz tal-esportazzjoni għall-Unjoni, u jsir paragun ġust bejn it-tnejn, billi jitqiesu diversi fatturi li jistgħu jinfluwenzaw differenzi bejniethom. Jekk paragun ta’ medji kkalkolati juri li l-valur normali jaqbeż il-prezz tal-esportazzjoni, l-ammont li bih jagħmel hekk ikun il-marġni ta’ dumping.
6.
L-Artikolu 3 (“Tistabbilixxi l-ħsara”) jipprovdi, b’mod partikolari:
“[…]
2. Il-ħsara [għandha] tkun stabbilita billi tkun ibbażata fuq evidenza pożittiva u għandha tinvolvi eżaminazzjoni objettiva kemm ta’:
(a)
il-volum ta’ importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping u l-effett ta’ l-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping fuq il-prezzijiet fis-suq tal-[Unjoni] għall-prodotti simili; u kemm
(b)
l-impatt konsegwenti ta’ dawk l-importazzjonijiet fuq l-industrija [tal-Unjoni].
3. Fejn għandu x’jaqsam il-volum ta’ l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping, għandu jingħata kas ta’ jekk kienx hemm żjieda sinifikanti fl-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping, jew f’termini assoluti jew imqabbla mal-produzzjoni u l-konsum [fl-Unjoni]. Fejn għandu x’jaqsam l-effett ta’ l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping fuq prezzijiet, għandu jingħata kas ta’ jekk kienx hemm waqgħat sinifikanti fil-prezzijiet ta’ l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping meta mqabbla mal-prezz ta’ prodott simili ta’ l-industrija [tal-Unjoni], jew jekk l-effett ta’ importazzjonijiet bħal dawn huwiex mod ieħor biex iwaqqa’ l-prezzijiet għal grad sinifikanti jew biex jipprevjeni żjidiet fil-prezz, li setgħu jseħħu, sa grad sinifikanti. L-ebda wieħed jew iktar minn dawn il-fatturi ma [jista’] neċessarjament jagħti gwida deċiżiva.
[…]
5. L-eżaminazzjoni ta’ l-impatt tal-prodotti li huma l-oġġett ta’ dumping fuq l-industrija tal-[Unjoni] konċernata għandha tinkludi evalwazzjoni tal-fatturi ekonomiċi rilevanti u l-indiċi kollha li għandhom effett fuq l-istat ta’ l-industrija, inkluż il-fatt li l-industrija għadha fi proċess ta’ rkuprar mill-effetti ta’ dumping jew sussidju fil-passat, il-kobor tal-marġini attwali tax-dumping, it-tnaqqis attwali u potenzjali fil-bejgħ, il-profitti, il-produzzjoni, is-sehem fis-suq, il-produttività, ir-redditu fuq l-investimenti, l-utilizzazzjoni tal-volum; fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet [tal-Unjoni]; effetti negattivi attwali u potenzjali fuq iċ-ċirkolazzjoni tal-flus, l-inventarji, il-pagi, it-tkabbir, l-abilità li l-kapital jew investimenti jiġu mgħollija. Il-lista ma [ttemmx] kollox, u lanqas ma jistgħu, wieħed jew iktar minn dawn il-fatturi, neċessarjament jagħtu gwida deċiżiva.
6. Għandu jiġi muri, mill-evidenza rilevanti kollha ppreżentata fejn jidħol il-paragrafu 2, li l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping qegħdin jikkawżaw ħsara skond it-tifsira ta’ dan ir-Regolament. B’mod speċifiku, dan għandu jinvolvi dimostrazzjoni li l-volum u/jew il-livelli tal-prezzijiet identifikati skond il-paragradfu 3 huma responsabbli għal impatt fuq l-industrija [tal-Unjoni] kif stabbilita fil-paragrafu 5, u li dan l-impatt jeżisti sa grad li jagħmlu possibbli li jiġi kklasifikat bħala materjali.
[…]”
7.
L-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku jirrigwarda t-teħid ta’ kampjuni. B’mod partikolari, meta l-għadd ta’ dawk li jilmentaw, esportaturi jew importaturi, tipi ta’ prodott jew tranżazzjonijiet ikunu kbar, l-investigazzjoni tista’ tiġi limitata għal għadd raġonevoli ta’ partijiet, prodotti jew tranżazzjonijiet billi jintużaw kampjuni li jkunu statistikament validi abbażi ta’ informazzjoni disponibbli fiż-żmien tal-għażla (Artikolu 17(1)). Tingħata preferenza għall-għażla ta’ kampjun b’konsultazzjoni ma’, u bil-kunsens tal-partijiet ikkonċernati, sakemm partijiet bħal dawn jagħmlu lilhom infushom magħrufa u jagħmlu biżżejjed informazzjoni disponibbli (Artikolu 17(2)).
8.
L-Artikolu 20 huwa intitolat “L-iżvelar”. L-Artikolu 20(1) jgħid:
“Min jagħmel l-ilment, l-importaturi u l-esportaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentanti tagħhom, u r-rappreżentanti tal-pajjiż ta’ esportazzjoni, jistgħu jitolbu żvelar tad-dettalji taħt il-fatti essenzjali u l-kunsiderazzjonijiet fuq il-bażi li fuqha ġew imposti l-miżuri [provviżorji]. Talbiet għal żvelar bħal dan għandhom [isiru] bil-miktub immedjatament wara l-impożizzjoni tal-miżuri [provviżorji], u l-iżvelar għandu jsir bil-miktub [kemm jista’ jkun malajr] wara.”
Il-proċedura antidumping u r-Regolament provviżorju
9.
Il-Kummissjoni tat avviż ta’ tnedija ta’ proċedura antidumping dwar importazzjonijiet ta’ madum taċ-ċeramika li joriġina fiċ-Ċina fid-19 ta’ Ġunju 2010 ( 5 ). L-investigazzjoni tad-dumping u l-ħsara kopriet il-perjodu mill-1 ta’ April 2009 sal-31 ta’ Marzu 2010 (iktar ’il quddiem “il-perjodu tal-investigazzjoni” jew “PI”). L-eżami ta’ xejriet għall-finijiet tal-analiżi tal-ħsara u tal-kawżalità kopra l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2007 sal-31 ta’ Marzu 2010.
10.
Bricmate AB (iktar ’il quddiem “Bricmate”) wieġbet għat-talba fl-avviż għal partijiet interessati sabiex jagħmlu lilhom infushom magħrufa u ntgħażlet mill-Kummissjoni sabiex tieħu sehem fl-investigazzjoni, f’kampjun ta’ seba’ importaturi mhux relatati (importaturi indipendenti li ma jkollhom ebda rabta ma’ ebda importatur partikolari). Bricmate wieġbet il-kwestjonarju li ntbagħtilha fl-10 ta’ Settembru 2010. Hija qalet, inter alia, li l-madum li hija kienet importat miċ-Ċina kien ta’ kwalità partikolarment għolja, minkejja li kellu l-istess numri ta’ kontroll tal-prodott (iktar ’il quddiem “NKP”) bħal ta’ madum inferjuri, li miegħu ma setax jitqabbel, u li ċerti partijiet minnu kienu ġew f’qisien, jew kienu nħadmu bl-użu ta’ teknika ta’ tqattigħ, li ma setgħetx tinkiseb mingħand produtturi tal-Unjoni.
11.
Fis-16 ta’ Marzu 2011, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament provviżorju, li l-Artikolu 1(1) tiegħu impona dazju provviżorju antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ “ċangaturi u ċangar taċ-ċeramika [iggleżjati u] mhux igglejżjati, madum għall-qigħan tal-fuklari jew għall-ħitan, taċ-ċeramika glejżjata jew mhix igglejżjata; kubi tal-mużajk taċ-ċeramika glejżjata jew mhix igglejżjata u oġġetti simili, sew jekk impoġġija fuq dahar jew le li fil-preżent jaqgħu fil-[kodiċijiet] NM 6907 10 00, 6907 90 20, 6907 90 80, ( 6 ) 6908 10 00, 6908 90 11, 6908 90 20, 6908 90 31, 6908 90 51, 6908 90 91, 6908 90 93 u 6908 90 99, u li joriġinaw miċ-[Ċina]”.
12.
Skont l-Artikolu 1(2), ir-rata tad-dazju provviżorju antidumping applikabbli għall-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, tal-prodotti inkwistjoni mmanifatturati minn ċerti kumpaniji elenkati [fl-Anness I] kienet tvarja bejn 26.2 % u 36.6 %, b’rata ta’ 73.0 % tiġi applikata għal dawk maħduma mill-kumpaniji l-oħra kollha.
13.
Il-premessi 27 sa 32 tar-Regolament provviżorju, bit-titolu “Prodott simili”, jgħidu dan li ġej:
“(27)
Parti waħda stqarret li l-prodott importat miċ-Ċina u dak prodott mill-industrija tal-Unjoni mhumiex paragunabbli.
(28)
Huma mfakkar li l-Kummissjoni bbażat it-tqabbil tal-prezzijiet fuq it-tipi ta’ prodott distinti abbażi tan-numri ta’ kontroll tal-prodott (“NKP”) ibbażati fuq tmien karatteristiċi.
(29)
Il-parti kkonċernata ppreżentat l-argumenti tagħha matul is-smigħ quddiem l-Uffiċjal tas-Smigħ. Skont l-argumenti n-nuqqas ta’ paragunabilità kien minħabba t-teknoloġija, il-materjal, l-illostrar u d-disinn differenti użati għall-produzzjoni tal-madum tal-Unjoni u [Ċiniż]. Linji teknoloġikament avvanzati pproduċew madum ta’ kwalità għolja b’serigrafiji u diversi kuluri. Il-kumpanija spjegat li kien hemm teknoloġiji tal-istampar differenti għas-serigrafija, ir-roto-printing u l-istampar bl-inkjet.
(30)
Minkejja t-talbiet għal sottomissjonijiet dettaljati li jelaboraw fuq dawn l-aspetti kollha tal-paragunabilità tal-prodotti, il-parti [naqset] milli tissostanzja l-istqarrijiet tagħha. Barra minn hekk, l-argument fuq it-titjib tal-paragunabilità ma kienx appoġġjat [b’ebda] evidenza. Il-parti stess ukoll irrikonoxxiet li t-tipi ta’ prodott li jkunu koperti biż-żieda tal-erba’ kriterji ssuġġeriti, jirrappreżentaw biss 0,5 % tas-suq tal-madum. Kif dikjarat fir-rapport ippreparat mill-Uffiċjal tas-Smigħ, li ġabar fih il-pożizzjoni tal-kumpanija kkonċernata, id-99,5 % tal-prodotti li jifdal li jaqgħu taħt l-istess NKP kienu simili.
