SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)
13 ta’ Marzu 2014 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 2006/114/KE — Kunċetti ta’ ‘reklamar qarrieqi’ u ta’ ‘reklamar komparattiv’ — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li r-reklamar qarrieqi u r-reklamar komparattiv illegali jikkostitwixxu żewġ fatti illegali distinti”
Fil-Kawża C‑52/13,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Novembru 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-31 ta’ Jannar 2013, fil-proċedura
Posteshop SpA – Divisione Franchising Kipoint
vs
Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato,
Presidenza del Consiglio dei Ministri,
fil-preżenza ta’:
Cg srl,
Tacoma srl,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),
komposta minn C. G. Fernlund, President tal-Awla, A. Ó Caoimh u E. Jarašiūnas (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Sharpston,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
—
għal Posteshop SpA – Divisione Franchising Kipoint, minn A. Vallefuoco u V. Vallefuoco, avvocati,
—
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Fiorentino, avvocato dello Stato,
—
għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch, bħala aġent,
—
għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Zadra u M. van Beek, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2006/114/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar reklamar qarrieqi u komparattiv (verżjoni kodifikata) (ĠU L 376, p. 21).
2
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Posteshop SpA – Divisione Franchising Kipoint (iktar ’il quddiem “Posteshop”) u l-Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato (Awtorità li tiżgura l-kompetizzjoni u tas-suq, iktar ’il quddiem l-“Autorità”) u l-Presidenza del Consiglio dei Ministri (Presidenza tal-Kunsill tal-Ministri) dwar deċiżjoni li tikkonstata fatt ta’ reklamar qarrieqi mwettaq minn Posteshop.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3
Il-premessi 1, 3, 8 u 16 sa 18 tad-Direttiva 2006/114 jipprovdu:
“(1)
Id-Direttiva 84/450/KEE tal-Kunsill ta’ l-10 ta’ Settembru 1984 dwar reklamar qarrieqi u komparattiv (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 227) ġiet emendata kemm-il darba b’mod sostanzjali [...]. Għal iktar ċarezza u razzjonalità, l-imsemmija Direttiva għandha tiġi kkodifikata.
[...]
(3)
Ir-reklamar qarrieqi u r-reklamar komparattiv kontra l-liġi jistgħu jwasslu għad-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern.
[...]
(8)
Ir-reklamar komparattiv, meta jikkompara karatteristiċi materjali, rilevanti, verifikabbli u rappreżentattivi u ma jkunx qarrieqi, jista’ jkun mezz leġittimu biex jinforma lill-konsumaturi bil-vantaġġ tagħhom. [...]
[...]
(16)
Il-persuni jew organizzazzjonijiet meqjusa skond il-liġi nazzjonali li jkollhom interess leġittimu fil-kwistjoni għandhom ikollhom faċilitajiet sabiex jagħtu bidu għal proċeduri kontra reklamar qarrieqi u r-reklamar komparattiv kontra l-liġi quddiem qorti jew quddiem awtorità amministrattiva li tkun kompetenti sabiex tiddeċidi dwar l-ilmenti jew sabiex jagħtu bidu għal proċeduri legali xierqa.
(17)
Il-qrati jew l-awtoritajiet amministrattivi għandhom ikollhom setgħat li bihom ikunu jistgħu jordnaw jew jiksbu l-waqfien ta’ reklamar qarrieqi u reklamar komparattiv mhux permess. [...]
(18)
Billi l-kontroll volontarju eżerċitat mill-korpi awto-regolatorji biex jeliminaw reklamar qarrieqi jista’ jevita r-rikors għal azzjoni amministrattiva jew ġuridika u għandu għalhekk ikun inkoraġġut.”
4
Skont l-Artikolu 114 tad-Direttiva 2006/114:
“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tipproteġi lill-kummerċjanti minn reklamar qarrieqi u l-konsegwenzi żleali tiegħu u tistabbilixxi l-kondizzjonijiet li taħthom huwa permess ir-reklamar komparattiv.”
