KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
KOKOTT
ippreżentati fit-13 ta’ Novembru 2014 ( 1 )
Kawża C‑570/13
Karoline Gruber
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (l‑Awstrija)]
“Ambjent — Direttiva EEA/UE — Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent — Kostruzzjoni ta’ ċentru kummerċjali speċjalizzat — Effett vinkolanti ta’ deċiżjoni amministrattiva li ma ssirx evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent — Assenza ta’ parteċipazzjoni tal-pubbliku”
I – Introduzzjoni
1.
Skont id-dritt Awstrijak, ġirien ikkonċernati la jistgħu jikkontestaw l-istqarrija uffiċjali li proġett ma jeħtieġx evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, u lanqas ma jistgħu joġġezzjonaw għall-approvazzjoni tal-proġett fuq il-bażi li dan kellu jkun suġġett għal tali evalwazzjoni. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tiġi mistoqsija jekk dan huwiex kompatibbli mad-Direttiva EEA ( 2 ).
2.
F’dan il-kuntest għandu jitfakkar li d-Direttiva EEA, f’ċerti każijiet, tirrikonoxxi d-dritt ta’ individwi li titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. Huwa meħtieġ li jiġi eżaminat jekk il-leġiżlazzjoni Awstrijaka hijiex kompatibbli ma’ din il-liġi.
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Id-Direttiva EEA
3.
Il-premessi 4 u 14 tad-Direttiva EEA jispjegaw l-objettivi tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent b’rabta mal-interessi ta’ individwi:
“(4)
Iktar minn hekk, huwa meħtieġ li jinkiseb wieħed mill-objettivi tal-Unjoni fl-isfera tal-ħarsien tal-ambjent u l-kwalità tal-ħajja.
[…]
(14)
L-effetti ta’ proġetti fuq l-ambjent għandhom ikunu stmati [evalwati] biex iqisu itħassib għall-ħarsien tas-saħħa umana, issir kontribuzzjoni permezz ta’ ambjent aħjar għall-kwalità tal-ħajja, tkun żgurata żamma tad-diversità ta’ speċji u tinżamm il-kapaċità reproduttiva tal-ekosistema bħala riżors bażiku għal ħajja.”
4.
L-Artikolu 1(2)(d) u (e) tad-Direttiva EEA jiddefinixxi l-kunċett ta’ pubbliku kkonċernat:
“(d)
‘pubbliku’ tfisser persuna jew iktar naturali jew legali, u, skont il-leġiżlazzjoni jew il-prassi nazzjonali, l-assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet jew il-gruppi tagħhom;
(e)
‘pubbliku kkonċernat’ tfisser il-pubbliku affettwat jew x’aktarx li jiġi affettwat bil-proċeduri dwar it-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-ambjent imsemmija fl-Artikolu 2(2) jew li għandu interess fihom. Għall-għanijiet ta’ din id-definizzjoni, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jippromwovu l-protezzjoni tal-ambjent u jissodisfaw kull rekwiżit taħt il-liġijiet nazzjonali għandhom jitqiesu li għandhom interess.”
5.
Dawn id-definizzjonijiet ġew introdotti f’verżjoni preċedenti tad-Direttiva EEA għall-finijiet tal-implementazzjoni tal-Artikolu 2(4) u (5) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus ( 3 ) permezz tad-Direttiva 2003/35 ( 4 ).
6.
L-Artikolu 2 tad-Direttiva EEA jinkludi xi dispożizzjonijiet bażiċi:
“1. L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li, qabel ma jingħata l-kunsens [awtorizzazzjoni], il-proġetti li x’aktarx ikun sejjer ikollhom impatt sinifikanti fuq l-ambjent bis-saħħa, fost ħwejjeġ oħra, tan-natura, id-daqs u l-lokalizzazzjoni tagħhom ikunu soġġetti għar-rekwiżit li jkun hemm kunsens għall-iżvilupp u stima rigward l-effetti tagħhom. Dawk il-proġetti huma ddefiniti fl-Artikolu 4.
2. L-istima tal-impatt fuq l-ambjent tista’ tkun integrata fil-proċeduri eżistenti għal kunsens għal proġetti fl-Istati Membri, jew, fin-nuqqas ta’ dan, fi proċeduri oħra jew fi proċeduri li għandhom ikunu stabbiliti biex ikun hemm konformità mal-għanijiet ta’ din id-Direttiva.
[…]
4. [...] [L]-Istati Membri jistgħu, f’każijiet eċċezzjonali, jeżentaw proġett speċifiku fl-intier tiegħu jew f’parti minnu mid-dispożizzjonijiet preskritti f’din id-Direttiva.
F’dak il-każ, l-Istati Membri għandhom:
(a)
jikkunsidraw jekk għamla oħra ta’ stima tkunx approprjata;
(b)
jagħmlu disponibbli għall-pubbliku kkonċernat it-tagħrif miksub taħt għamliet jew oħra tal-istima msemmija fil-punt (a), it-tagħrif li jkollu x’jaqsam mad-deċiżjoni dwar l-għotja tal-eżenzjoni u r-raġunijiet għaliex tkun ġiet mogħtija;
(c)
jinformaw lill-Kummissjoni, qabel ma jingħata kunsens, bir-raġunijiet li jiġġustifikaw l-eżenzjoni mogħtija, u jipprovduha bl-informazzjoni li jkunu għamlu disponibbli, fejn japplika, liċ-ċittadini tagħhom stess.
[…]”
7.
Skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva EEA għandu jiġi ddeterminat jekk proġett jeħtieġx evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. Fil-każ preżenti, hija ta’ interess id-dispożizzjoni li tinsab fl-Artikolu 4(2) u (3), li tagħti lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni:
“2. Bla ħsara għall-Artikolu 2(4), għall-proġetti mniżżla fil-lista fl-Anness II, Stati Membri għandhom jistabbilixxu jekk il-proġett għandux jiġi soġġett għal stima b’mod konformi mal-Artikoli 5 sa 10. L-Istati Membri għandhom jagħmlu dik id-determinazzjoni permezz ta’:
(a)
eżami każ b’każ,
jew
(b)
livelli jew kriterji stabbiliti mill-Istat Membru.
L-Istati Membri jistgħu jiddeċidu li japplikaw iż-żewġ proċeduri msemmija fil-punti (a) u (b).
3. Meta jitwettaq eżami każ b’każ jew jiġu stabbiliti l-livelli jew il-kriterji għall-għan tal-paragrafu 2, għandhom jitqiesu l-kriterji tal-għażla rilevanti stabbiliti fl-Anness III.”
8.