(31)
Kif imsemmi hawn fuq, il-parti ma ssostanzjatx il-ħtieġa li jiġu introdotti kriterji addizzjonali u lanqas l-impatt potenzjali tagħhom fuq il-prezzijiet. Għaldaqstant, minħabba s-sehem tas-suq negliġibbli tat-tipi ta’ prodott ikkonċernati u r-rikonoxximent espliċitu mill-parti li 99,5 % tal-madum kien paragunabbli taħt in-NKP ikkonċernat, it-talba biex jiġu miżjuda kriterji addizzjonali mal-istruttura tan-NKP kellha tiġi miċħuda provviżorjament.
(32)
Ġie konkluż li l-prodott ikkonċernat, il-prodott immanifatturat u mibjugħ fis-suq domestiku taċ-Ċina u fis-suq domestiku tal-USA, li serva provviżorjament bħala l-pajjiż analogu, kif ukoll il-prodott immanifatturat u mibjugħ fl-Unjoni mill-produtturi tal-Unjoni nstabu li kellhom l-istess karatteristiċi bażiċi fiżiċi u tekniċi kif ukoll l-istess użi bażiċi. Għalhekk dawn huma meqjusin provviżorjament bħala simili skont it-tifsira tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.”
14.
Il-premessi 68 sa 111 tar-Regolament provviżorju analizzaw il-ħsara lill-industrija tal-Unjoni, u kkonkludew li kienet ġarrbet ħsara materjali skont it-tifsira tal-Artikolu 3(5) tar-regolament bażiku.
15.
Skont il-premessi 71 u 72, matul il-perjodu mill-2007 u l-perjodu tal-investigazzjoni, il-konsum fl-Unjoni naqas b’29 %, b’mod partikolari (bi 13 %), bejn l-2007 u l-2008 u (bi 8 % kif imqabbel mal-2009) fil-perjodu tal-investigazzjoni. Il-konsum fl-Unjoni kien stabbilit billi żdiedu l-volum tal-importazzjonijiet (abbażi ta’ dejta tal-Eurostat) u l-volum tal-bejgħ minn produtturi tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni (abbażi ta’ dejta vverifikata mogħtija minn assoċjazzjonijiet ta’ produtturi nazzjonali u Ewropej). Wara segwiet it-Tabella 1:
16.
Fil-premessa 73, il-Kummissjoni qalet:
“Il-volum, is-sehem tas-suq u l-prezzijiet medji tal-importazzjonijiet miċ-Ċina żviluppaw kif stabbilit hawn taħt. It-tendenzi tal-kwantità u tal-prezzijiet li ġejjin huma bbażati fuq id-dejta tal-Eurostat.”
Wara segwiet it-Tabella 2:
17.
It-Tabella 11 tal-premessa 96 turi l-evoluzzjoni tal-prezzijiet ta’ unità tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni:
18.
Abbażi, inter alia, ta’ dawk il-figuri, il-Kummissjoni analizzat il-kawżalità tal-ħsara materjali fil-premessi 112 sa 136. Il-premessi 113 sa 116, bit-titolu “Impatt tal-importazzjonijiet miċ-Ċina”, jgħidu hekk:
“(113)
Iż-żieda fis-sehem tas-suq tal-produtturi esportaturi Ċiniżi matul il-perjodu kkunsidrat ikkoinċidiet maż-żmien tat-tnaqqis fil-qligħ tal-industrija tal-Unjoni u żieda sostanzjali tal-ħażniet tagħha.
(114)
Din ikkoinċidiet ukoll ma’ tnaqqis fil-konsum tal-Unjoni. Madankollu, filwaqt li l-importazzjonijiet Ċiniżi naqqsu fil-volum b’9 punti perċentwali bejn l-2007 u l-2009, konformi mat-tnaqqis fil-konsum (għalkemm mhux bl-istess pass – il-konsum naqas bi 23 [punt] perċentwali matul l-istess perjodu), mill-2007 s-sehem tas-suq Ċiniż kiber b’mod stabbli. Barra minn hekk, bejn l-2009 u l-PI, minkejja aktar tnaqqis fil-konsum b’6 punti perċentwali, l-importazzjonijiet [Ċiniżi] żdiedu b’6 punti perċentwali.
(115)
Id-differenzjali tal-prezzijiet (ibbażata fuq iċ-ċifri medji ta’ Eurostat) bejn l-importazzjonijiet Ċiniżi u l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni kienet sinifikanti ħafna matul il-perjodu sħiħ ikkunsidrat. Il-fatt li diġà fl-2007 din kienet tammonta għal iżjed minn 40 % jissuġġerixxi li l-istrateġija tal-prezz tal-produtturi esportaturi Ċiniżi bdiet minn qabel il-kriżi ekonomika. Barra minn hekk, din id-differenzjali żdiedet wara l-kriżi u laħqet 50 % fil-PI.
(116)
Iż-żieda fis-sehem tas-suq tal-importazzjonijiet Ċiniżi flimkien mat-tnaqqis fil-prezzijiet u ż-żieda fid-differenzjali tal-prezzijiet bejn il-prezzijiet tal-Unjoni u dawk Ċiniżi kkoinċidiet fiż-żmien mad-deterjorazzjoni tas-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni.”
19.
Fil-premessi 117 sa 134, il-Kummissjoni eżaminat kawżi oħra li seta’ kien hemm tal-ħsara, u kkonkludiet fil-premessi 135 u 136:
“(135)
Għalhekk ġie konkluż li hemm kawżalità bejn il-ħsara li sofriet l-industrija tal-Unjoni u l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping miċ-Ċina. Il-kriżi ekonomika u l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi minbarra ċ-Ċina kellhom impatt fuq is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, iżda mhux tali li [kisru] l-kawżalità stabbilita bejn l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping miċ-Ċina u l-ħsara materjali li sofriet l-industrija tal-Unjoni.
(136)
Abbażi tal-analiżi msemmija hawn fuq tal-effetti tal-fatturi kollha magħrufa fuq is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, ġie konkluż provviżorjament li hemm kawżalità bejn l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping miċ-Ċina u l-ħsara materjali li sofriet l-industrija tal-Unjoni matul il-PI.”
20.
Bit-titolu “L-interess tal-importaturi’, il-Kummissjoni qalet, inter alia:
“(144)
[…] l-investigazzjoni wriet li huwa possibbli għall-importaturi u għall-utenti li [jibdlu] għal prodotti miksuba minn pajjiżi terzi jew mill-Unjoni. Din il-bidla tista’ sseħħ faċilment peress li l-prodott li qed jiġi investigat huwa manifatturat f’ħafna pajjiżi, kemm fl-Unjoni kif ukoll barra minnha (fit-Turkija, fl-Emirati Għarab Magħquda, fl-Eġittu, fix-Xlokk tal-Asja, fil-Brażil u oħrajn).
(145)
Importatur wieħed iddikjara li pprova jbiddel il-fornituri, bħala konsegwenza tat-tnedija tal-investigazzjoni, iżda l-isforzi tiegħu ma kellhomx suċċess. Mill-banda l-oħra, importatur ieħor iddikjara li dan il-proċess diġà kien għaddej fiż-żmien tal-investigazzjoni u li kellu suċċess. Ieħor stqarr li se jespandi l-portafoll tiegħu għal produtturi mhux Ċiniżi u li dan seta’ jsir faċilment.
(146)
Għalhekk ġie konkluż provviżorjament li l-impożizzjoni ta’ miżuri m’għandhiex tfixkel lill-importaturi tal-Unjoni milli jixtru prodotti simili minn sorsi oħra. Barra minn hekk, l-għan tad-dazji antidumping mhuwiex li jitwaqqfu kanali tal-kummerċ speċifiċi iżda li jiġu restawrati kundizzjonijiet indaqs u kontrobattuti [prattiċi] tal-kummerċ inġusti.”
Żviluppi proċedurali
21.
Fil-15 ta’ April 2011, Bricmate tat ir-reazzjoni tagħha lill-Kummissjoni għar-regolament provviżorju, billi lmentat li l-Kummissjoni kienet naqset milli teżerċita l-kura dovuta, li tosserva d-drittijiet tad-difiża ta’ Bricmate u li tkun konformi mal-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, b’mod partikolari billi naqset milli twieġeb għall-osservazzjonijiet ta’ Bricmate dwar xejriet fil-prezzijiet, paragunabbiltà tal-prodotti u d-disponibbiltà ta’ prodotti simili fis-suq tal-Unjoni.
22.
Fl-1 ta’ Lulju 2011, il-Kummissjoni bagħtet lil Bricmate dokument ta’ divulgazzjoni ġenerali (essenzjalment abbozz ta’ regolament definittiv) li abbażi tiegħu hija pproponiet li tirrakkomanda li l-Kunsill jimponi miżuri antidumping definittivi. Il-punt 77 ta’ dak id-dokument kien jgħid: “Dwar dak li għandu x’jaqsam mad-disparitajiet fl-istatistika nnotati mill-partijiet interessati kkonċernati, tqies li dawn ma kinux kbar ħafna, mingħajr impatt sinjifikattiv fuq id-determinazzjonijiet globali magħmula. Għalhekk, la hemm ħtieġa, u lanqas raġuni għalfejn id-dejta użata tiġi emendata.”
23.
Fl-istess data l-Kummissjoni wieġbet għall-kummenti ta’ Bricmate tal-15 ta’ April 2011, billi ma laqgħetx l-ilmenti tagħha. B’mod partikolari hija aċċertat lil Bricmate li l-fehmiet tagħha kienu tqiesu u qalet:
“Nuqqas ta’ paragunabbiltà tal-prodotti bejn iċ-Ċina u l-Unjoni. Prodotti maħduma fiċ-Ċina ma jistgħux jinstabu banda oħra. Importaturi żgħar ma jkunux jistgħu jixtruhom.
Risposta: Fir-regolament provviżorju (premessi 27-32), il-Kummissjoni kkonkludiet li l-prodotti maħduma fiċ-Ċina kienu paragunabbli ma’ dawk magħmula fl-Unjoni. Is-sottomissjoni tal-klijenta tiegħek tqieset ukoll. Abbażi ta’ dan, intennu dak li kien [ġie] diġà osservat fil-premessi 144-145 tar-regolament provviżorju, jiġifieri li l-prodott ikkonċernat jinħadem f’għadd tassew kbir ta’ pajjiżi li ma jagħmlux dumping. Il-Kummissjoni ma rċeviet ebda evidenza bħala prova li jkun hemm nuqqas kbir ta’ provvista f’każ ta’ impożizzjoni ta’ miżuri fuq madum taċ-ċeramika miċ-Ċina.”
24.