5
L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprovdi:
“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:
a)
‘reklamar’ tfisser l-għemil ta’ preżentazzjoni fi kwalunkwe forma b’konnessjoni ma’ kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni sabiex jippromwovi l-provvista ta’ merkanzija jew servizzi, inkluż proprjetà immobbli, drittijiet u obbligi”;
b)
‘reklamar qarrieqi’ tfisser kull reklamar li, bi kwalunkwe mod, inkluża l-preżentazzjoni tiegħu, iqarraq jew probabbilment iqarraq bil-persuni li lejhom ikun indirizzat jew li għandhom jasal u li, minħabba n-natura qarrieqa tiegħu, probabbilment jaffettwa l-imġiba ekonomika tagħhom jew li, għal dawk ir-raġunijiet, jagħmel ħsara jew probabbilment jagħmel ħsara lil xi kompetitur;
ċ)
‘reklamar komparattiv’, tfisser kull reklamar li espliċitament jew b’deduzzjoni jidentifika kompetitur jew merkanzija jew servizzi offruti minn kompetitur.
[...]”
6
L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jindika li, sabiex jiġi ddeterminat jekk reklamar huwiex qarrieqi, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha ta’ dan tal-aħħar, u jelenka ċerti elementi rilevanti għal dan l-iskop.
7
L-Artikolu 4 tal-istess direttiva jipprevedi ċ-ċirkustanzi li fihom ir-reklamar komparattiv ikun illegali.
8
Skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/114:
“1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu jeżistu mezzi adegwati u effettivi sabiex jiġi miġġieled ir-reklamar qarrieqi u jinfurzaw konformità mad-dispożizzjonijiet dwar reklamar komparattiv fl-interess tal-kummerċjanti u tal-kompetituri.
[...]
3. Skond id-dispożizzjonijiet msemmija fil-paragrafi 1 u 2, l-Istati Membri għandhom jagħtu lill-qrati jew l-awtoritajiet amministrattivi setgħat, f’każi fejn iqisu li dawn il-miżuri jkunu meħtieġa waqt li jikkunsidraw l-interessi involuti kollha u b’mod partikulari l-interess pubbliku:
a)
sabiex jordnaw il-waqfien ta’, jew sabiex jistabbilixxu proċedimenti legali xierqa għal ordni għat-twaqqif ta’ reklamar qarrieqi jew reklamar komparattiv kontra l-liġi;
jew
b)
jekk ir-reklamar qarrieqi jew ir-reklamar komparattiv kontra l-liġi ma jkunx għadu ppubblikat iżda l-pubblikazzjoni tkun fil-qrib, sabiex jordnaw il-projbizzjoni ta’, jew sabiex jistabbilixxu proċeduri legali xierqa għal ordni ta’ projbizzjoni ta’, din il-pubblikazzjoni..
[...]
4. L-Istati Membri jistgħu jagħtu lill-qrati jew awtoritajiet amministrattivi setgħat, bl-għan li jeliminaw l-effetti kontinwi ta’ reklamar qarrieqi jew ta’ reklamar komparattiv kontra l-liġi li t-terminazzjoni tiegħu kienet ordnata b’deċiżjoni finali:
a)
sabiex jesiġu l-pubblikazzjoni ta’ dik id-deċiżjoni fl-interità jew f’parti u f’dik il-forma li huma jqisu adegwata;
b)
sabiex jesiġu, minbarra dan, il-pubblikazzjoni ta’ stqarrija korrettiva.
[...]”
9
L-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva jipprovdi:
“Din id-Direttiva ma teskludix il-kontroll volontarju, li l-Istati Membri jistgħu jinkoraġġixxu, ta’ reklamar qarrieqi jew komparattiv minn korpi awto-regolatorji [...].”
10
Skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva Nru 2006/114/KE:
“Din id-Direttiva ma tipprekludix l-Istati Membri milli jżommu jew jadottaw dispożizzjonijiet bl-għan li jiżguraw protezzjoni aktar estensiva, fir-rigward ta’ reklamar qarrieqi, għall-kummerċjanti u għall-kompetituri.
L-ewwel subparagrafu m’għandux japplika għal reklamar komparattiv sa fejn jirrigwarda l-paragun.”
Id-dritt Taljan
11
Id-digriet leġiżlattiv Nru 145, tat-2 ta’ Awwissu 2007, dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2005/29/KE li temenda d-Direttiva 84/450/KEE dwar ir-reklamar qarrieqi (GURI Nru 207, tas-6 ta’ Settembru 2007, iktar ’il quddiem id-“digriet leġiżlattiv Nru 145/2007”), jipprovdi fl-Artikolu 1(1) tiegħu:
“Id-dispożizzjonijiet ta’ dan id-digriet leġiżlattiv għandhom l-għan li jipproteġu lill-kummerċjanti minn reklamar qarrieqi u l-konsegwenzi żleali tiegħu u li jistabbilixxu ċ-ċirkustanzi li fihom ir-reklamar komparattiv jitqies bħala illegali.”