L-Artikolu 11 tad-Direttiva EEA fih dispożizzjoni dwar l-aċċess għall-ġustizzja li, fil-biċċa l-kbira tagħha, tirrifletti l-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u li ġiet introdotta wkoll permezz tad-Direttiva 2003/35:
“1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, skont is-sistema legali nazzjonali rilevanti, il-membri tal-pubbliku kkonċernat:
(a)
li jkollhom interess [ġuridiku] suffiċjenti, jew alternattivament,
(b)
li jsostnu l-ksur ta’ dritt, meta l-liġi amministrattiva proċedurali ta’ Stat Membru teħtieġ dan bħala pre-kondizzjoni,
ikollhom aċċess għal proċedura ta’ stħarriġ quddiem qorti tal-ġustizzja jew korp ieħor indipendenti u imparzjali stabbilit bil-liġi sabiex jikkontestaw il-legalità sostantiva jew proċedurali tad-deċiżjonijiet, l-atti jew l-omissjonijiet soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku.
[…]
3. Dak li jikkostitwixxi interess [ġuridiku] suffiċjenti u l-ksur ta’ dritt għandu jiġu stabbilit mill-Istati Membri, b’mod konsistenti mal-objettiv li jingħata aċċess wiesa’ għall-ġustizzja lill-pubbliku kkonċernat. Għal dak il-fini, l-interess ta’ kull organizzazzjoni mhux governattiva li tissodisfa r-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 1(2) għandu jitqies suffiċjenti għall-għan tal-punt (a) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Tali organizzazzjonijiet għandhom jitqiesu wkoll li għandhom drittijiet li jistgħu jinkisru għall-għan tal-punt (b) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.
[…]”
B – Id-dritt Awstrijak
9.
Id-deċiżjoni dwar il-ħtieġa li titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent hija rregolata mill-Artikolu 3(7) tal-Liġi tal-2000 dwar l-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent (Umweltverträglichkeitsprüfungsgesetz 2000 ( 5 )), fil-verżjoni ( 6 ) applikabbli għall-kawża ineżami (iktar ’il quddiem l-“UVP-G 2000”):
“L-awtorità għandha tikkonstata, fuq talba tal-applikant għall-proġett, ta’ awtorità involuta jew tal-Ombudsman għall-ambjent [l-Umweltanwalt], jekk, fil-każ ta’ proġett partikolari, għandhiex issir evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent skont din il-Liġi Federali […]. Id-deċiżjoni għandha tittieħed f’terminu ta’ sitt xhur, kemm fl-ewwel kif ukoll fit-tieni istanza. L-applikant għall-proġett, l-awtorità involuta, l-Ombudsman għall-ambjent [l-Umweltanwalt] u l-komun ikkonċernat huma kkunsidrati bħala partijiet. […] Il-kontenut essenzjali tad-deċiżjonijiet kif ukoll il-motivi essenzjali għandhom jiġu ppubblikati mill-awtorità b’mod xieraq jew għandhom ikunu aċċessibbli għall-konsultazzjoni mill-pubbliku. Il-komun ikkonċernat jista’ jippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Verwaltungsgerichtshof. [....]”
III – Il-kawża prinċipali u t-talba għal deċiżjoni preliminari
10.
K. Gruber qiegħda tikkontesta, quddiem il-qrati nazzjonali, l-awtorizzazzjoni ġenerali maħruġa favur EMA Beratungs- und Handels GmbH (iktar ’il quddiem “EMA”), fil-21 ta’ Frar 2012, għall-bini u l-operat ta’ konglomerat ta’ kummerċ u servizzi (iktar ’il quddiem iċ-“ċentru kummerċjali speċjalizzat”) bi spazju tal-art totali ta’ 11437.58 m2. Hija tilmenta partikolarment li ma twettqet l-ebda evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent.
11.
Madankollu, il-Land ta’ Kärnten kien diġà ddeċieda, fil-21 ta’ Lulju 2010, li tali evalwazzjoni ma hijiex meħtieġa. Din id-deċiżjoni kienet ikkomunikata lil K. Gruber biss sussegwentement u hija finali.
12.
Il-Verwaltungsgerichtshof tagħmel id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
1)
Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-[Direttiva EEA], b’mod partikolari l-Artikolu 11 tagħha, jipprekludi sitwazzjoni legali nazzjonali li tipprovdi li, deċiżjoni li tikkonstata li ma hemmx lok li ssir evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent fir-rigward ta’ proġett partikolari, torbot ukoll lill-ġirien li ma kinux partijiet fil-proċedura preċedenti għal deċiżjoni deklaratorja u tista’ tiġi invokata kontrihom fi proċedura sussegwenti għal awtorizzazzjoni, anki jekk dawn għandhom il-possibbiltà li jqajmu l-oġġezzjonijiet tagħhom fir-rigward tal-proġett matul l-imsemmija proċedura għal awtorizzazzjoni (f’dan is-sens l-oġġezzjoni fil-kawża prinċipali tkun dik li l-effetti tal-proġett jippreġudikaw il-ħajja, is-saħħa jew il-proprjetà tagħhom jew li huma jġarrbu dannu irraġonevoli minħabba r-riħa, il-ħoss, id-duħħan, it-traffiku, it-trab, it-theżżiż jew kwalunkwe inkonvenjent ieħor)?
2)
Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv: Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-Direttiva 2011/92/UE, permezz tal-applikazzjoni diretta tagħha, jeżiġi li jiġi kkonstatat in-nuqqas tal-effett vinkolanti msemmi fl-ewwel domanda?
13.
Fil-proċedura bil-miktub ipparteċipaw K. Gruber, EMA, ir-Repubblika tal-Awstrija u l-Kummissjoni Ewropea. Bl-eċċezzjoni ta’ EMA, kollha ppreżentaw osservazzjonijiet orali fis-seduta tad-9 ta’ Ottubru 2014.
IV – Analiżi legali
A – Fuq il-verżjoni applikabbli tad-Direttiva EEA
14.
EMA temmen li, fil-kawża prinċipali, minflok il-verżjoni tad-Direttiva EEA invokata fit-talba għal deċiżjoni preliminari, jiġifieri d-Direttiva 2011/92, għandha tapplika l-verżjoni li kienet fis-seħħ fil-21 ta’ Ġunju 2010, jiġifieri fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li ma hijiex meħtieġa evalwazzjoni.
15.