Bricmate ippreżentat osservazzjonijiet ulterjuri fil-11 ta’ Lulju 2011, fejn għal darba oħra tilmenta li s-sottomissjonijiet tagħha ma kinux tqiesu. Fil-15 ta’ Lulju 2011, hija ssupplimentat dawk l-osservazzjonijiet u sostniet li figuri tal-Eurostat urew żieda minflok tnaqqis fil-prezzijiet medji għall-importazzjonijiet ta’ madum taċ-ċeramika miċ-Ċina.
25.
B’ittra tas-27 ta’ Lulju 2011, il-Kummissjoni wieġbet għall-osservazzjonijiet ta’ Bricmate, billi għal darba oħra ma laqgħetx l-ilmenti ta’ Bricmate. B’mod partikolari qalet li l-premessa 145 tar-regolament provviżorju tagħmel riferiment speċifikatament għal Bricmate. Bricmate wieġbet fit-23 ta’ Awwissu 2011, u sostniet l-ilmenti tagħha u akkużat lill-Kummissjoni li kienet qed tkun parzjali fid-dejta tagħha.
26.
Matul dak l-istadju proċedurali, żewġ entitajiet oħra (ENMON GmbH, kumpannija importatriċi Ġermaniża, u l-Assoċjazzjoni tal-Kummerċ Barrani, assoċjazzjoni Ewropea ta’ operaturi ekonomiċi) – iżda mhux Bricmate – bagħtu sottomissjonijiet lill-Kummissjoni u nnotaw, inter alia, li ċerta statistika tal-Eurostat użata fir-regolament provviżorju, dwar volumi u prezzijiet ta’ importazzjonijiet miċ-Ċina, dehru li ma kinux plawżibbli. ENMON ġibdet l-attenzjoni b’mod partikolari għal diskrepanzi b’rabta ma’ importazzjonijiet għal Spanja fl-2009.
Ir-Regolament definittiv
27.
Fit-12 ta’ Settembru 2011, il-Kunsill adotta r-Regolament definittiv, li l-Artikolu 1(1) tiegħu impona dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet tal-istess prodotti bħal tar-Regolament provviżorju.
28.
Skont l-Artikolu 1(2), ir-rata tad-dazju definittiv kienet tvarja bejn 26.3 % u 36.5 % għal prodotti maħduma mill-kumpaniji elenkati, b’rata ta’ 69.7 % li tiġi applikata għal dawk tal-kumpaniji l-oħra kollha.
29.
Id-determinazzjoni tal-ħsara ġiet analizzata fil-premessi 99 sa 137, billi ġew eżaminati u mwarrba ħafna mill-oġġezzjonijiet għall-analiżi u għall-konklużjonijiet tar-regolament provviżorju. B’mod partikolari, fil-premessa 108, il-Kunsill qal:
“Għal dak li jirrigwarda l-evoluzzjoni tal-prezzijiet Ċiniżi, il-prezzijiet medji tal-importazzjonijiet indikati fil-premessa 73 tar-Regolament provviżorju kienu bbażati fuq l-istatistika tal-Eurostat. Tqajmu dubji dwar l-eżattezza tal-prezzijiet medji tal-importazzjoni lejn ċerti Stati Membri iżda ma ġie kkonfermat l-ebda tibdil fl-istatistika uffiċjali. Fi kwalunkwe eventwalità, qed jiġi mfakkar li d-dejta tal-Eurostat intużat biss sabiex jiġu stabbiliti t-tendenzi ġenerali u li anki jekk il-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi kellhom jiġu aġġustati sabiex [jiżdiedu, il-kwadru] ġenerali tad-dannu xorta waħda jibqa’ l-istess b’marġini għolja għat-twaqqigħ fil-prezzijiet u l-bejgħ. F’dan il-kuntest għandu jiġi nnotat li għall-kalkolu tal-marġini kemm tad-dannu kif ukoll tad-dumping ma ntużatx id-dejta tal-Eurostat. Intużat biss dejta verifikata minn kumpaniji li fihom saru żjarat sabiex jiġi determinat il-livell tal-marġini. Għalhekk, anki jekk jinstabu d-diskrepanzi mal-istatistika, dan ma għandu jkollu l-ebda impatt fuq il-livell tal-marġini żvelati.”
30.
Il-kawżalità hija eżaminata b’mod simili fil-premessi 138 sa 169, b’konklużjoni fil-premessa tal-aħħar:
“L-ebda wieħed mill-argumenti sottomessi mill-partijiet interessati ma juri li l-impatt ta’ fatturi oħra minbarra l-importazzjonijiet dumped miċ-Ċina huwa tali li jinterrompi l-kawżalità bejn l-importazzjonijiet dumped u d-dannu li nstab. Il-konklużjonijiet dwar il-kawżalità fir-Regolament provviżorju qegħdin b’dan jiġu kkonfermati.”
31.
Is-sezzjoni bit-titolu “Interess tal-importaturi” fiha l-premessi li ġejjin:
“(173)
Wara d-divulgazzjoni finali żewġ partijiet opponew il-konklużjoni li l-importaturi jistgħu jgħaddu faċilment minn fornimenti Ċiniżi għal sorsi oħra ta’ forniment, b’mod partikolari minħabba li l-kwalitajiet u l-prezzijiet ma kinux paragunabbli.
(174)
Rigward din l-affermazzjoni, qed jiġi mfakkar li parti kbira tal-importazzjonijiet mhumiex affettwati mid-dazji billi huma ta’ oriġini mhux Ċiniża. Il-karatteristiċi tal-prodott, billi qed jiġi prodott madwar id-dinja kollha fi kwalitajiet paragunabbli jissuġġerixxu li dawn il-prodotti huma interskambjabbli u li għalhekk numru ta’ sorsi alternattivi huma disponibbli, minkejja l-allegazzjonijiet magħmula. Anki għall-importaturi li jiddependu fuq l-importazzjonijiet Ċiniżi, li fl-investigazzjoni nstab li huma dumped u mibjugħa bi prezzijiet konsiderevolment iżjed baxxi mill-prodotti li joriġinaw fl-Unjoni, l-investigazzjoni sabet li l-importaturi jistgħu japplikaw mark-ups għall-prezzijiet tal-bejgħ tagħhom f’eċċess ta’ 30 %. Dan, flimkien mal-fatt li nstab li l-importaturi wettqu profitt ta’ madwar 5 % u l-possibbiltà tagħhom li mill-inqas jgħaddu parti miż-żidiet potenzjali fl-ispejjeż lill-klijenti tagħhom, jissuġġerixxi li huma qegħdin f’pożizzjoni li jiffaċċjaw l-impatt tal-miżuri.
(175)
Barra dan u kif konkluż fil-premessa (144) tar-Regolament provviżorju, l-impożizzjoni ta’ miżuri ma għandhiex tfixkel lill-importaturi tal-Unjoni milli jżidu s-sehem tal-importazzjonijiet tal-prodotti tagħhom mis-sorsi l-oħra mhux dumped disponibbli għalihom kemm fl-Unjoni kif ukoll f’pajjiżi terzi oħra.”
32.
Fil-15 ta’ Settembru 2011, il-Kummissjoni bagħtet lil Bricmate ittra finali sabiex twieġeb għall-osservazzjonijiet tagħha tat-23 ta’ Awwissu 2011, u fejn għal darba oħra ċaħdet l-ilmenti tagħha.
Il-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali
33.
Ir-rikors ta’ Bricmate għall-annullament tar-regolament definittiv, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Novembru 2011, ġie ddikjarat inammissibbli fil-21 ta’ Jannar 2014, minħabba li r-rikorrent ma kienx milqut individwalment mir-regolament definittiv u minħabba li r-regolament definittiv kien jimplika miżuri ta’ implementazzjoni li setgħu jiġu kkontestati quddiem l-awtoritajiet nazzjonali. ( 7 )
Il-proċeduri nazzjonali, domandi preliminari u proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
34.
Wara l-adozzjoni tar-regolament definittiv, it-Tullverket (is-Servizz Doganali Svediż) impona dazji antidumping fuq l-importazzjonijiet minn Bricmate ta’ madum taċ-ċeramika miċ-Ċina, bir-rati speċifikati għall-prodotti tal-esportaturi Ċiniżi rilevanti. Bricmate bdiet proċeduri quddiem il-Förvaltningsrätten i Malmö, li bihom ikkontestat 32 evalwazzjoni magħmula mit-Tullverket bejn il-31 ta’ Ottubru 2011 u t-28 ta’ Mejju 2012. F’dawk il-proċeduri Bricmate ressqet żewġ motivi, bl-ewwel wieħed maqsum f’żewġ partijiet. (Għar-ratio materiae ta’ dawk l-motivi, ara iktar ’il quddiem, il-punt 37 u l-analiżi tiegħi sussegwenti tad-domanda preliminari.)
35.
Il-qorti adita bil-kawża sabet li ma setgħetx tiċħad l-argumenti ta’ Bricmate bħala manifestament infondati. Sabiex tiddeċiedi jekk id-dazji antidumping imposti mit-Tullverket kellhomx jiġu kkanċellati kien jeħtieġ isir magħruf jekk ir-regolament definittiv kienx validu. Dik kienet ħaġa li dwarha l-Qorti tal-Ġustizzja biss setgħet tiddeċiedi, u għalhekk kellha ssir talba għal deċiżjoni preliminari. Barra minn hekk, il-qorti nazzjonali kienet taf li Bricmate kienet fetħet kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, li l-ammissibbiltà tagħha kienet ikkontestata mill-Kunsill u mill-Kummissjoni. Għalhekk, bl-għarfien tal-ħtieġa li jkun żgurat eżami effettiv tal-kwistjoni u li jitħares id-dritt ta’ Bricmate għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, il-Förvaltningsrätten i Malmö ressaq talba għal deċiżjoni preliminari dwar id-domanda li ġejja:
“[Ir-regolament definittiv] huwa invalidu għal xi waħda mir-raġunijiet segwenti:
1.
L-investigazzjoni tal-istituzzjonijiet tal-UE fiha żbalji manifesti ta’ fatt,
2.
L-investigazzjoni tal-istituzzjonijiet tal-UE fiha żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni,
3.
Il-Kummissjoni kisret id-dmir ta’ diliġenza u l-Artikolu 3(2) u (6) [tar-Regolament bażiku],
4.
Il-Kummissjoni naqset milli twettaq l-obbligi tagħha li jirriżultaw mill-Artikolu 20(1) [tar-Regolament bażiku] u naqset milli tosserva d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti,
5.
Il-Kummissjoni, bi ksur tal-Artikolu 17 [tar-Regolament bażiku], ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-informazzjoni pprovduta mir-rikorrenti, u/jew
6.
Il-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni (fis-sens tal-Artikolu 296 TFUE)?”
36.
Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Bricmate, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni, li lkoll ippreżentaw argument orali fis-seduta tat-3 ta’ Diċembru 2014.
37.