12
L-Artikolu 3 ta’ dan id-digriet jiddefinixxi l-elementi li jippermettu l-evalwazzjoni tan-natura qarrieqa tar-reklamar. L-Artikolu 4 ta’ dan tal-aħħar jelenka ċ-ċirkustanzi li fihom ir-reklamar komparattiv jitqies li huwa legali.
13
Skont l-Artikolu 8(8) u (9) tal-imsemmi digriet leġiżlattiv:
“8. Jekk tqis li r-reklamar huwa qarrieqi jew li l-messaġġ tar-reklamar komparattiv huwa illegali, l-[Autorità] għandha tipprojbixxi d-disseminazzjoni tiegħu, meta l-pubbliku jkun għadu ma kisibx konjizzjoni tiegħu, jew, il-kontinwazzjoni ta’ dan f’każ kuntrarju. Din id-deċiżjoni tista’ tipprevedi wkoll, a karigu u bi spejjeż tal-kummerċjant, il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni, anki fil-forma ta’ estratt, kif ukoll, eventwalment, ta’ dikjarazzjoni speċifika ta’ rettifika li tippermetti li jiġi evitat li r-reklamar qarrieq jew il-messaġġ tar-reklamar komparattiv illegali jkompli jipproduċi l-effetti tiegħu.
9. Minbarra l-miżura ta’ projbizzjoni tad-disseminazzjoni tar-reklamar, l-[Autorità] għandha tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni ta’ sanzjoni amministrattiva pekunjarja ta’ [EUR] 5 000 sa [EUR] 500 000, b’kont meħud tal-gravità u tat-tul tal-perijodu tal-ksur. Fil-każijiet ta’ reklamar li jista’ jinvolvi riskju għas-saħħa jew is-sigurtà jew li jindirizza, direttament jew indirettament, il-minuri jew l-adoloxxenti, is-sanzjoni ma għandhiex tkun ta’ inqas minn [EUR] 50 000.”
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
14
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Autorità, permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Marzu 2010, ikkonstatat li d-disseminazzjoni minn Posteshop ta’ reklamar maħsub għall-promozzjoni tan-network tal-konċessjoni tagħha Kipoint tikkostitwixxi reklamar qarrieqi fis-sens tal-Artikoli 1 u 3 tad-digriet leġiżlattiv Nru 145/2007. Konsegwentement, permezz tal-istess deċiżjoni hija pprojbixxiet il-kontinwazzjoni ta’ din id-disseminazzjoni u imponiet fuq Posteshop sanzjoni pekunjarja ta’ EUR 100 000.
15
Posteshop ippreżentat appell mid-deċiżjoni quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (qorti amministrattiva reġjonali tal-Lazio). Din tal-aħħar ċaħdet dan l-appell bħala infondat, billi ddeċidiet b’mod partikolari li jirriżulta b’mod ċar mill-Artikoli 1 kif ukoll mill-Artikolu 5(3)(a) u (b) u (4) tad-Direttiva 2006/114 li s-sistema ta’ protezzjoni implementata minn din tal-aħħar ma tindirizzax biss il-każ fejn ir-reklamar ikun jinkludi simultanjament aspetti ta’ reklamar qarrieqi u aspetti ta’ reklamar illegali.
16
Posteshop ippreżentat appell minn din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. Posteshop sostniet, b’mod partikolari, quddiem din tal-aħħar li jirriżulta mill-premessa 3 u mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/114 li din tal-aħħar għandha l-għan li tissanzjona biss il-fatti li jikkostitwixxu kontemporanjament reklamar qarrieqi u reklamar komparattiv illegali, u li d-digriet leġiżlattiv Nru 145/2007 għandu jiġi interpretat f’dan is-sens. Konsegwentement, ma jistax jiġi lmentat li kisret dawn ir-regoli.
17
Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-interpretazzjoni mogħtija mit-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio hija l-iktar waħda konvinċenti. Madankollu, hija tal-opinjoni li l-pożizzjoni ta’ Posteshop, li ssostni, li fir-rigward tal-protezzjoni tal-kummerċjanti, il-qerq ma huwa xejn ħlief kundizzjoni tal-illegalità tar-reklamar komparattiv, ma hijiex infondata, sa fejn hija bbażata fuq il-premessi 3, 8 u 16 sa 18 tad-Direttiva 2006/114, li kienu jagħmlu riferiment għal “reklamar qarrieqi u r-reklamar komparattiv kontra l-liġi”.