Madankollu, EMA tirrikonoxxi li t-talba għal deċiżjoni preliminari tirriżulta minn kawża kontra l-awtorizzazzjoni tal-proġett tagħha tal-21 ta’ Frar 2012. Għall-kuntrarju ta’ dak li sostniet il-Kummissjoni fis-seduta, f’dak il-mument diġà kienet tapplika d-Direttiva 2011/92. Fil-fatt, konformement mal-Artikoli 14 u 15 tagħha, din id-direttiva daħlet fis-seħħ 20 jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fit-28 ta’ Jannar 2012, jiġifieri fis-17 ta’ Frar 2012. Barra minn hekk, din id-direttiva ma kienet tipprevedi l-ebda terminu għat-traspożizzjoni għaliex, meta mqabbla mal-verżjoni applikabbli preċedentement, ma teffettwax emendi sostantivi, iżda sempliċement tikkonsolida l-emendi li saru qabel u ttejjeb il-preżentazzjoni tad-dispożizzjonijiet.
16.
Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni EMA, dan japplika wkoll għall-Artikolu 2(3) u għall-Artikolu 10a tal-verżjoni preċedenti, li jikkorrispondu għall-Artikolu 2(4) u għall-Artikolu 11 tal-verżjoni l-ġdida. Għaldaqstant, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2011/92 jipprovdi li r-referenzi għall-verżjoni applikabbli preċedentement għandhom jitqiesu li huma referenzi għad-Direttiva 2011/92 u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni li tinsab fl-Anness VI.
17.
Billi ma teffettwa l-ebda emendi sostantivi, il-verżjoni l-ġdida tista’ wkoll tkun applikata mingħajr problema għall-proċedura li għadha għaddejja dwar l-għoti tal-awtorizzazzjoni tal-21 ta’ Frar 2012. Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-regoli proċedurali għandhom japplikaw għall-kawżi kollha li jkunu pendenti meta dawn jidħlu fis-seħħ ( 7 ). Huma biss emendi sostanzjali għar-rekwiżiti proċedurali ( 8 ) jew dispożizzjonijiet tranżitorji speċjali ( 9 ) li jistgħu jagħtu lok li dan jiġi rrivedut.
18.
Konsegwentement ma hemmx lok għal dubju fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Verwaltungsgerichtshof li tressaq talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-Direttiva 2011/92.
B – Fuq l-ewwel domanda
19.
Il-qofol tal-kawża preżenti jinsab fl-ewwel domanda. Madankollu, din teħtieġ preċiżazzjoni (taqsima 1). Imbagħad, għandu jitfakkar id-dritt li titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent (taqsima 2), li huwa appoġġat minn dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (taqsima 3), dritt iżda li għalih ma huwiex intitolat kulħadd, iżda biss il-persuni kkonċernati (taqsima 4). Huwa biss b’mod supplimentari li għandhom jiġu indirizzati, l-ewwel nett, il-proċedura speċjali ta’ protezzjoni ġudizzjarja prevista fl-Artikolu 11 tad-Direttiva EEA (taqsima 5), it-tieni nett, il-kumpens possibbli għan-nuqqas ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent bl-applikazzjoni ta’ liġijiet speċjali (taqsima 6) u, fl-aħħar nett, it-teżi ta’ EMA fis-sens li l-każ preżenti jikkonċerna eċċezzjoni għad-Direttiva EEA (taqsima 7).
1. Fuq l-interpretazzjoni tad-domanda preliminari
20.
Id-domanda tal-Verwaltungsgerichtshof hija dwar jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix il-kundizzjonijiet li fihom il-konstatazzjoni li proġett ma kienx jeħtieġ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent takkwista effett vinkolanti. Madankollu, sabiex tkun tista’ tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, id-domanda għandha tinftiehem fis-sens li hija dwar jekk l-effett vinkolanti jistax japplika wkoll għall-ġirien li ma setgħux jikkontestaw din il-konstatazzjoni quddiem il-qrati.
21.
Il-Verwaltungsgerichtshof tindika fil-fatt, li, skont l-Artikolu 3(7) tal-UVP-G 2000, għall-eżami tal-kwistjoni jekk għal proġett għandhiex titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, hija prevista proċedura partikolari. F’din il-proċedura huma biss l-applikant għall-proġett, l-awtoritajiet involuti, l-Ombudsman għall-ambjent [l-Umweltanwalt] u l-komun ikkonċernat kif ukoll, skont bidliet leġiżlattivi reċenti, ċerti organizzazzjonijiet mhux governattivi, li jitqiesu li huma partijiet, iżda mhux il-ġirien tal-proġett. Dan ifisser li jkun biss fil-proċess sussegwenti ta’ awtorizzazzjoni li ġirien (bħal ma hija, f’din il-kawża, K. Gruber) ikunu kkonfrontati għall-ewwel darba bid-deċiżjoni li ma ssirx evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. Sa dan iż-żmien id-deċiżjoni tkun finali u torbot lill-partijiet kollha.
22.
Minn dan jirriżulta apparentement li għalkemm il-ġirien jistgħu joġġezzjonaw għall-awtorizzazzjoni ta’ proġett fil-każ li dan jikser ċerti standards stabbiliti fid-dritt ambjentali, pereżempju valuri limiti, iżda ma jistgħux jilmentaw li, bi ksur tad-Direttiva EEA, ma tkun twettqet l-ebda evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. U lanqas ma jidher li jistgħu jikkontestaw id-deċiżjoni li ma titwettaqx evalwazzjoni ( 10 ).
23.
Konsegwentement, għandu jiġi ddeterminat jekk huwiex kompatibbli mad-Direttiva EEA li l-konstatazzjoni li proġett ma jeħtieġx evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ikollha effett vinkolanti fil-konfront tal-ġirien li ma setgħux jikkontestaw din il-konstatazzjoni quddiem il-qrati.
24.
Għal dan il-għan, fil-punti segwenti għandhom jiġu diskussi, l-ewwel nett, il-bażi għal eventwali obbligu ta’ evalwazzjoni, it-tieni nett, il-protezzjoni ġudizzjarja kontra d-deċiżjoni li ma titwettaqx evalwazzjoni u, fl-aħħar nett, iċ-ċirku tal-persuni eliġibbli.
2. Fuq il-bażi għal eventwali obbligu ta’ evalwazzjoni
25.
Fil-kawża preżenti, l-obbligu li titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent jista’ jirriżulta kemm mill-Artikolu 2(1) kif ukoll mill-Artikolu 4(2) u (3) tad-Direttiva EEA, billi l-proġett ta’ EMA għandu jitqies li huwa proġett ta’ żvilupp urban, inkluż il-bini ta’ ċentri kummerċjali u ta’ parkeġġi għall-karozzi, fis-sens tal-punt 10(b) tal-Anness II.
26.
Skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva EEA, għall-proġetti elenkati fl-Anness II li jista’ jkollhom effetti negattivi sinjifikattivi fuq l-ambjent, l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw, abbażi ta’ eżami każ b’każ, jew abbażi ta’ limiti jew kriterji stabbiliti minnhom, jekk tali proġett għandux ikun suġġett għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent.