Dawk is-sottomissjonijiet kollha indirizzaw id-domanda preliminari abbażi tal-motivi ta’ Bricmate fil-kawża prinċipali. F’dan id-dawl, il-punti 1 u 2 tad-domanda jikkorrispondu għall-ewwel parti tal-ewwel motiv; il-punt 3 għat-tieni parti ta’ dak il-motiv; u l-punti 4 sa 6 għat-tieni motiv. Nieħu l-istess approċċ fl-analiżi tiegħi.
Analiżi
L-ewwel parti tal-ewwel motiv fil-kawża prinċipali (żball manifest ta ’ fatt u żball manifest ta ’ evalwazzjoni; punti 1 u 2 tad-domanda preliminari)
Statistika
38.
Il-bażi tal-argumenti ta’ Bricmate dwar il-validità tar-regolament ikkontestat huma żewġ żbalji evidenti fil figuri użati.
39.
L-ewwel nett, Bricmate tinsisti, u l-Kummissjoni kkonfermat fis-sottomissjonijiet tagħha bil-miktub, li l-figura ta’ 66023000 m2 għall-importazzjonijiet tal-Unjoni miċ-Ċina ( 8 ) matul il-perjodu tal-investigazzjoni kienet stmata żżejjed. Il-Kummissjoni tgħid li kellha tkun 64821000 m2; Bricmate issostni li kellha tkun 58176269 m2, għalkemm jiena ma nista’ nsib ebda prova speċifika fil-fajl tal-kawża li ssostni dik il-figura.
40.
Madankollu, Bricmate tinnota diskrepanza oħra fil-figuri għall-importazzjonijiet ta’ madum taċ-ċeramika skont il-kodiċi NM 6907 90 99 ( 9 ) miċ-Ċina għal Spanja f’Novembru 2009, li affettwat prezzijiet u volumi għas-sena kalendarja 2009 u għall-perjodu tal-investigazzjoni.
41.
Il-figuri oriġinali tal-Eurostat għall-aħħar tliet xhur tal-2009, kważi identiċi għal dawk mogħtija mill-awtoritajiet Spanjoli kienu kif ġej:
Perjodu
Ottubru 2009
Novembru 2009
Diċembru 2009
Kodiċi NM
6907 90 99
6907 90 99
69079099
Volum (kg)
1 638 200
1 648 400
2 009 200
Volum m2
66 825
6 565 725
95 091
Valur (euro)
573 434
583 742
713 528
EUR/m2
8.58
0.09
7.50
Kg/m2
24.51
0.25
21.13
EUR/kg
0.35
0.35
0.36
42.
Abbażi, (inter alia) ta’ dawk il-figuri, id-dejta ta’ Eurostat uriet importazzjonijiet ta’ 10378191 m2 ta’ madum taċ-ċeramika (il-kodiċijiet NM kollha) miċ-Ċina għal Spanja fl-2009 (10698368 m2 għall-perjodu tal-investigazzjoni) għal prezz ta’ EUR 24891014 (EUR 27658131 għall-perjodu tal-investigazzjoni), li jammontaw għal EUR 2.40/m2 (EUR 2.59/m2 għall-perjodu tal-investigazzjoni, miġjuba sal-eqreb ċenteżmu fiż-żewġ każijiet).
43.
F’korrispondenza ma’ Bricmate f’Ottubru u f’Novembru 2011, l-awtoritajiet Spanjoli rrikonoxxew li kien hemm żball, iżda qalu li ma setax jiġi kkoreġut uffiċjalment f’dak l-istadju tard. L-istituzzjonijiet qalu li la l-Kummissjoni u lanqas Eurostat (li tifforma parti mill-Kummissjoni) ma setgħu jemendaw il-figuri mingħajr korrezzjoni uffiċjali mill-awtoritajiet Spanjoli. Madankollu fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha l-Kummissjoni tirreferi għal dikjarazzjoni ta’ Eurostat bid-data tas-27 ta’ Jannar 2014 li kienet tindika li l-figuri korretti għall-kodiċi NM 6907 90 99 kienu 881773.77 m2 ( 10 ) minflok 7372603.49 m2 għas-sena kalendarja 2009 u 64940.30 m2 minflok 6565771.02 m2 ( 11 ) għax-xahar ta’ Novembru.
44.
Fid-dawl tar-rikonoxximenti ċari fis-sottomissjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni, ser nipproċedi fuq il-bażi li l-figuri li Bricmate issostni li ma humiex korretti kienu tabilħaqq mhux korretti. Dwar l-ewwel żball (importazzjonijiet taħt il-kodiċi NM 6908 90 99 għall-Unjoni fl-intier tagħha), naċċetta l-figura kkoreġuta tal-Kummissjoni, u ser nassumi li tapplika għal importazzjonijiet kemm għall-2009 kif ukoll għall-perjodu tal-investigazzjoni. Dwar it-tieni żball (importazzjonijiet skont il-kodiċi NM 6907 90 99 għal Spanja għal Novembru 2009), naċċetta l-figura kkoreġuta mogħtija minn Eurostat f’Jannar 2014, li hija kemm għas-sena kalendarja 2009 kif ukoll għall-perjodu tal-investigazzjoni. Abbażi ta’ dan, il-figuri fit-Tabelli 1 u 2 tar-regolament provviżorju ( 12 ) jeħtiġilhom jiġu emendati.
45.
Għalhekk ikkalkolajt mill-ġdid dawk il-figuri. Fil-kalkoli tiegħi naqqast f’kull tabella:
—
l-ewwel nett, 1202000 m2 mill-volum ta’ importazzjonijiet għal kull wieħed miż-żewġ perijodi kkonċernati, li hija l-korrezzjoni aċċettata mill-Kummissjoni fir-rigward tal-ewwel żball; u
—
it-tieni nett, 6490830 m2 mill-volum ta’ importazzjonijiet għall-2009, u 6500831 m2 mill-volum għall-perjodu tal-investigazzjoni, li huma l-ammonti stmati żżejjed fit-tieni żball għas-sena kalendarja 2009 u għal Novembru 2009, skont paragun tal-figuri differenti fid-dikjarazzjoni ta’ Eurostat tas-27 ta’ Jannar 2014.
46.
Konsegwentement, naqqast total ta’ 7692830 m2 mill-volum ta’ importazzjonijiet għall-2009 u 7702831 m2 mill-volum għall-perjodu tal-investigazzjoni.
47.
Aġġustajt il-figuri fit-Tabella 2, li ġew mill-figuri tal-importazzjoni, bħala konsegwenza.
48.
Għas-sehem tas-suq minn importazzjonijiet miċ-Ċina, ikkalkolajt il-perċentwali tal-konsum totali kkoreġut fit-Tabella 1 li jagħmlu tajjeb għalih importazzjonijiet miċ-Ċina.
49.
Ikkalkolajt il-prezz għal kull metru kwadru ta’ importazzjonijiet miċ-Ċina kif ġej. L-ewwel nett, minħabba li Bricmate ma kkontestatx l-ispiża totali tal-importazzjonijiet matul il-perijodi kkunsidrati, jiena stabbilejt dik l-ispiża totali billi mmultiplikajt il-prezz għal kull metru kwadru fit-Tabella 2 bil-volum ta’ importazzjonijiet oriġinarjament mogħtija fir-regolament provviżorju. Wara ddividejt dik l-ispiża totali bil-volum ikkoreġut tal-importazzjonijiet sabiex nasal għal prezz ikkoreġut għal kull metru kwadru.
50.
Fl-aħħar nett, ivverifikajt dak li jidher li kien żball fl-indiċi għall-evoluzzjoni tal-prezzijiet bejn l-2007 u l-2008 (104 minflok 105).
51.
It-tabelli rriveduti, bl-użu tal-istess format ( 13 ) u tal-istess grad ta’ qtugħ għad-dritt bħal fl-oriġinali, huma kif ġej:
Tabella 1 – Konsum
Volum (elf m2)
2007
2008
2009
PI
+ Importazzjonijiet totali
157 232
140 715
107 983
111 986
+ Produzzjoni tal-Unjoni mibjugħa fis-suq tal-Unjoni
1 275 486
1 099 092
992 204
895 140
Indiċi (2007 = 100)
100
86
78
70
= Konsum
1 432 718
1 239 807
1 100 187
1 007 126
Indiċi (2007 = 100)
100
87
77
70
Tnaqqis sena wara sena
–13 %
–10 %
–7 %
Tabella 2 – Importazzjonijiet miċ-Ċina
Volum (elf m2)
2007
2008
2009
PI
Volum ta’ importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat
68 081
65 122
54 427
58 320
Indiċi (2007 = 100)
100
96
80
86
Bażi sena wara sena
–4 %
–16 %
+ 6 %
Sehem tas-suq minn importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat
4.8%
5.3 %
4.9 %
5.8 %
Prezz ta’ importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat (EUR/m2)
4.7
4.9
5.0
5.1
Indiċi (2007 = 100)
100
104
106
109
Bażi sena wara sena
+ 4 %
+ 2 %
+ 3 %
Sottomissjonijiet
52.
Bricmate targumenta li l-konklużjonijiet tar-regolament definittiv kienu bbażati fuq żbalji manifesti ta’ fatt (żbalji fl-istatistika) li wasslu għal żball manifest ta’ evalwazzjoni. Billi tuża l-figuri aġġustati skont il-kalkoli tagħha ( 14 ), hija tissottometti fil-kawża prinċipali li:
(i)
il-volum ta’ importazzjonijiet miċ-Ċina għall-Unjoni naqas bi 15 %, mhux bi 3 % (premessi 73 u 74 tar-regolament provviżorju);
(ii)
il-konsum fl-Unjoni naqas bi 30 %, mhux b’29 % (premessa 72), li kellu effett sinjifikattiv fuq il-kalkolu tal-ishma tas-suq;
(iii)
is-sehem tas-suq minn importazzjonijiet Ċiniżi żdied b’1 %, mhux b’1.7 %, u qatt ma laħaq 6 %; kien hemm tnaqqis fis-sehem tas-suq bejn l-2008 u l‑2009, mingħajr tkabbir kostanti tul il-perjodu kollu (premessi 73 u 74);
(iv)
is-sehem tas-suq tal-industrija tal-Unjoni ma naqasx matul il-perjodu tal-investigazzjoni (premessa 87) iżda baqa’ stabbli b’89 %;
(v)
il-prezz tal-importazzjonijiet Ċiniżi ma niżilx bi 3 % bejn l-2007 u l-perjodu tal-investigazzjoni (Tabella 2 fil-premessa 73) iżda tela’ b’mod kostanti, b’10 % globalment;
(vi)
id-differenzjali tal-prezzijiet bejn l-importazzjonijiet Ċiniżi u l-industrija tal-Unjoni ma żdieditx minn 40 % għal 50% (premessa 115) iżda baqgħat stabbli tul il-perjodu kollu bi 42 %.