18
Huwa f’dawn il-kundizzjonijiet li l-Consiglio di Stato ddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“Fir-rigward tal-protezzjoni tal-professjonisti, id-Direttiva [2006/114] għandha tiġi interpretata li tirreferi għal reklamar li jkun fl-istess ħin qarrieqi u bbażat fuq paragun illegali, jiġifieri għal żewġ fatti illegali separati, li jkunu rilevanti b’mod awtonomu, li jikkostitwixxu, rispettivament, reklamar qarrieqi u reklamar bbażat fuq paragun illegali?”
Fuq id-domanda preliminari
19
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk id-Direttiva 2006/114 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li, fir-rigward tal-protezzjoni tal-kummerċjanti, hija tikkunsidra r-reklamar qarrieqi u r-reklamar komparattiv illegali bħala żewġ istanzi ta’ ksur awtonomi u li, bil-għan li tipprojbixxi jew tissanzjona reklamar qarrieqi, ma huwiex neċessarju li dan tal-aħħar ikun jikkostitwixxi reklamar komparattiv illegali.
20
F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, minn naħa, kif tindika l-qorti tar-rinviju, il-premessi 3 u 16 sa 18 tad-Direttiva 2006/114 jużaw, fil-verżjoni Taljana tagħhom, il-formulazzjoni “pubblicità ingannevole ed illegittimamente comparativa” (“reklamar qarrieqi u r-reklamar komparattiv kontra l-liġi”), li tista’ tinftiehem li huma jindirizzaw reklamar li huwa kemm qarrieqi kif ukoll komparattiv illegali. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija premessa 3 tuża, b’mod partikolari fil-verżjoni Franċiża tagħha, il-formulazzjoni “reklamar qarrieqi u [...] reklamar komparattiv kontra l-liġi” u l-imsemmija premessi 16 sa 18 jużaw, f’din l-aħħar imsemmija verżjoni lingwistika, il-formulazzjoni “reklamar qarrieqi [jew] reklamar komparattiv kontra l-liġi”, li tinftiehem, għall-kuntrarju, li dawn huma żewġ tipi differenti ta’ reklamar.
21
Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, il-formulazzjoni użata f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma tistax isservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. F’każ ta’ diskrepanza bejn il-verżjonijiet lingwistiċi differenti ta’ test tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet inkwistjoni għandhom jiġu interpretati skont l-istruttura ġenerali u l-għan tal-leġiżlazzjoni li huma jifformaw parti minnha (ara s-sentenzi tat-12 ta’ Novembru 1998, Institute of the Motor Industry, C-149/97, Ġabra p. I-7053, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-24 ta’ Ottubru 2013, Drozdovs, C‑277/12, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).
22
F’dan il-każ, hemm lok li jitfakkar, fl-ewwel lok, li, skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2006/114, din tal-aħħar għandha għan doppju li jikkonsisti, minn naħa, fil-protezzjoni tal-kummerċjanti mir-reklamar qarrieqi u l-konsegwenzi żleali tiegħu u, min-naħa l-oħra, fl-istabbiliment tal-kundizzjonijiet li fihom ir-reklamar komparattiv jitqies li huwa illegali.
23
Fit-tieni lok, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-kunċetti ta’ “remkalar qarrieqi” u ta “reklamar komparattiv” huma suġġetti għal żewġ definizzjonijiet differenti, li jinsabu rispettivament fl-Artikolu 2(b) u (ċ) tad-Direttiva 2006/114.
24
Fit-tielet lok, mill-Artikolu 5(3)(a) u (b) u l-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva jirriżulta li għandha tkun teżisti l-possibbiltà li jiġi ppreżentat rikors kontra kull reklamar qarrieqi quddiem il-qrati jew l-organi amministrattivi kompetenti tal-Istati Membri, li dawn il-qrati jew organi għandhom ikunu awtorizzati jadottaw miżuri bil-għan li jiġi ordnat it-twaqqif ta’ reklamar qarrieqi jew ta’ reklamar komparattiv illegali jew li tiġi pprojbita d-disseminazzjoni tiegħu u li l-Istati Membri jistgħu jinkoraġġixxu l-kontrolli volontarji sabiex jitneħħa r-reklamar qarrieqi jew ir-reklamar komparattiv illegali. B’differenza mill-premessi 16 sa 18 tad-Direttiva 2006/114 fil-verżjoni Taljana tagħhom, l-użu, f’dawn l-Artikoli, tal-konġunzjoni “jew”, fil-verżjonijiet lingwistiċi kollha, jippreżupponi b’hekk il-possibbiltà tal-adozzjoni ta’ tali miżuri kemm fir-rigward ta’ riklamar qarrieqi, kif ukoll fir-rigward ta’ reklamar komparattiv illegali, mingħajr ma hija rikjesta l-eżistenza kumulattiva ta’ dawn iż-żewġ ċirkustanzi sabiex ikun hemm ksur.