27.
Fir-rigward tal-iffissar tal-limiti jew tal-kriterji sabiex jiġi ddeterminat jekk tali proġett għandux ikun suġġett għal evalwazzjoni tal-effetti tiegħu fuq l-ambjent, l-Artikolu 4(2)(b) tad-Direttiva EEA jikkonċedi marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri. Dan il-marġni ta’ diskrezzjoni madankollu huwa limitat permezz tal-obbligu stabbilit fl-Artikolu 2(1), li jistipula li dawk il-proġetti li mistennija jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent, fost affarijiet oħra minħabba n-natura, id-daqs jew is-sit tagħhom, għandu jsirilhom eżami tal-effetti tagħhom ( 11 ).
28.
B’hekk, il-ħtieġa ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent tista’ tirriżulta direttament mill-Artikolu 2(1), mill-Artikolu 4(2) u (3) kif ukoll mill-Anness II tad-Direttiva EEA meta l-proġett jaqa’ taħt dan l-anness u meta jista’ jkollu effetti ambjentali sinjifikattivi ( 12 ). L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom, jekk ikun il-każ, jeżaminaw b’mod partikolari l-kwistjoni jekk, fid-dawl tal-kriterji elenkati fl-Anness III ta’ din id-direttiva ( 13 ), għandhiex issir evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ( 14 ). Dan huwa l-hekk imsejjaħ eżami preliminari.
3. Fuq il-protezzjoni ġudizzjarja kontra d-deċiżjoni tal-eżami preliminari
29.
Fir-rigward tal-protezzjoni ġudizzjarja, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-individwi jistgħu jinvokaw l-obbligu li titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent skont l-Artikolu 2(1) moqri flimkien mal-Artikolu 4 tad-Direttiva EEA ( 15 ).
30.
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li “t-terzi, bħal wara kollox l-awtoritajiet amministrattivi interessati”, għandu jkollhom il-possibbiltà li jiżguraw li l-awtorità kompetenti tkun fil-fatt eżaminat, skont id-dispożizzjonijiet previsti mil-liġi nazzjonali, jekk evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent kinitx neċessarja. Barra minn hekk, skont din il-ġurisprudenza, il-persuni kkonċernati għandu jkollhom il-possibbiltà li jiżguraw, b’mod ġudizzjarju, l-osservanza ta’ dan l-obbligu fil-qasam tal-eżami. Din l-eżiġenza tista’ tikkomporta l-possibbiltà li jiġi ppreżentat rikors direttament kontra d-deċiżjoni li ma ssirx evalwazzjoni ( 16 ).
31.
L-Awstrija u EMA jargumentaw li l-Qorti tal-Ġustizzja sempliċement ikkonstatat li l-istħarriġ ġudizzjarju tal-obbligu ta’ eżami preliminari jista’ jikkomporta l-possibbiltà li jiġi ppreżentat rikors direttament kontra d-deċiżjoni li ma ssirx evalwazzjoni ( 17 ). Madankollu, fl-opinjoni tagħhom ma hemm l-ebda obbligu li jkun permess tali rikors.
32.
Madankollu, dan l-argument jonqos milli jirrikonoxxi l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-frażi li tippreċedi dik ikkwotata mill-Awstrija u minn EMA, stqarret li l-persuni kkonċernati għandu jkollhom il-possibbiltà li jiżguraw, jekk ikun il-każ b’mod ġudizzjarju, l-osservanza ta’ dan l-obbligu fil-qasam tal-eżami ( 18 ).
33.
Din il-konstatazzjoni hija wkoll loġika peress li d-dritt tal-Unjoni jagħti lil dawk ikkonċernati d-dritt li titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent jekk ikunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 2(1) moqri flimkien mal-Artikolu 4 tad-Direttiva EEA ( 19 ). Għalhekk, il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li huwa stipulat fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jitlob li l-persuni kkonċernati tingħatalhom il-possibbiltà li jissuġġettaw għal stħarriġ ġudizzjarju d-deċiżjoni li ma ssirx evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent.
34.
Tali stħarriġ ġudizzjarju jista’ jsir pereżempju fil-kuntest ta’ rikors kontra d-deċiżjoni tal-eżami preliminari jew meta tiġi kkontestata deċiżjoni sussegwenti ta’ awtorizzazzjoni. Madankollu, jekk ma jkunx jista’ jiġi ppreżentat rikors immedjatament kontra d-deċiżjoni tal-eżami preliminari, il-fatt li ma ssirx evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent għandu jkun jista’ jiġi kkontestat l-iktar tard fil-kuntest tar-rikors kontra l-awtorizzazzjoni. Għalhekk, l-effett vinkolanti ta’ deċiżjoni tal-eżami preliminari fil-konfront ta’ dawk li jistgħu jistrieħu fuq l-Artikolu 2(1) kif ukoll fuq l-Artikolu 4(2) u (3) tad-Direttiva EEA, iżda li ma setgħux jikkontestaw quddiem il-qrati d-deċiżjoni tal-eżami preliminari, ma huwiex kompatibbli ma’ dawn id-dispożizzjonijiet u lanqas mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.
4. Fuq iċ-ċirku tal-persuni eliġibbli
35.
Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ min jista’ jinvoka l-obbligu li titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, il-ġurisprudenza, madankollu, hija parzjalment interpretata ħażin. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ta’ spiss titkellem dwar “persuni interessati” ( 20 ), imma xi kultant titkellem biss dwar “individwi” ( 21 ) jew saħansitra b’mod ġenerali dwar “terzi” ( 22 ), jiġifieri dwar ċirku potenzjalment wiesa’ ħafna ta’ persuni eliġibbli. Għalhekk ma huwiex sorprendenti li fis-seduta tqajjem it-tħassib li l-fatt li jiġi invokat dan l-obbligu jista’ jippermetti actio popularis.
36.
Madankollu, ma hemm l-ebda raġuni għal tali tħassib.
37.
Mid-Direttiva EEA jista’ fil-fatt jiġi konkluż li fil-verità huma koperti biss il-persuni affettwati. B’mod partikolari, skont l-Artikolu 6(3) u (4), fl-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ma għandux ikun involut il-pubbliku b’mod ġenerali iżda biss il-“pubbliku kkonċernat”. L-Artikolu 1(2)(e) jiddefinixxih bħala l-pubbliku affettwat jew x’aktarx li jiġi affettwat bil-proċeduri dwar it-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-ambjent jew li għandu interess fihom. F’dan il-kuntest, skont l-Artikolu 1(2)(d) tad-Direttiva EEA, il-pubbliku jinkludi l-persuni naturali jew ġuridiċi.