Bricmate ma taqbilx ukoll mal-allegata korrelazzjoni bejn żieda fis-sehem tas-suq tal-esportaturi Ċiniżi u tnaqqis fil-profitti tal-industrija tal-Unjoni (premessa 113 tar-regolament provviżorju), li hija tqis li huwa żball manifest ta’ evalwazzjoni. Din tisħaq li:
(vii)
bejn l-2008 u l-2009, il-marġni ta’ profitt tal-industrija tal-Unjoni naqas (mill-figuri tal-Kummissjoni fit-Tabella 12 tar-regolament provviżorju, li Bricmate ma tikkontestax) minn +0.6 % għal -1.2 %, filwaqt li (mill-figuri aġġustati) is-sehem tas-suq minn importazzjonijiet Ċiniżi naqas minn 5.3 % għal 4.9 %;
(viii)
bejn l-2009 u tmiem il-perjodu tal-investigazzjoni, il-marġni ta’ profitt tal-industrija tal-Unjoni rkupra (għal darba oħra mill-figuri tal-Kummissjoni) għal +0.4 %, u s-sehem tas-suq minn importazzjonijiet Ċiniżi żdied (mill-figuri aġġustati) għal 5.8 %;
(ix)
bejn l-2007 u l-2009, filwaqt li l-konsum fl-Unjoni naqas bi 23 %, il-volum ta’ importazzjonijiet Ċiniżi ma naqasx b’9 % (premessa 114 tar-regolament provviżorju) iżda (mill-figuri aġġustati) b’20 %, proporzjonalment mat-tnaqqis fil-konsum.
53.
Barra minn dawk l-iżbalji, Bricmate tqis li dak li tgħid il-premessa 108 tar-regolament definittiv (li “anki jekk il-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi kellhom jiġu aġġustati sabiex [jiżdiedu, il-kwadru] ġenerali tad-dannu xorta waħda jibqa’ l-istess b’marġini għolja għat-twaqqigħ fil-prezzijiet u l-bejgħ”) huwa żball manifest ta’ evalwazzjoni għal tliet raġunijiet:
(i)
l-iżball f’volumi ta’ importazzjoni fl-istatistika ta’ Eurostat affettwa mhux biss il-prezz medju tal-importazzjonijiet Ċiniżi iżda wkoll għadd ta’ fatturi ekonomiċi oħra;
(ii)
il-kwadru tad-dannu (u b’hekk ir-rabta kawżali) inbidel;
(iii)
kull dannu kkawżat bit-twaqqigħ fil-prezzijiet għandu jiġi evalwat flimkien max-xejra fil-prezzijiet; kull evalwazzjoni b’rabta ma’ dannu u kawżalità jeħtiġilha analiżi tal-fatturi rilevanti tul iż-żmien, mhux sempliċement kwadru statiku tas-sitwazzjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni ( 15 ).
54.
Bricmate tqis li, kieku l-Kunsill kellu l-figuri korretti għad-dispożizzjoni tiegħu, ma kienx ikun jista’ jikkonkludi li importazzjonijiet miċ-Ċina kienu kawża sinjifikattiva tal-ħsara li l-industrija tal-Unjoni tilmenta dwarha.
55.
Il-Kunsill jinnota li Bricmate ma qajmet l-ebda kwistjoni dwar kemm kienet preċiża d-dejta ta’ Eurostat qabel ma wieġbet għad-dokument ta’ divulgazzjoni ġenerali fil-15 ta’ Lulju 2011 (dwar l-ewwel żball) jew qabel ma kien hemm il-proċeduri fil-qorti nazzjonali (dwar id-diskrepanza fil-figuri għal Spanja). Importaturi oħra fil-fatt qajmu l-ewwel punt iżda ma identifikawx il-kodiċi NM rilevanti b’mod suffiċjenti sabiex l-allegat żball jiġi indirizzat. Dwar id-diskrepanza fil-figuri għal Spanja f’Novembru 2009, l-istituzzjonijiet kien jeħtiġilhom jieħdu d-dejta uffiċjali ta’ Eurostat bħala l-bażi tagħhom; dik id-dejta ma kinitx emendata minħabba li Eurostat togħqod fuq dejta miġbura minn korpi nazzjonali u d-dejta Spanjola ma kinitx emendata, bl-ewwel konferma uffiċjali ta’ żball issir wara l-adozzjoni tar-regolament definittiv.
56.
Madankollu, anki kieku ntużat id-dejta ta’ Bricmate, il-konklużjonijiet ma kinux ikunu differenti. L-ewwel nett, l-evalwazzjoni hija bbażata fuq firxa ta’ indikaturi differenti, li l-ebda wieħed minnhom ma jista’ jkun deċiżiv (Artikolu 3(3) u (5) tar-regolament bażiku). Meta dawk l-indikaturi kollha jittieħdu flimkien, ir-riżultat ikun għadu ċar, anki jekk inqas jispikka meta l-figuri ta’ Eurostat jiġu aġġustati: għandu jkun hemm marġnijiet għolja ta’ twaqqigħ fil-prezzijiet; il-fatturi tal-ħsara u l-indikaturi makroekonomiċi kważi kollha ma humiex affettwati, kif ma humiex affettwati d-dejta mikroekonomika vverifikata mingħand il-produtturi tal-Unjoni li jkunu tteħdulhom kampjuni; u l-evalwazzjoni tal-ħsara u l-marġnijiet ta’ dumping ma kinux ibbażati fuq dejta ta’ Eurostat. F’kull każ, l-aġġustamenti fid-dejta tal-Eurostat jew ma humiex sinjifikattivi jew ma jaffettwawx il-konklużjonijiet dwar is-sehem tas-suq jew id-differenzjali tal-prezzijiet. Barra dan, l-istituzzjonijiet wettqu evalwazzjoni dinamika tal-fatturi kollha tal-ħsara tul il-perjodu kollu inkwistjoni.
57.
Il-Kummissjoni taċċetta li l-figuri tal-importazzjonijiet li sar riferiment għalihom minn Bricmate ma kinux korretti, iżda tissottometti li ma kinux skorretti b’mod ovvju meta kienu ġew adottati r-regolament provviżorju u r-regolament definittiv, u b’hekk ma kienx hemm kwistjoni ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni. Bħall-Kunsill, hija tissottometti li l-evalwazzjonijiet kienu bbażati fuq firxa wiesgħa ta’ fatturi, mhux biss id-dejta ta’ Eurostat, u li l-konklużjonijiet ma kinux ikunu differenti anki kieku dik id-dejta kienet ġiet aġġustata.
Analiżi
58.
Sa fejn ir-regolament definittiv kien ibbażat fuq dejta mhux korretta, dan kien ibbażat fuq żbalji ta’ fatt. Bricmate tqis li dawk l-iżbalji ta’ fatt kienu kemm gravi kif ukoll manifesti, u taw lok għal żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni li affettwaw, parzjalment, il-konklużjonijiet dwar il-ħsara lill-industrija tal-Unjoni u, partikolarment, il-konklużjonijiet dwar ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet miċ-Ċina u dik il-ħsara, u li ż-żewġ tipi ta’ żball, ikkunsidrati flimkien, jikkostitwixxu motivi sabiex ir-regolament ikkontestat jiġi ddikjarat invalidu.
59.
Skont ġurisprudenza stabbilita, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jgawdu minn diskrezzjoni wiesgħa fil-qasam, b’mod partikolari, ta’ miżuri antidumping, minħabba l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u legali li huma jkollhom jeżaminaw. “Fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju ta’ tali evalwazzjoni, dan għandu għalhekk ikun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura, tal-preċiżjoni materjali tal-fatti kkunsidrati sabiex saret l-għażla kkontestata, tal-assenza ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti, jew tal-assenza ta’ użu ħażin ta’ poter.” ( 16 )
60.
Madankollu, dan l-aspett tal-każ ma jinvolvix xi kwistjoni ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ regoli proċedurali, u ma hemm ebda suġġeriment ta’ użu ħażin ta’ poteri. In-nuqqas ta’ preċiżjoni ta’ ċerti fatti hija rrikonoxxuta. L-allegati żbalji ta’ evalwazzjoni kollha ġejjin minn dak in-nuqqas ta’ preċiżjoni, mhux minn evalwazzjoni żbaljata ta’ fatti li oriġinarjament kienu ddikjarati b’mod preċiż.
61.
F’dak il-kuntest, jiena tal-fehma li s-sempliċi eżistenza ta’ żbalji fattwali – kienu kemm kienu manifesti – ma għandhiex minnha nfisha timplika l-invalidità awtomatika ta’ regolament antidumping. Dak li jimporta ma huwiex kemm kienu ovvji l-iżbalji iżda jekk kinux tali li jirrendu inċert jekk il-Kunsill kienx jasal għall-istess konklużjonijiet kieku kellu l-figuri korretti għad-dispożizzjoni tiegħu ( 17 ).
62.
Madankollu, ninnota li l-figuri żbaljati għall-importazzjonijiet għal Spanja juru l-volum f’metri kwadri għal Novembru 2009 bħala kważi 100 darba ikbar minn dak għal Ottubru u kważi 70 darba ikbar minn dak għal Diċembru, għalkemm il-volum f’kilogrammi u l-valur f’euro baqgħu ftit jew wisq kostanti tul l-istess perjodu. Barra minn hekk, il-figuri għall-volum f’kilogrammi u l-valur f’euro huma koerenti tul it-tliet xhur, u dawk għall-volum f’metri kwadri huma koerenti bejn Ottubru u Diċembru. Għalhekk, naħseb li kellu jkun ovvju għal kull min kien qed jara dawk il-figuri li wisq probabbli kien hemm żball u li kien hemm ħtieġa ta’ verifika. Dwar dan il-Kummissjoni spjegat fis-seduta li l-anomalija ma kinitx evidenti qabel ma dehru l-figuri ta’ kull xahar għall-importazzjonijiet għal Spanja skont kull kodiċi NM, li d-dipartiment li kien qed jinvestiga d-dumping ma kienx kiseb figuri ddettaljati bħal dawk qabel ma kien avżat dwar id-diskrepanza fi stadju tard tal-investigazzjoni, u li wara li kisibhom, dan ivverifika sabiex jara jekk kinux biddlu l-analiżi b’xi mod, kif jingħad fil-premessa 108 tar-regolament definittiv.
63.
F’dawk iċ-ċirkustanzi, ma naħsibx li l-Kummissjoni għandha tiġi kkritikata żżejjed talli naqset milli tidentifika l-iżball qabel.
64.
