SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
5 ta’ Ġunju 2014 ( *1 )
“Agrikoltura — Politika agrikola komuni — Skema ta’ pagament uniku — Regolament (KE) Nru 73/2009 — Artikoli 34, 36 u 137 — Drittijiet għal pagament — Bażi ta’ kalkolu — Primjums imħallsa għall-bhejjem u għall-biċċiet ta’ art miżmuma mill-bidwi matul il-perijodu ta’ referenza — Modifika tal-modalitajiet ta’ stabbiliment tal-erja tal-biċċiet ta’ art agrikola — Tnaqqis tan-numru ta’ ettari eliġibbli għall-benefiċċju tal-għajnuna — Applikazzjoni tal-bidwi sabiex jinkiseb tnaqqis tan-numru u żieda fil-valur unitarju tad-drittijiet tiegħu għal pagament — Regolament (KE) Nru 796/2004 — Artikolu 73a(2a) — Ammissibbiltà”
Fil-Kawża C‑105/13,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-College van Beroep voor het bedrijfsleven (il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Frar 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Marzu 2013, fil-proċedura
P. J. Vonk Noordegraaf
vs
Staatssecretaris van Economische Zaken,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, A. Borg Barthet (Relatur), E. Levits, M. Berger u F. Biltgen, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
—
għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman u B. Koopman, bħala aġenti,
—
għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Kranenborg u G. von Rintelen, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta’ Frar 2014,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 34, 36 u 137 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009, tad-19 ta’ Jannar 2009, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ għajnuna diretta għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ [għajnuna] għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, u (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (ĠU L 30, p. 16, u rettifika ĠU 2010, L 43, p. 7).
2
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn P. J. Vonk Noordegraaf u l-iStaatssecretaris van Economische Zaken (Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Ekonomiċi, iktar ’il quddiem l-“iStaatssecretaris”), dwar modifika tad-drittijiet għal pagament uniku wara tibdil fil-modalitajiet ta’ stabbiliment tal-erja eliġibbli għall-benefiċċju tal-għajnuna.
Il-kuntest ġuridiku
Ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003
3
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003, tad-29 ta’ Settembru 2003, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ [għajnuna] fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ [għajnuna] għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 40, p. 269, u rettifika ĠU 2004, L 94, p. 70), stabbilixxa, b’mod partikolari, skema ta’ għajnuna għad-dħul tal-bdiewa li ma huwiex relatat mal-produzzjoni. Din l-iskema, imsemmija fit-tieni inċiż tal-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament bħala “skema ta’ pagament uniku”, tgħaqqad flimkien numru ta’ pagamenti diretti mħallsa lill-bdiewa taħt varji skemi ta’ għajnuna li kienu jeżistu sa dak iż-żmien.
4
Sabiex tiġi implementata skema ta’ pagament uniku, l-Istati Membri setgħu jagħżlu l-mudell magħruf bħala “storiku” jew il-mudell magħruf bħala “reġjonali”.
5
Fil-kuntest tal-mudell magħruf bħala “storiku”, il-bdiewa li kienu bbenefikaw, matul perijodu ta’ referenza li jinkludi s-snin kalendarji 2000 sa 2002, minn pagament taħt mill-inqas waħda mill-iskemi ta’ għajnuna msemmija fl-Anness VI tar-Regolament Nru 1782/2003 kellhom id-dritt li jibbenefikaw minn “drittijiet għal pagament” ikkalkolati fuq il-bażi ta’ ammont ta’ referenza miksub, għal kull bidwi, minn medja annwali, għal dan il-perijodu, tat-total ta’ pagamenti mogħtija taħt dawn l-iskemi.
6
L-Artikolu 43 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Determinazzjoni tad-drittijiet għall-pagament”, kien jipprovdi:
“1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 48, bidwi għandu jirċievi dritt għall-pagament għal kull ettaru li jiġi kalkulat bid-diviżjoni ta’ l-ammont ta’ referenza bil-medja ta’ tlett snin tan-numru ta’ ettari kollha li fil-perjodu ta’ referenza taw id-dritt għall-pagamenti diretti mniżżla fl-Anness VI.
In-numru totali ta’ drittjiet għall-pagament għandu jkun ugwali għan-numru medju ta’ ettari fuq imsemmi.
[...]
2. In-numru ta’ ettari msemmi fil-paragrafu 1 għandu jinkludi wkoll:
[...]
b)
iż-żona [l-erja] kollha għall-għalf fil-perjodu ta’ referenza.
3. Għall-iskop tal-paragrafu 2(b) ta’ dan l-Artikolu, ‘żona għall-għalf’ tfisser iż-żona ta’ l-azjenda li matul is-sena kalendarja hi disponibbli, skond l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2419/2001, [...] għat-trobbija ta’ l-annimali inklużi żoni użati għal iktar minn skop wieħed u żoni li kienu suġġetti għall-kultivazzjoni mħallta. Iż-żona għall-għalf m’għandhix tinkludi:
—
bini, imsaġar, għadajjar mogħdijiet;
—
żoni użati għall-prodotti oħra eligibbli għall-għajnuna tal-Komunità jew għall-prodotti permanenti jew prodotti ta’ ortikultura,
—
żoni li jikkwalifikaw għas-sistema ta’ appoġġ ipprovduta għall-produtturi [bdiewa] ta’ ċerti prodotti li jinħartu, użati għall-iskema ta’ għajnuna għall-għalf niexef jew suġġetti għall-iskema ta’ art imwarrba [nazzjonali] jew tal-Komunità.