38.
F’dan is-sens, għalhekk, il-partijiet ikkonċernati ma humiex biss il-partijiet fil-proċedura ta’ eżami preliminari rrikonoxxuti skont id-dritt Awstrijak, jiġifieri l-applikant għall-proġett, l-awtoritajiet involuti, l-Ombudsman għall-ambjent [l-Umweltanwalt] u l-komun ikkonċernat kif ukoll ċerti organizzazzjonijiet mhux governattivi.
39.
Fil-fatt, il-ġirien ukoll huma membri tal-pubbliku kkonċernat u għalhekk jistgħu jinvokaw l-obbligu li titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent meta jkunu affettwati jew meta minn tal-inqas x’aktarx li jiġu affettwati mill-proċeduri dwar it-tfassil tad-deċiżjonijiet.
40.
Madankollu, EMA ssostni li K. Gruber ma għandhiex titqies li hija ġara kkonċernata, peress li din tgħix bosta kilometri bogħod mill-proġett u hija biss sid ta’ proprjetà immobbli mikrija fil-viċinanzi tiegħu. Madankollu, matul is-seduta, K. Gruber sostniet li hija wkoll tgħix f’din il-proprjetà immobbli.
41.
Madankollu, anki jekk l-argument ta’ EMA huwa minnu, jista’ jkun suffiċjenti li jkun hemm kwalunkwe impatt ambjentali tal-proġett fuq il-proprjetà immobbli li K. Gruber ma tgawdix personalment iżda bħala parti mill-patrimonju tagħha. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet li dannu għall-patrimonju, li jkollu l-oriġini tiegħu direttament fl-impatt ambjentali ta’ proġett, huwa kopert mill-għan protettiv tad-Direttiva EEA ( 23 ). Jekk K. Gruber jinħolqilha dannu bħal dan jew minn tal-inqas huwa probabbli li jinħolqilha, hija allura tkun affettwata mill-proċedura dwar it-tfassil tad-deċiżjonijiet fis-sens tal-Artikolu 1(2)(e) tad-Direttiva EEA. Madankollu, il-kwistjoni ta’ jekk humiex mistennija effetti bħal dawn hija kwistjoni li, fl-aħħar mill-aħħar, għandha tiġi eżaminata mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ.
42.
Lanqas l-oġġezzjoni tal-Awstrija, fis-sens li meta jsir l-eżami preliminari ma jkunx għadu ċar liema persuni ser jiġu affettwati konkretament, ma hija konvinċenti. Kif tosserva wkoll K. Gruber, dan ifisser li f’dak il-mument ma jkunx hemm informazzjoni suffiċjenti dwar l-impatt ambjentali tal-proġett sabiex tittieħed deċiżjoni tal-eżami preliminari. F’dan il-każ, id-deċiżjoni dwar jekk evalwazzjoni hijiex meħtieġa tkun għadha ma tistax tittieħed f’dan l-istadju.
5. Fuq il-protezzjoni ġudizzjarja skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva EEA
43.
Ir-rekwiżiti tal-Artikolu 11 tad-Direttiva EEA msemmija fit-talba għal deċiżjoni preliminari ma humiex rilevanti għall-evalwazzjoni tal-effetti vinkolanti tad-deċiżjoni li titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent.
44.
Dan għaliex il-każ preżenti ma jikkonċernax reviżjoni komprensiva tal-legalità sostanzjali jew proċedurali tad-deċiżjonijiet, kif tippermetti din id-dispożizzjoni. Għall-kuntrarju, il-kwistjoni hija biss dik li jiġi deċiż jekk, fi proċedimenti kontra d-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni, l-effett vinkolanti tad-deċiżjoni tal-eżami preliminari jistax jiġi invokat fil-konfront tal-ġirien.
45.
Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja xorta waħda tikkunsidra li l-Artikolu 11 tad-Direttiva EEA huwa rilevanti, dan ikun jgħodd anki għar-rekwiżiti ta’ din id-dispożizzjoni.
46.
Huma minnu li EMA għandha raġun meta tqis li d-deċiżjoni dwar jekk għandhiex titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ma teħtieġx il-parteċipazzjoni tal-pubbliku ( 24 ) u meta tikkonkludi, minn dan, li l-Artikolu 11 tad-Direttiva EEA ma huwiex applikabbli. Dan għaliex l-Artikolu 11 japplika biss għal miżuri li għalihom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku. Madankollu, il-kwistjoni ta’ jekk hijiex meħtieġa l-parteċipazzjoni tal-pubbliku, hija kwistjoni ta’ importanza prinċipali f’dan l-istadju tal-proċedura. F’dan id-dawl, id-dispożizzjonijiet rilevanti għal din il-kwistjoni huma wkoll ir-regoli dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku. Għaldaqstant, il-kwistjoni tar-rispett tal-obbligu tal-parteċipazzjoni tal-pubbliku għandha tkun inkluża fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 11 tad-Direttiva EEA, minn tal-inqas bħala kwistjoni preliminari.
47.
Dan huwa kkonfermat mill-oriġini tar-referenza għad-dispożizzjonijiet dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku. Fil-fatt, din il-karatteristika sservi l-implementazzjoni tar-rekwiżiti minimi tal-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, li jipprovdi li dan id-dritt ta’ azzjoni huwa applikabbli minn tal-inqas għall-miżuri kollha li għalihom japplika l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni. Madankollu, din id-dispożizzjoni tal-aħħar tapplika għad-deċiżjonijiet, għall-atti jew għall-ommissjonijiet kollha relatati ma’ proġetti li għandhom ikunu suġġetti għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. Anki d-deċiżjoni, meħuda b’mod żbaljat, li proġett ma jkunx suġġett għal tali evalwazzjoni, tikkostitwixxi tali miżura.
48.
Barra minn hekk, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 11 tad-Direttiva EEA għandu jiġi ċċarat ukoll liema huma d-drittijiet li jistgħu jiġu invokati minn individwu. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li fil-prinċipju l-leġiżlatur nazzjonali jista’ jillimita dawn id-drittijiet għal drittijiet suġġettivi pubbliċi biss ( 25 ). Madankollu, id-dritt tal-pubbliku kkonċernat li titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent huwa tali dritt suġġettiv pubbliku, li l-Istati Membri ma jistgħux iġibu fix-xejn l-effettività tiegħu billi jċaħħdu lill-persuni eliġibbli mid-dritt li jinforzawh permezz ta’ azzjoni ġudizzjarja.
49.