Aspett ieħor tal-argument li nqis irrilevanti huwa l-fatt li Bricmate ma semmitx l-iżbalji tal-istatistika l-iktar sinjifikattivi qabel ma ntemmet l-investigazzjoni antidumping. Din hija talba għal deċiżjoni preliminari minn qorti nazzjonali, u l-unika domanda hija jekk ir-regolament ikkontestat huwiex fil-fatt ivvizzjat minn xi difett. Ma hemmx rekwiżit proċedurali li difett bħal dan kellu jitressaq għall-attenzjoni tal-istituzzjonijiet f’perjodu ta’ żmien partikolari.
65.
Ngħaddi, għalhekk, għall-qofol tal-kwistjoni: sa fejn x’aktarx l-użu tal-figuri korretti seta’ affettwa l-evalwazzjoni tad-dumping? Sabiex inwieġeb din il-mistoqsija nsibha utli li nippreżenta l-figuri rilevanti tat-Tabelli 1, 2 u 11 tar-Regolament provviżorju (inklużi l-figuri kemm mhux ikkontestati kif ukoll dawk ikkoreġuti) f’tabella waħda, u nżid ċerti ringieli ta’ “indiċi” u “bidla sena wara sena” sabiex il-paragun jitħaffef, b’mod li l-indiċi jieħu bħala l-punt tat-tluq tiegħu l-valur ta’ 100 għas-sena kalendarja 2007 (għalkemm int u taqra l-espressjoni “bidla sena wara sena”, it-twissija tibqa’ li s-sena kalendarja 2009 u l-perjodu tal-investigazzjoni – mill-1 ta’ April 2009 sal-31 ta’ Marzu 2010 – jidħlu f’xulxin kunsiderevolment sa ċertu punt):
66.
Abbażi ta’ dan, insib li l-asserzjonijiet ta’ Bricmate, li jinsabu fil-punt 52 iktar ’il fuq, huma parzjalment korretti:
(i)
il-volum ta’ importazzjonijiet miċ-Ċina għall-Unjoni (d) naqas b’14 % bejn l-2007 u l-perjodu tal-investigazzjoni, mhux bi 3 % bħal fir-regolament provviżorju (lanqas ma huwa eżatt 15 % kif tgħid Bricmate);
(ii)
il-konsum fl-Unjoni (c) naqas bi 30 % tul il-perjodu kollu kif issostni Bricmate, u mhux b’29 % bħal fir-regolament provviżorju;
(iii)
Bricmate hija korretta meta tgħid li s-sehem tas-suq minn importazzjonijiet Ċiniżi (e) żdied b’1 % minflok b’1.7 %, u qatt ma laħaq 6 %, tal-konsum fl-Unjoni u li kien hemm tnaqqis fis-sehem tas-suq bejn l-2008 u l-2009, mhux tkabbir kostanti tul il-perjodu kollu;
(iv)
is-sehem tas-suq tal-industrija tal-Unjoni ((b) bħala proporzjon ta’ (c)) ma naqasx b’1 % (minn 89 % għal 88 %) bejn l-2007 u l-perjodu tal-investigazzjoni kif jingħad fir-regolament provviżorju; lanqas, madankollu, ma baqa’ stabbli għalkollox b’89 % kif sostniet Bricmate, iżda naqas ftit ħafna b’0.15 %, minn 89.03 % għal 88.88 %;
(v)
prezzijiet ta’ importazzjonijiet Ċiniżi (f) ma niżlux bi 3 % bejn l-2007 u l-perjodu tal-investigazzjoni iżda telgħu b’9 % globalment (mhux b’10 % kif sostniet Bricmate);
(vi)
id-differenzjali tal-prezzijiet bejn importazzjonijiet Ċiniżi u l-industrija tal-Unjoni [f) kif imqabbel ma’ (g)] baqa’ stabbli bi 42 % kif qalet Bricmate, u ma żdiedx minn 40 % għal 50 % kif jingħad fir-Regolament provviżorju;
(vii)
bejn l-2008 u l-2009 (meta l-marġni tal-profitt tal-industrija tal-Unjoni naqas minn +0.6 % għal -1.2 %), is-sehem tas-suq minn importazzjonijiet Ċiniżi (e) ma żdiedx minn 5.3 % għal 5.6 % iżda naqas għal 4.9 %;
(viii)
bejn l-2009 u t-tmiem il-perjodu tal-investigazzjoni (meta l-marġni ta’ profitt tal-industrija tal-Unjoni rkupra minn -1.2 % għal +0.4 %), is-sehem tas-suq minn importazzjonijiet Ċiniżi (e) żdied minn 4.9 % għal 5.8 %, mhux 6.5 %;
(ix)
bejn l-2007 u l-2009 (filwaqt li l-konsum fl-Unjoni naqas bi 23 %), il-volum ta’ importazzjonijiet Ċiniżi (d) ma naqasx b’9 % kif jingħad fir-Regolament provviżorju, iżda b’20 % kif issostni Bricmate.
67.
Kemm il-Kunsill kif ukoll il-Kummissjoni jargumentaw, essenzjalment, li l-Kummissjoni eżaminat id-diskrepanzi kollha (u ma nara ebda raġuni għala għandi nixħet dubju fuq dik id-dikjarazzjoni, magħmula wkoll fid-dokument ta’ divulgazzjoni ġenerali u fir-regolament definittiv) u sabet li ma kinux suffiċjenti, meta kkunsidrati flimkien mal-fatturi ekonomiċi l-oħra kollha li għandhom jitqiesu, sabiex jaffettwaw l-evalwazzjoni tal-ħsara jew tal-kawżalità. Huma jqisu li, filwaqt li xi xejriet kienu jispikkaw inqas minn kif iddikjarat fir-regolament provviżorju, il-kwadru globali baqa’ l-istess u ssokta jiġġustifika l-konklużjonijiet li kienu nġibdu.
68.
Jidhirli li kull differenza identifikata skont (ii) u (iv) iktar ’il fuq tista’ tiġi injorata għax hija insinjifikattiva.
69.
Fir-rigward tal-bqija tal-punti, inqis li:
(i)
il-fatt li l-volum ta’ importazzjonijiet miċ-Ċina għall-Unjoni (d) naqas b’ 14 % tul il-perjodu kollu għandu jitqies mal-fatt li kemm il-konsum fl-Unjoni (c) u l-importazzjonijiet totali (a) naqsu bi ftit iktar mid-doppju ta’ dak il-proporzjon (madwar 29 % fiż-żewġ każijiet);
(iii)
il-fatt li s-sehem tas-suq minn importazzjonijiet miċ-Ċina (e) żdied globalment b’1 % biss tal-konsum fl-Unjoni, u li kien hemm tnaqqis fis-sehem tas-suq bejn l-2008 u l-2009, għandu jitqies mal-fatt li s-sehem tas-suq kien għadu 21 % ikbar fil-perjodu tal-investigazzjoni milli kien fl‑2007;
(v-vi)
il-fatt li l-prezzijiet tal-importazzjonijiet miċ-Ċina (f) telgħu b’9 % bejn l-2007 u l-perjodu tal-investigazzjoni għandu jitqies mal-fatt li, kif qalet Bricmate infisha, id-differenzjali tal-prezzijiet bejn dawk l-importazzjonijiet u l-industrija tal-Unjoni baqgħu ġeneralment stabbli fil-livell kunsiderevoli ta’ madwar 42 %;
(vii)
il-fatt li s-sehem tas-suq minn importazzjonijiet miċ-Ċina (e) naqas minn 5.3 % għal 4.9 % bejn l-2008 u l-2009 huwa konsistenti mal-figuri l-oħra kollha li juru li s-suq kien qed jinxtorob tul dak il-perjodu iżda li ma huwa indikattiv ta’ ebda ħaġa oħra;
(viii)
il-fatt li s-sehem tas-suq minn importazzjonijiet miċ-Ċina (e) żdied minn 4.9 % għal 5.8 % bejn l-2009 u t-tmiem il-perjodu tal-investigazzjoni huwa konsistenti mal-irkupru tas-suq matul dak il-perjodu kif jixhdu figuri oħra, iżda ma huwa indikattiv ta’ ebda ħaġa oħra;
(ix)
it-tnaqqis ta’ 20 % fil-volum ta’ importazzjonijiet miċ-Ċina (d) bejn l-2007 u l-2009 għandu jitqies mhux biss mat-tnaqqis ta’ 23 % fil-konsum fl-Unjoni (e) iżda wkoll mat-tnaqqis ta’ 22 % fil-produzzjoni tal-Unjoni mibjugħa fl-Unjoni (b) u ta’ 29 % fl-importazzjonijiet globali (a), fl-istess perjodu.
70.
F’dawk iċ-ċirkustanzi nista’ naqbel mal-Kunsill u mal-Kummissjoni li l-iżbalji tal-istatistika ma kinux tali li xeħtu dubju fuq il-konklużjonijiet li hemm fir-regolament ikkontestat. Anki jekk il-volum, il-prezz u s-sehem tas-suq minn importazzjonijiet miċ-Ċina segwew xejriet globali fl-Unjoni pjuttost iktar mill-qrib milli kien jidher mill-istatistika uffiċjali attwalment użata fir-regolamenti, jibqa’ jkun hemm indikazzjonijiet ċari li l-industrija tal-Unjoni ġarrbet ħsara minn importazzjonijiet, u li kien hemm rabta kawżali bejn importazzjonijiet miċ-Ċina u dik il-ħsara.
71.
Huwa minnu li ħsara sempliċi ma hijiex biżżejjed sabiex tiġġustifika miżuri antidumping. Skont l-Artikolu 3(6) tar-regolament bażiku, għandu jintwera li l-volum u/jew il-livelli tal-prezzijiet identifikati jkunu responsabbli għall-impatt fuq l-industrija tal-Unjoni, u li dan l-impatt ikun jeżisti sa grad “materjali”.
72.
Madankollu, hija ġurisprudenza stabbilita li tali materji jinsabu fid-diskrezzjoni wiesgħa tal-istituzzjonijiet meta jevalwaw sitwazzjonijiet ekonomiċi u politiċi kumplessi, u l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa, għalhekk, limitat għall-verifika li ma kienx hemm żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni ( 18 ).
73.
F’dan il-każ, b’mod partikolari, il-prezzijiet ta’ importazzjonijiet miċ-Ċina kienu inqas minn 60 % tal-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni, u żdiedu kemm bħala proporzjon tal-bejgħ fis-suq tal-Unjoni u bħala proporzjon tal-importazzjonijiet totali għall-Unjoni. Barra dan, l-iżbalji fattwali li ppreżentajt fil-punti 66 u 69 iktar ’il fuq ma jidhrux li huma ta’ importanza tant kbira li jindikaw li l-istituzzjonijiet kellhom jiġbdu konklużjonijiet differenti mill-figuri kkoreġuti minn dawk li siltu mill-figuri l-ħżiena. Fl-aħħar nett, ħafna mill-fatturi li l-Kummissjoni qieset meta evalwat il-ħsara (pereżempju, l-evoluzzjoni tal-impjiegi u tal-produttività tul il-perjodu kkunsidrat, jew iż-żieda fl-istokkijiet tal-industrija tal-Unjoni) jibqgħu mhux affettwati mill-iżbalji ta’ fatt identifikati.