25
Fir-raba’ lok, mid-Direttiva 2006/114 jirriżulta b’mod ċar li d-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw ir-reklamar qarrieqi u dawk li jikkonċernaw ir-reklamar komparattiv isegwi loġiki differenti. Din id-direttiva tipprevedi, fl-Artikolu 3 tagħha, il-kriterji minimi u oġġettivi sabiex jiġi ddeterminat jekk reklamar huwiex qarrieqi u għalhekk illegali, filwaqt li l-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva jelenka l-kundizzjonijiet kumulattivi li għandhom jiġu sodisfatti minn reklamar komparattiv sabiex ikun jista’ jiġi kklassifikat bħala legali (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-18 ta’ Ġunju 2009, L’Oréal et, C-487/07, Ġabra p. I-5185, punt 67, kif ukoll tat-18 ta’ Novembru 2010, Lidl, C-159/09, Ġabra p. I-11761, punt 16), peress li l-premessa 8 tad-Direttiva 2006/114 tfakkar li dan ir-reklamar jista’ jkun mezz leġittimu sabiex jinforma lill-konsumaturi bil-vantaġġ tagħhom.
26
Minn dawn l-elementi jirriżulta li, fil-kuntest ta’ din id-direttiva, ir-reklamar qarrieqi u r-reklamar komparattiv illegali jikkostitwixxu, kull wieħed minnhom, ksur awtonomu.
27
Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-analiżi tal-evoluzzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tar-reklamar qarrieqi. Fil-fatt, id-Direttiva 84/450, fil-verżjoni inizjali tagħha, kienet tikkonċerna biss ir-reklamar qarrieqi. Il-leġiżlazzjoni tar-reklamar komparattiv ġiet introdotta fl-aħħar imsemmija direttiva permezz tad-Direttiva 97/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Ottubru 1997, li temenda d-Direttiva 84/450 dwar reklamar qarrieqi sabiex tinkludi reklamar komparattiv (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 365). L-għan tad-Direttiva 97/55, skont il-premessa 18 ta’ din tal-aħħar, kien li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet tal-legalità tar-reklamar komparattiv. Għall-kuntrarju, din id-direttiva bl-ebda mod ma emendat id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 84/450 dwar ir-reklamar qarrieqi. Sussegwentement, id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali”) (ĠU L 149, p. 22), illimitat il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 84/450 għall-protezzjoni tal-kummerċjanti. Fl-aħħar, id-Direttiva 2006/114 ikkodifikat din l-aħħar imsemmija direttiva. Isegwi li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni, meta adotta d-Direttivi 97/55 u 2006/114, li jemenda l-leġiżlazzjoni dwar ir-reklamar qarrieqi kif prevista mid-Direttiva 84/450, ħlief li jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.
28
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, jeħtieġ li tingħata risposta għad-domanda magħmula li d-Direttiva 2006/114 għandha tiġi interpretata fis-sens li, fir-rigward tal-protezzjoni tal-kummerċjanti, hija tqis ir-reklamar qarrieqi u r-reklamar komparattiv illegali bħala żewġ istanzi awtonomi ta’ ksur u li, bil-għan li tipprojbixxi u li tissanzjona reklamar qarrieqi, ma huwiex neċessarju li dan tal-aħħar ikun jikkostitwixxi kontemporanjament reklamar komparattiv illegali.
Fuq l-ispejjeż
29
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
Id-Direttiva 2006/114/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar reklamar qarrieqi u komparattiv, għandha tiġi interpretata fis-sens li, fir-rigward tal-protezzjoni tal-kummerċjanti, hija tqis ir-reklamar qarrieqi u r-reklamar komparattiv illegali bħala żewġ istanzi awtonomi ta’ ksur u li, bil-għan li tipprojbixxi u li tissanzjona reklamar qarrieqi, ma huwiex neċessarju li dan tal-aħħar ikun jikkostitwixxi kontemporanjament reklamar komparattiv illegali.
Firem
( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.
Full & Egal Universal Law Academy