Fil-fatt id-Direttiva EEA tagħti ċerti drittijiet lill-persuni kkonċernati meta proġett irid ikun suġġett għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. Qabel kollox, huma intitolati li jkunu informati, permezz tal-proċedura stabbilita mid-Direttiva, dwar l-impatt ambjentali tal-proġett (b’mod partikolari l-Artikoli 5 u 6) u li, f’dan il-kuntest, jesprimu l-opinjoni tagħhom (l-Artikolu 6 u 7). Ir-riżultati tal-parteċipazzjoni tal-pubbliku għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni waqt id-deċiżjoni dwar il-proġett (l-Artikolu 8) u l-informazzjoni l-iktar importanti dwar id-deċiżjoni dwar il-proġett għandha tkun aċċessibbli għall-pubbliku (l-Artikolu 9).
50.
Dawn id-drittijiet ma jikkostitwixxux għan fih innifsu. Minn naħa, huma jservu sabiex itejbu d-deċiżjoni dwar il-proġett, minħabba li jistgħu jtejbu l-bażi għad-deċiżjoni u l-ġustifikazzjoni tagħha. Min-naħa l-oħra, l-informazzjoni miksuba u mwassla f’dan il-proċess tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jinvokaw drittijiet oħra li huma minquxa fid-dispożizzjonijiet sostantivi dwar il-ħarsien tal-ambjent — bħal pereżempju ċerti limiti għall-kwalità tal-arja ċirkustanzi. Minn tal-inqas, din l-informazzjoni tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jadattaw għall-impatt ambjentali tal-proġett, pereżempju billi jtejbu l-protezzjoni mill-istorbju fil-proprjetà immobbli tagħhom ( 26 ).
51.
Dan huwa kkonfermat mill-għanijiet tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. Il-premessi 4 u 14 tad-Direttiva EEA jipprovdu li permezz tagħha għandu jinkiseb wieħed mill-objettivi tal-Unjoni fl-isfera tal-ħarsien tal-ambjent u l-kwalità tal-ħajja. L-effetti ambjentali ta’ proġett għandhom jiġu evalwati wkoll fid-dawl tal-isforzi sabiex tkun protetta s-saħħa tal-bniedem, sabiex, permezz ta’ titjib tal-kundizzjonijiet ambjentali, isir kontribut għall-kwalità tal-ħajja, u sabiex tinżamm il-kapaċità riproduttiva tal-ekosistema bħala riżors bażiku għall-ħajja ( 27 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja repetutament qieset b’mod partikolari li l-protezzjoni tas-saħħa minn impatti ambjentali negattivi hija raġuni (addizzjonali) ( 28 ) li tippermetti lill-individwi jinvokaw dispożizzjonijiet immedjatament applikabbli tad-dritt ambjentali tal-Unjoni ( 29 ).
52.
Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li d-Direttiva EEA, sa mill-estensjoni tagħha permezz tad-Direttiva 2003/35, għandha tikkontribwixxi sabiex tallinja d-dritt tal-Unjoni mal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Għalhekk, id-Direttiva EEA, u b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tagħha li, bħall-Artikolu 1(2)(d) u (e), ġew introdotti permezz tad-Direttiva 2003/35, għandha tiġi interpretata fid-dawl ta’ u billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-objettivi tal-Konvenzjoni ( 30 ).
53.
Skont il-premessa 7 tal-preambolu tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, kull persuna għandha d-dritt li tgħix f’ambjent xieraq għas-saħħa u l-benesseri tagħha kif ukoll l-obbligu li, kemm individwalment kif ukoll f’assoċjazzjoni ma’ oħrajn, tipproteġi u ttejjeb l-ambjent għall-benefiċċju tal-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri. Skont il-premessa 8, sabiex ikunu jistgħu jasserixxu dan id-dritt u josservaw dan l-obbligu, iċ-ċittadini għandhom ikunu intitolati li jipparteċipaw fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u għandu jkollhom aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali ( 31 ).
54.
Għalhekk, id-Direttiva EEA ma tistax tiġi interpretata fis-sens li l-obbligu li titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ma jikkorrispondi għal ebda dritt tal-pubbliku kkonċernat — inklużi l-ġirien ikkonċernati — li jista’ jiġi infurzat permezz ta’ azzjoni ġudizzjarja.
6. Fuq l-evalwazzjoni “de facto” tal-effetti fuq l-ambjent, fuq il-bażi ta’ oġġezzjonijiet sussegwenti
55.
L-Awstrija finalment tinvoka l-possibbiltà msemmija fit-talba għal deċiżjoni preliminari ta’ evalwazzjoni “de facto” tal-effetti fuq l-ambjent li tippermetti kunsiderazzjoni adegwata ta’ oġġezzjonijiet ambjentali. Fil-fatt, skont il-preżentazzjoni mogħtija mill-Verwaltungsgerichtshof, il-ġirien ta’ impjant operattiv kummerċjali jistgħu, taħt il-liġi nazzjonali, jasserixxu li l-effetti tal-proġett jippreġudikaw il-ħajja, is-saħħa jew il-proprjetà tagħhom jew li huma jġarrbu dannu irraġonevoli minħabba r-riħa, il-ħoss, id-duħħan, it-traffiku, it-trab, it-theżżiż jew kwalunkwe inkonvenjent ieħor.
56.
Meta mistoqsija dwar dan fis-seduta, l-Awstrija ċċarat dan l-argument billi indikat li l-effetti ambjentali sinjifikattivi ta’ proġett ikunu identifikati fil-kuntest ta’ liġijiet speċjali u li, f’dan ir-rigward, ikun involut ukoll il-pubbliku kkonċernat.
57.
Tabilħaqq, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li r-rekwiżiti ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent fil-prinċipju jistgħu jkunu ssodisfatti wkoll fi proċess ieħor ( 32 ). Għalhekk ma huwiex meħtieġ li dan l-eżami jissejjaħ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent jekk il-ħtiġijiet kollha tad-Direttiva jiġu ssodisfatti f’dan jew fi kwalunkwe proċess ieħor.
58.
Dan ifisser, l-ewwel nett, b’mod partikolari, li għandha tinkiseb l-informazzjoni kollha msemmija fl-Artikolu 5 tad-Direttiva EEA u li d-drittijiet ta’ parteċipazzjoni, b’mod partikolari tal-pubbliku kkonċernat kollu, iżda wkoll ta’ awtoritajiet oħra skont l-Artikoli 6 u 7, għandhom jiġu żgurati mingħajr restrizzjoni. Fuq din il-bażi, skont l-Artikolu 3, għandhom jiġu identifikati u evalwati l-effetti diretti u indiretti tal-proġett fuq id-diversi fatturi ambjentali u l-interazzjoni bejniethom ( 33 ). Bl-istess mod, l-Artikolu 8 jipprovdi li r-riżultati tal-konsultazzjonijiet u l-informazzjoni dwar l-impatt ambjentali għandhom jiġu kkunsidrati waqt id-deċiżjoni dwar il-proġett. Fl-aħħar nett, kontra din l-awtorizzazzjoni, anki jekk tingħata mingħajr evalwazzjoni formali tal-effetti fuq l-ambjent, għandu jkun previst rimedju ġudizzjarju skont l-Artikolu 11.