74.
Jidhirli, għalhekk, li ma hemmx ġustifikazzjoni sabiex wieħed jikkonkludi li l-konklużjonijiet tal-istituzzjonijiet dwar l-eżistenza u l-livell ta’ dumping, u dwar l-eżistenza u n-natura materjali tal-ħsara lill-industrija tal-Unjoni, kienu manifestament (jew anki neċessarjament) ħżiena anki jekk ċertu għadd tal-fatti ddettaljati li fuqhom kienu bbażati kien fihom żbalji.
75.
Dawk l-istess kunsiderazzjonijiet iwassluni wkoll sabiex ma nilqax is-sottomissjonijiet ulterjuri ta’ Bricmate imsemmija fil-punt 53 iktar ’il fuq, li jallegaw żball ta’ evalwazzjoni fil-premessa 108 tar-regolament definittiv.
It-tieni parti tal-ewwel motiv fil-kawża prinċipali (nuqqas ta ’ eżerċizzju ta ’ kura dovuta u injorar tal-Artikolu 3(2) u (6) tar-regolament bażiku; il-punt 3 tad-domanda preliminari)
Sottomissjonijiet
76.
Fit-tieni parti tal-ewwel motiv tagħha fil-kawża prinċipali, Bricmate tallega li l-istituzzjonijiet kienu naqsu mill-obbligu tagħhom li jeżerċitaw il-kura dovuta u li injoraw l-Artikolu 3(2) u (6) tar-regolament bażiku, peress li Bricmate (u operaturi oħra li kienu kkooperaw fl-investigazzjoni) kienet ipprotestat mal-Kummissjoni li l-istatistika ta’ Eurostat dehret li ma kinitx korretta iżda l-istituzzjonijiet naqsu milli jinvestigaw u jikkoreġu l-iżball.
77.
Bricmate targumenta li l-istituzzjonijiet naqsu milli jinvestigaw u jikkoreġu l-iżball – kuntrarjament għar-rekwiżiti tal-Artikolu 3(2) u (6) tar-regolament bażiku. Il-premessa 108 tar-regolament definittiv turi li l-istituzzjonijiet ma qdewx dmirijiethom f’dak ir-rigward. Bricmate f’dan il-każ qed tinvoka l-ġurisprudenza stabbilita fis-sens li l-Qrati tal-Unjoni għandhom ikunu huma stess sodisfatti li l-istituzzjonijiet ikunu qiesu ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha u evalwaw il-fatti bil-kura kollha dovuta ( 19 ).
78.
Bricmate tisħaq ukoll dwar kemm kien faċli jiġi aċċertat l-iżball fil-figuri għal importazzjonijiet għal Spanja f’Novembru 2009, u tiċċita GLS: “Kif irrileva [l-Avukat Ġenerali Bot] fil-paragrafi 101 u 102 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li teżamina ex officio l-informazzjoni kollha disponibbli peress li l-irwol tagħha f’investigazzjoni antidumping ma huwiex dak ta’ arbitru b’kompetenza limitata li tiddeċiedi biss fid-dawl tal-informazzjoni u l-provi mressqa mill-partijiet fl-investigazzjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament bażiku, fl-Artikolu 6(3) u (4) tiegħu, jawtorizza lill-Kummissjoni titlob lill-Istati Membri jipprovdulha informazzjoni kif ukoll li jwettqu l-verifiki u l-kontrolli kollha meħtieġa.” ( 20 ) In-nuqqasijiet huma partikolarment gravi f’dan il-każ minħabba li diversi operaturi kienu ġibdu l-attenzjoni dwar il-figuri anomali, u Eurostat jifforma parti mill-Kummissjoni.
79.
Il-Kunsill u l-Kummissjoni t-tnejn jissottomettu li l-argumenti ta’ Bricmate huma infondati. Il-figuri kienu eżaminati sewwa; il-Kummissjoni vverifikat jekk il-konklużjonijiet dwar il-ħsara u l-kawżalità setgħux kienu b’xi mod differenti kieku l-figuri ta’ Eurostat kienu ġew aġġustati (minkejja li ma setgħux fil-fatt jiġu aġġustati f’waqtu), u hija tal-fehma li l-konklużjonijiet ma setgħux kienu differenti. Il-konklużjonijiet kollha saru abbażi ta’ fatti oġġettivi, meħuda globalment, mhux biss fuq il-figuri ta’ Eurostat ikkontestati minn Bricmate.
Analiżi
80.
Jidhirli li t-tieni parti tal-motiv għandha taqsam l-istess xorti bħall-ewwel parti.
81.
Kieku r-regolament definittiv kellu jiġi annullat minħabba li, abbażi tal-figuri aġġustati, l-istituzzjonijiet ma setgħux jaslu għall-konklużjonijiet li fil-fatt waslu għalihom, ma kienx ikun hemm raġuni konvinċenti sabiex wieħed imur lil hinn u jqis l-obbligu tal-kura jew tal-konformità mal-Artikolu 3(2) u (6) tar-Regolament bażiku.
82.
Madankollu, eżaminajt il-figuri u kkunsidrajt li l-istituzzjonijiet setgħu b’mod ġustifikabbli jaslu għal dawk il-konklużjonijiet. L-argumenti ta’ Bricmate dwar it-tieni parti tal-motiv, għalhekk, jidhru li għalija ma jreġux. Filwaqt li għandu jiġi rrikonoxxut li l-iżball fl-istatistika Spanjola għal Novembru 2009 kien tali li missu kien ovvju mill-ewwel, jibqa’ l-fatt li l-awtoritajiet Spanjoli ma kkoreġewhx f’waqtu u li l-Kummissjoni ma kinitx f’qagħda li tikkoreġi l-iżball hija nfisha, iżda li (b’mod kruċjali) fil-fatt qieset jekk id-diskrepanzi li nġibu għall-attenzjoni tagħha setgħux jaffettwaw li konklużjonijiet li kienu nġibdu.
It-tieni motiv fil-kawża prinċipali (nuqqas ta ’ motivazzjoni adegwata, nuqqas ta ’ rispett għad-drittijiet tad-difiża, nuqqas ta ’ qies tal-Artikolu 17 tar-regolament bażiku; punti 4 sa 6 tad-domanda preliminari)
Sottomissjonijiet
83.
Fit-tieni motiv tagħha fil-kawża prinċipali, Bricmate issottomettiet li l-Kummissjoni kienet naqset mill-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, ma kinitx qieset id-drittijiet tad-difiża ta’ Bricmate u injorat l-Artikolu 17 tar-regolament bażiku billi ma qisitx l-argumenti ta’ Bricmate, ippreżentati fil-kapaċità tagħha ta’ importatriċi indipendenti magħżula, fir-rigward ta’ differenzi fil-proċessi ta’ manifattura ta’ produtturi tal-madum Ċiniżi u Ewropej u tal-provvista ta’ madum fis-suq tal-Unjoni.
84.
Bricmate tisħaq li, bħala parti mill-kampjun magħżul ta’ importaturi mhux relatati, hija speċifikat seba’ tipi ta’ firxiet ta’ madum li ma setgħetx tikseb fl-Unjoni minħabba differenzi fil-proċess ta’ tqattigħ, u nnotat li l-NKP użati u l-kalkoli tal-ħsara ma kkunsidrawx dawn id-differenzi. Aġġustament kien jirriżulta f’marġni inqas ta’ ħsara. Barra dan, l-industrija tal-Unjoni ma setgħetx tforni madum żgħir. Madankollu, dik l-informazzjoni ma tqisitx, u l-opinjonijiet ta’ Bricmate ma ttiħdux bħala rappreżentattivi ta’ importaturi oħra mhux magħżula, iżda ma ngħatax każ tagħhom b’riferiment għal informazzjoni oħra. Hija tirreferi għal Gul Ahmed ( 21 ): “meta t-teħid ta’ kampjuni jsir skont l-Artikolu 17 tar-regolament bażiku, l-istituzzjonijiet tal-UE, fil-prinċipju, iqisu d-dejta dwar l-esportazzjonijiet tal-impriżi kollha fil-kampjun”; l-istess għandu japplika meta t-teħid ta’ kampjuni jkun dwar importaturi indipendenti. In-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni tal-informazzjoni ta’ Bricmate kien ifisser nuqqas ta’ motivazzjoni adegwata.
85.
Barra dan, il-Kummissjoni naqset milli tkun konformi mal-Artikolu 20(1) tar-regolament bażiku meta naqset milli tgħarraf lil Bricmate dwar “il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali” li abbażi tagħhom kienu imposti miżuri provviżorji. Meta ma laqgħetx l-argument ta’ Bricmate b’rabta ma’ nuqqas ta’ madum f’daqsijiet iżgħar billi rreferiet għal informazzjoni oħra, il-Kummissjoni naqset milli tagħti motivazzjoni u kisret id-drittijiet tad-difiża ta’ Bricmate: ma ntqalx x’informazzjoni oħra kien hemm, u t-tweġiba ma waslitx qabel is-27 ta’ Lulju 2011, tard wisq għal Bricmate sabiex tikseb iktar provi.
86.
Fl-aħħar nett il-Kummissjoni, meta qalet li hija ma kienet kisbet ebda dejta li kienet turi “riskju gravi ta’ nuqqas ta’ provvista” ta’ madum, injorat ix-xhieda ta’ Bricmate tal-15 ta’ April 2011. Għandha titqies l-informazzjoni mill-importaturi kollha fil-kampjun. Minħabba li Bricmate kienet inkluża, l-informazzjoni tagħha għandha titqies bħala rappreżentattiva tal-impriżi ta’ daqs żgħir u medju l-oħra mhux magħżula. Dik l-informazzjoni kien imissha ttieħdet, għalhekk, bħala prova li l-miżuri antidumping kienu jwasslu għal nuqqas gravi għall-impriżi ta’ daqs żgħir u medju, li ma setgħux jieħdu xogħol ta’ prodotti mill-industrija tal-Unjoni jew minn pajjiżi terzi minħabba li ma kienx hemm proċess ta’ tqattigħ u minħabba volumi żgħar ta’ ordnijiet. Il-Kummissjoni, għalhekk, kisret ir-regoli ta’ għażla tal-Artikolu 17 tar-regolament bażiku u manifestament għamlet evalwazzjoni skorretta.
87.
Il-Kunsill jissottometti, l-ewwel nett, li l-informazzjoni ta’ Bricmate ma ġietx injorata, iżda l-Kummissjoni sabet li t-tipi ta’ madum li ma kinux jinsabu fl-Unjoni setgħu jinkisbu mingħand produtturi f’għadd ta’ pajjiżi terzi barra miċ-Ċina. Dik it-tweġiba ngħatat lil Bricmate u hemm riferiment għaliha kemm fir-regolament provviżorju kif ukoll fir-regolament definittiv, u l-varjetà ta’ sorsi ssemmiet anki fid-digriet tal-Qorti Ġenerali ( 22 ). Erba’ importaturi oħra li kien itteħdilhom kampjun qalu li setgħu jibdlu s-sorsi ta’ provvista tagħhom.
88.
It-tieni nett, l-istituzzjonijiet eżaminaw bir-reqqa l-allegazzjonijiet ta’ Bricmate dwar id-differenza fi proċessi tal-produzzjoni u spjegaw, kemm lil Bricmate kif ukoll fiż-żewġ regolamenti, għaliex dawk l-allegazzjonijiet tqiesu li kienu infondati. Il-Kummissjoni wieġbet għall-argumenti kollha ta’ Bricmate sa fejn kienu rilevanti għall-investigazzjoni. Sabiex jinkisru d-drittijiet tad-difiża ta’ Bricmate, kien meħtieġ, l-ewwel nett, li kien hemm irregolarità proċedurali u, it-tieni nett, li kien hemm il-possibbiltà li, minħabba din l-irregolarità, il-proċedura amministrattiva setgħet tirriżulta f’eżitu differenti ( 23 ).
89.
Fl-aħħar nett, is-sottomissjonijiet kollha ta’ Bricmate kienu eżaminati matul l-investigazzjoni u mqabbla ma’ dawk tal-importaturi l-oħra fil-kampjun, bis-sottomissjonijiet kollha jingħataw importanza ndaqs.
90.
Il-Kummissjoni ssostni li hija qieset is-sottomissjonijiet kollha ta’ Bricmate, iżda waslet għal konklużjoni differenti. Tagħmel riferiment iddettaljat għad-diversi ittri u premessi li fihom wieġbet għal dawk is-sottomissjonijiet, u tinnota li l-Qorti Ġenerali kienet sabet li Bricmate ma kinitx iġġustifikata meta sostniet li l-impożizzjoni tad-dazji antidumping, li jikkonċernaw biss l-importazzjonijiet tal-prodotti inkwistjoni miċ-Ċina, neċessarjament kellhom konsegwenzi gravi fuq l-attivitajiet ekonomiċi tagħha ( 24 ).
Analiżi
91.
L-argumenti ta’ Bricmate jirrigwardaw allegat nuqqas li s-sottomissjonijiet tagħha jittieħdu għand il-Kummissjoni – essenzjalment il-pretensjonijiet tagħha li ċerti tipi ta’ madum, iddefinit skont il-kwalità u l-metodu ta’ tqattigħ, ma setgħux jinkisbu minn sorsi oħra ħlief miċ-Ċina – sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni. Bħala korollarju, fil-fehma ta’ Bricmate, il-motivazzjoni fir-regolament definittiv ma kinitx adegwata, u l-Kummissjoni la qieset kif imiss l-istatus ta’ Bricmate bħala importatriċi li kien ittiħdilha kampjun skont l-Artikolu 17 tar-regolament bażiku u lanqas ma żvelat id-dettalji li kienu l-bażi tal-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuqhom kienu imposti miżuri antidumping, kuntrarjament għall-Artikolu 20(1) tal-istess regolament. It-tweġiba tal-istituzzjonijiet essenzjalment hija li dawk is-sottomissjonijiet kienu tqiesu, iżda li l-konklużjonijiet li kienu nġibdu, wara eżami, ma kinux l-istess bħal dawk li ġibdet Bricmate, u li kienu ngħataw tweġibiet għad-diversi sottomissjonijiet.
92.
Jiena mhux konvint bl-argumenti ta’ Bricmate, meta niftakar li jirrigwardaw jekk is-sottomissjonijiet tagħha kinux ittieħdu inkunsiderazzjoni, mhux jekk il-kunsiderazzjoni ta’ dawk is-sottomissjonijiet kinitx adegwata.
93.
Jidhirli li huwa ċar mill-korrispondenza u mill-premessi li jiena ppreżentajt fil-punti 10, 13, 20 sa 25 u 30 iktar ’il fuq li l-ewwel il-Kummissjoni, u wara l-Kunsill, qiesu s-sottomissjonijiet ta’ Bricmate (flimkien, mid-dehra, mas-sottomissjonijiet tal-istess xorta mingħand waħda jew iktar mill-partijiet interessati l-oħra).
94.
Ovvjament ikun ta’ piż bla bżonn għall-istituzzjonijiet (b’mod partikolari l-Kummissjoni) jekk, matul investigazzjoni antidumping, huma kien ikun jeħtiġilhom iwieġbu wieħed wieħed għal kull punt iddettaljat magħmul minn kull parti interessata. L-essenzjali huwa li tingħata tweġiba suffiċjenti sabiex il-parti kkonċernata tkun tista’ tifhem li l-punti jkunu tqiesu, li kien intlaħaq ħsieb partikolari u li l-ħsieb kien ibbażat fuq raġunijiet identifikabbli. Hija mbagħad tkun tista’ (jekk tagħżel li tagħmel hekk) tipprova tikkontesta jekk il-mod li bih is-sottomissjonijiet tagħha jkunu tqiesu kienx adegwat.
95.
Jidhirli li dawk ir-rekwiżiti tħarsu f’dan il-każ.
Konklużjoni
96.
Fid-dawl tal-kunsiderazzjoni kollha msemmija iktar ’il fuq, jiena tal-opinjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lill-Förvaltningsrätten i Malmö fis-sens li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 917/2011, tat-12 ta’ Settembru 2011, li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tal-madum taċ-ċeramika li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina ma huwiex invalidu fuq ebda wieħed mill-motivi mressqa fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha.
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (verżjoni kkodifikata) (ĠU L 343, p. 51).
( 3 ) Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 258/2011, tas-16 ta’ Marzu 2011, li jimponi dazju antidumping provviżorju fuq importazzjonijiet ta’ madum taċ-ċeramika li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 70, p. 5).
( 4 ) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 917/2011, tat-12 ta’ Settembru 2011, li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tal-madum taċ-ċeramika li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 238, p. 1).
( 5 ) ĠU C 160, p. 20 (“l-avviż ta’ tnedija”). L-investigazzjoni kopriet il-madum taċ-ċeramika kollu importat taħt l-intestaturi 6907 u 6908 tan-Nomenklatura Magħquda (iktar ’il quddim “NM”) fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-[Tariffa Doganali Komuni] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), kif emendat.
( 6 ) Dan il-kodiċi tan-NM fl-2011 kien jaqbel mal-kodiċi 6907 90 99 matul il-perjodu tal-investigazzjoni (ara l-punt 39 et seq. iktar ’il quddiem).
( 7 ) Digriet Bricmate vs Il-Kunsill, (T‑596/11, EU:T:2014:53). Kontestazzjoni diretta oħra għar-regolament definittiv kienet ġiet miċħuda, għal raġunijiet differenti, mill-Qorti Ġenerali fit-22 ta’ Mejju 2014 fis-sentenza tagħha Guangdong Kito Ceramics et vs Il-Kunsill, (T-633/11, EU:T:2014:271).
( 8 ) Kemm Bricmate kif ukoll il-Kummissjoni jirreferu għal żball dwar importazzjonijiet taħt il-kodiċi NM 6908 90 99, li jidher li affettwa figuri għall-importazzjonijiet kollha miċ-Ċina, kemm għall-perjodu tal-investigazzjoni kif ukoll għall-2009.
( 9 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 6 iktar ’il fuq.
( 10 ) Fil-fatt, il-Kummissjoni tagħti figura ta’ 881733.77 m2 fil-verżjoni Svediża tal-osservazzjonijiet tagħha, u 888733.77 m2 fil-verżjoni Franċiża, filwaqt li qabel irreferiet għal 888773 m2 fiż-żewġ verżjonijiet. Nieħu l-figura ta’ 881733.77 m2 miċ-ċertifikat oriġinali tal-awtoritajiet Spanjoli, anness mal-osservazzjonijiet tal-Kunsill.
( 11 ) Din il-figura tidher li ġiet emendata xi ftit, meta pparagunata ma’ dik mogħtija mill-Qorti Ġenerali, li tinsab fil-punt 41 iktar ’il fuq.
( 12 ) Ara l-punti 15 u 16 iktar ’il fuq.
( 13 ) Inter alia, segwejt it-tabelli oriġinali meta indikajt l-evoluzzjoni bejn l-2009 u l-perjodu tal-investigazzjoni bħala bidla “sena wara sena”, anki jekk fil-fatt hemm partijiet li jidħlu f’xulxin kunsiderevolment bejn iż-żewġ perjodi.
( 14 ) Il-kalkoli ta’ Bricmate, f’anness mal-osservazzjonijiet tagħha, juru figuri ta’ importazzjoni li huma ftit inqas minn dawk għall-2009, u ftit ogħla għall-perjodu tal-investigazzjoni, minn dawk li kkalkolajt jiena.
( 15 ) Sentenza Gul Ahmed Textile Mills vs Il-Kunsill, (T‑199/04, EU:T:2011:535, punt 77).
( 16 ) Ara, bħala każ reċenti, is-sentenza Simon, Evers & Co, (C‑21/13, EU:C:2014:2154, il-punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 17 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza Aluminium Silicon Mill Products vs Il-Kunsill, (T‑107/04, EU:T:2007:85, il-punt 66).
( 18 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi Hoesch Metals and Alloys, (C‑373/08, EU:C:2010:68, il-punti 61 u 62), u CHEMK u KF vs Il-Kunsill, (C‑13/12 P, EU:C:2013:780, il-punti 60 sa 63).
( 19 ) Sentenza Shandong Reipu Biochemicals vs Il-Kunsill, (T‑413/03, EU:T:2006:211, punti 63 sa 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 20 ) Sentenza GLS, (C‑338/10, EU:C:2012:158, punt 32) (Enfasi ta’ Bricmate).
( 21 ) Sentenza Gul Ahmed Textile Mills vs Il-Kunsill, (T-199/04, EU:T:2011:535, punt 77).
( 22 ) Digriet Bricmate vs Il-Kunsill, T‑596/11, EU:T:2014:53, punti 49 sa 51 (ara l-punt 33 iktar ’il fuq).
( 23 ) Sentenza Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware vs Il-Kunsill, (C-141/08 P, EU:C:2009:598, punt 81).
( 24 ) Digriet Bricmate vs Il-Kunsill, (T-596/11, EU:T:2014:53, punt 54).
Full & Egal Universal Law Academy