59.
Fil-kawża prinċipali, il-qorti kompetenti għandha, jekk hemm bżonn, teżamina jekk, fl-applikazzjoni tal-liġijiet speċjali fir-rigward ta’ awtorizzazzjoni, dawn ir-rekwiżiti kollha jkunux ġew effettivament issodisfatti. Madankollu tali riżultat ikun sorprendenti sa fejn huwa diffiċli li wieħed jifhem għalfejn, jekk dan ikun il-każ, id-dritt Awstrijak jipprevedi, b’mod parallel, proċedura formali u denotata b’tali mod ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent u għalfejn l-awtoritajiet Awstrijaċi ċaħħdu l-applikazzjoni ta’ din il-proċedura fil-każ preżenti.
7. Fuq il-possibbiltà ta’ eżenzjoni mid-Direttiva EEA
60.
Sa fejn EMA tipprova tislet, mid-dispożizzjoni Awstrijaka, eżenzjoni ta’ ċerti proġetti mid-Direttiva EEA, fis-sens tal-Artikolu 2(4) tagħha, għandu jiġi nnotat li r-rekwiżiti għal tali eżenzjoni ma humiex issodisfatti. Din l-eżenzjoni jista’ jsir użu minnha biss f’każijiet eċċezzjonali għal proġetti individwali, imma mhux għal sensiela ta’ proġetti ddeterminati abbażi tal-valuri limiti. Barra minn hekk, ma huwiex evidenti li l-Awstrija, skont l-Artikolu 2(4)(a), investigat jekk tkunx xierqa forma oħra ta’ evalwazzjoni, jew li għarrfet lill-pubbliku jew lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 2(4)(b) u (c) ( 34 ). Fl-aħħar mill-aħħar, lanqas l-Awstrija stess ma tinvoka din l-eżenzjoni fis-sottomissjonijiet tagħha.
8. Riżultat intermedju
61.
Għalhekk, ma huwiex kompatibbli mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u mal-Artikolu 2(1) kif ukoll mal-Artikolu 4(2) u (3) tad-Direttiva EEA, li fil-konfront tal-membri tal-pubbliku kkonċernat li jressqu azzjoni kontra l-awtorizzazzjoni ta’ proġett minħabba li kien imissha twettqet evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, jiġi invokat l-effett vinkolanti ta’ deċiżjoni tal-eżami preliminari li tikkonkludi li ma hijiex meħtieġa evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, jekk dawn ma setgħux jikkontestaw din id-deċiżjoni tal-eżami preliminari fi stadju preċedenti.
C – Fuq it-tieni domanda
62.
Permezz tat-tieni domanda, il-Verwaltungsgerichtshof tixtieq tkun taf jekk id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-Direttiva 2011/92/UE, permezz tal-applikazzjoni diretta tagħha, jeżiġix li jiġi kkonstatat in-nuqqas tal-effett vinkolanti msemmi fl-ewwel domanda.
63.
Skont ġurisprudenza stabbilita, id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva li fir-rigward tal-kontenut tagħhom jidhru li huma inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi, jistgħu jiġu invokati mill-individwi quddiem il-qrati nazzjonali fil-konfront tal-Istat Membru ( 35 ).
64.
Kontra applikazzjoni immedjata jista’ jiġi argumentat li l-Istati Membri huma, fil-prinċipju, ħielsa li jiddeċiedu jekk jippermettux protezzjoni ġudizzjarja diretta kontra d-deċiżjoni tal-eżami preliminari jew jekk jirrestrinġux il-protezzjoni ġudizzjarja għall-possibbiltà li jitqajjem motiv inċidentali fil-kuntest ta’ azzjoni kontra awtorizzazzjoni. Iż-żewġ alternattivi jidhru permissibbli mil-lat tad-dritt tal-Unjoni u ma jistax jiġi eskluż awtomatikament li jeżistu possibbiltajiet oħra.
65.
Madankollu, dan il-marġni ta’ diskrezzjoni jirrigwarda biss il-forma li fiha tingħata l-protezzjoni ġudizzjarja, iżda mhux ir-riżultat meħtieġ, jiġifieri l-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni tal-eżami preliminari.
66.
Dan għalhekk huwa każ tipiku tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, li hija limitata mill-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività ( 36 ). Issa, ikun inkompatibbli mal-prinċipju ta’ effettività li l-pubbliku kkonċernat jiċċaħħad minn kwalunkwe possibbiltà li jikkontesta quddiem il-qrati d-deċiżjoni tal-eżami preliminari ( 37 ). Dan għaliex f’dan il-każ ikun prattikament impossibbli li jiġi infurzat id-dritt li titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent.
67.
Konsegwentement, l-Artikolu 2(1) kif ukoll l-Artikolu 4(2) u (3) tad-Direttiva EEA huma applikabbli direttament sa fejn l-effett vinkolanti ta’ deċiżjoni tal-eżami preliminari ma jistax jiġi invokat fil-konfront tal-membri tal-pubbliku kkonċernat fil-kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju ta’ awtorizzazzjoni tal-proġett jekk dawn il-membri ma kellhomx possibbiltà oħra sabiex jikkontestaw din id-deċiżjoni tal-eżami preliminari.
V – Konklużjoni
68.
Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari kif ġej:
1)
Ma huwiex kompatibbli mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u mal-Artikolu 2(1) kif ukoll mal-Artikolu 4(2) u (3) tad-Direttiva 2011/92/UE, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, li fil-konfront tal-membri tal-pubbliku kkonċernat li jressqu azzjoni kontra l-awtorizzazzjoni ta’ proġett minħabba li kien imissha twettqet evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, jiġi invokat l-effett vinkolanti ta’ deċiżjoni tal-eżami preliminari li tikkonkludi li ma hijiex meħtieġa evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, jekk dawn ma setgħux jikkontestaw din id-deċiżjoni tal-eżami preliminari fi stadju preċedenti.
2)
L-Artikolu 2(1) kif ukoll l-Artikolu 4(2) u (3) tad-Direttiva 2011/92/UE huma applikabbli direttament sa fejn l-effett vinkolanti ta’ deċiżjoni tal-eżami preliminari ma jistax jiġi invokat fil-konfront tal-membri tal-pubbliku kkonċernat fil-kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju ta’ awtorizzazzjoni tal-proġett jekk dawn il-membri ma kellhomx possibbiltà oħra sabiex jikkontestaw din id-deċiżjoni tal-eżami preliminari.
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.
( 2 ) Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU 2012, L 26, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva EEA”). Din id-direttiva reċentement ġiet emendata bid-Direttiva 2014/52/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ April 2014 (ĠU L 124, p. 1) li madankollu għadha ma hijiex applikabbli fil-kawża prinċipali.
( 3 ) Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (ĠU L 164M, 16.6.2006, p. 17).
( 4 ) Direttiva 2003/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Mejju 2003, li tipprovdi għall-parteċipazzjoni pubblika rigward it-tfassil ta’ ċerti pjani u programmi li għandhom x’jaqsmu mal-ambjent u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/337/KEE u 96/61/KE rigward il-parteċipazzjoni pubblika u l-aċċess għall-ġustizzja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 466).
( 5 ) BGBL Nru 697/1993.
( 6 ) BGBL I Nru 87/2009.
( 7 ) Sentenzi Meridionale Industria Salumi et (212/80 sa 217/80, EU:C:1981:270, punt 9), CT Control (Rotterdam) u JCT Benelux vs Il-Kummissjoni (C‑121/91 u C‑122/91, EU:C:1993:285, punt 22), kif ukoll Toshiba Corporation et (C‑17/10, EU:C:2012:72, punt 47).
( 8 ) Ara s-sentenzi Gedeputeerde Staten van Noord-Holland (C‑81/96, EU:C:1998:305, punt 23) kif ukoll Križan et (C‑416/10, EU:C:2013:8, punt 94).
( 9 ) Ara wkoll l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 97/11/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 151) u l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2014/52/UE (ĠU L 124, p. 1), li t-tnejn li huma jemendaw id-Direttiva EEA.
( 10 ) Dan huwa msaħħaħ mill-artiklu ta’ Wolfgang Berger ippreżentat minn EMA bħala Anness 3, UVP-Feststellungsverfahren und Rechtsmittelbefugnis: Revolution durch “Mellor”?, Recht der Umwelt, Sonderbeilage Umwelt und Technik 2009/25, 66 (67).
( 11 ) Sentenzi Kraaijeveld et (C‑72/95, EU:C:1996:404, punt 50), WWF et (C‑435/97, EU:C:1999:418, punt 36) u Salzburger Flughafen (C‑244/12, EU:C:2013:203, punt 29).
( 12 ) Sentenzi Kraaijeveld et (C‑72/95, EU:C:1996:404, punt 61), Wells (C‑201/02, EU:C:2004:12, punt 65) u Salzburger Flughafen (C‑244/12, EU:C:2013:203, punti 41 sa 43).
( 13 ) Ara s-sentenza Salzburger Flughafen (C‑244/12, EU:C:2013:203, punt 32).
( 14 ) Sentenza Mellor (C‑75/08, EU:C:2009:279, punt 51).
( 15 ) Sentenzi Wells (C‑201/02, EU:C:2004:12, punt 61) u Leth (C‑420/11, EU:C:2013:166, punt 32).
( 16 ) Sentenzi Mellor (C‑75/08, EU:C:2009:279, punti 57 u 58) u Solvay et (C‑182/10, EU:C:2012:82, punti 57 u 58).
( 17 ) Sentenzi Mellor (C‑75/08, EU:C:2009:279, punt 58) kif ukoll Solvay et (C‑182/10, EU:C:2012:82, punt 58).
( 18 ) Sentenzi Mellor (C‑75/08, EU:C:2009:279, punt 58) kif ukoll Solvay et (C‑182/10, EU:C:2012:82, punt 58).
( 19 ) Minbarra s-sentenzi msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, ara wkoll is-sentenzi Mellor (C‑75/08, EU:C:2009:279, punt 59) kif ukoll Solvay et (C‑182/10, EU:C:2012:82, punt 59).
( 20 ) Sentenzi Mellor (C‑75/08, EU:C:2009:279, punt 58) kif ukoll Solvay et (C‑182/10, EU:C:2012:82, punt 58).
( 21 ) Sentenzi Wells (C‑201/02, EU:C:2004:12, punt 61) u Leth (C‑420/11, EU:C:2013:166, punt 32).
( 22 ) Sentenzi Mellor (C‑75/08, EU:C:2009:279, punt 57) kif ukoll Solvay et (C‑182/10, EU:C:2012:82, punt 57).
( 23 ) Sentenza Leth (C‑420/11, EU:C:2013:166, punti 35 u 36).
( 24 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Križan et (C‑416/10, EU:C:2012:218, punti 133 sa 136).
( 25 ) Sentenza Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, Landesverband Nordrhein-Westfalen ([Trianel], C‑115/09, EU:C:2011:289, punt 45).
( 26 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Leth (C‑420/11, EU:C:2012:701, punti 50 u 51).
( 27 ) Ara s-sentenza Leth (C‑420/11, EU:C:2013:166, punti 28, 29 u 34).
( 28 ) Ara f’dan ir-rigward Kokott/Sobotta, Rechtsschutz im Umweltrecht – Weichenstellungen in der Rechtsprechung des Gerichtshofs der Europäischen Union, Deutsches Verwaltungsblatt 2014, p. 132.
( 29 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi Janecek (C‑237/07, EU:C:2008:447, punt 37) kif ukoll Stichting Natuur en Milieu et (C-165/09 sa C‑167/09, EU:C:2011:348, punt 94).
( 30 ) Sentenza Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, Landesverband Nordrhein-Westfalen ([Trianel], C‑115/09, EU:C:2011:289, punt 41).
( 31 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Gemeinde Altrip et (C‑72/12, EU:C:2013:422, punti 96 u 98) kif ukoll Kokott/Sobotta, iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 28, p. 136.
( 32 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja ([Großkrotzenburg], C‑431/92, EU:C:1995:260, punti 43 sa 45).
( 33 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑50/09, EU:C:2011:109, punt 37).
( 34 ) Ara, fir-rigward tan-neċessità ta’ dawn il-miżuri, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑392/96, EU:C:1999:431, punti 84 sa 87).
( 35 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi Foster et (C‑188/89, EU:C:1990:313, punt 16) kif ukoll Napoli (C‑595/12, EU:C:2014:128, punt 46).
( 36 ) Sentenzi Wells (C‑201/02, EU:C:2004:12, punt 67), Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne (C‑41/11, EU:C:2012:103, punt 45) u Leth (C‑420/11, EU:C:2013:166, punt 38).
( 37 ) Ara wkoll, f’dan is-sens, l-artiklu ta’ Berger ippreżentat minn EMA, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, p. 70 et seq.
Full & Egal Universal Law Academy