[...]”
Ir-Regolament Nru 73/2009
7
Ir-Regolament Nru 73/2009 ħassar u ssostitwixxa r-Regolament Nru 1782/2003 mill-1 ta’ Jannar 2009. Il-premessa 49 tiegħu hija fformulata kif ġej:
“Fl-allokazzjoni inizjali tad-drittijiet għal pagamenti min-naħa tal-Istati Membri, ċerti żbalji rriżultaw f’pagamenti partikolarment għoljin għall-bdiewa. Din in-non-konformità normalment għandha tkun is-suġġett ta’ korrezzjoni finanzjarja saż-żmien fejn jittieħdu l-miżuri korrettivi. Madankollu, b’kont meħud taż-żmien li għadda minn meta d-drittijieti ta’ pagament ġew allokati għall-ewwel darba, il-korrezzjoni meħtieġa għandha twassal għal piżijiet legali u amministrattivi sproporzjonati għall-Istati Membri. Fl-interess taċ-ċarezza legali, l-allokazzjoni ta’ tali pagamenti għandha għalhekk tkun irregolarizzata.”
8
Skont it-termini tal-Artikolu 2(h) tar-Regolament Nru 73/2009, “‘erja agrikola’ tfisser l-erja totali kollha użata bħala art għall-kultivazzjoni, mergħa permanenti jew uċuħ permanenti”.
9
L-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:
“Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi u jopera sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, minn hawn ’il quddiem imsejħa is-‘sistema integrata’.
[...]”
10
Skont l-Artikolu 33(1) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009:
“Għandu jkun hemm appoġġ taħt l-iskema ta’ pagament uniku għall-bdiewa jekk:
a)
ikollhom drittijiet għal pagament li jkunu kisbu skont ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003;
[...]”
11
L-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 73/2009 jipprovdi:
“1. L-appoġġ lill-bdiewa taħt l-iskema tal-pagament uniku għandu jingħata malli jiġi attivat id-dritt għal pagament għal kull ettaru eliġibbli. Drittijiet għal pagament attivati għandhom jagħtu dritt għal pagament tal-ammonti ffissati bihom.
2. Għall-finjiet ta’ dan it-Titolu, ‘ettaru eliġibbli’ għandha tfisser:
a)
kwalunkwe erja agrikola tal-azjenda, u kwalunkwe erja mħawla bi msaġar ta’ rotazzjoni qasira (kodiċi tan-NM ex 0602 90 41), użata għal attività agrikola jew, meta l-erja tintuża ukoll għal attivitajiet mhux agrikoli, użata predominatament għal attivitajiet agrikoli [...]”
12
L-Artikolu 36 tal-imsemmi regolament jipprovdi:
“Id-drittijiet għal pagament għal kull ettaru ma għandhomx jiġu mmodifikati, ħlief jekk previst f’dan ir-Regolament.
Skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 141(2), il-Kummissjoni għandha tistipula regoli dettaljati għall-modifika, mill-2010, tad-drittijiet għal pagament, b’mod partikolari fil-każ ta’ frazzjonijiet tad-drittijiet.”
13
Skont l-Artikolu 137 tar-Regolament Nru 73/2009:
“1. Id-drittijiet għal pagamenti allokati lill-bdiewa qabel l-1 ta’ Jannar 2009 għandhom jitqiesu bħala legali u regolari sa mill-1 ta’ Jannar 2010.
2. Il-paragrafu 1 m’għandux japplika għal pagamenti diretti allokati lil bdiewa abbażi ta’ applikazzjonijiet fattwali inkorretti ħlief f’każijiet fejn l-iżball ma setax ikun raġonevolment misjub mill-bidwi.
3. Il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma għandux jippreġudika s-setgħa tal-Kummissjoni li tieħu d-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 31 tar-Regolament (KE) Nru 1290/2005 dwar infiq li jkun sar fir-rigward ta’ kwalunkwe sena kalendarja sal-2009 inkluża.”
Ir-Regolament (KE) Nru 796/2004
14
Skont l-Artikolu 73a tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 796/2004, tal-21 ta’ April 2004, li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tal-kundizzjonalità, tal-modulazzjoni u tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u ta’ verifika li dwarhom hemm dispożizzjoni fir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 u (KE) Nru 73/2009, kif ukoll għall-implimentazzjoni tal-kundizzjonalità li dwarha hemm dispożizzjoni fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2008 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 44, p. 243 u rettifiki ĠU 2005, L 37, p. 22, u ĠU 2006, L 144, p. 30), kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 380/2009, tat-8 ta’ Mejju 2009 (ĠU L 116, p. 9, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 796/2004”):
“1. Fejn, wara li jkunu ġew allokati d-drittijiet tal-ħlas lill-bdiewa skont ir-Regolament (KE) Nru 795/2004, jiġi stabbilit li ċerti drittijiet tal-ħlas ġew allokati b’mod mhux mistħoqq, il-bidwi kkonċernat għandu jrodd lura d-drittijiet allokati mhux mistħoqqa lir-riserva naturali msemmija fl-Artikolu 42 tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003.
[...]
Id-drittijiet allokati b’mod mhux mistħoqq m’għandhomx jitqiesu li ġew allokati ab initio.
2. Fejn, wara li jkunu ġew allokati d-drittijiet għall-ħlas lill-bdiewa skont ir-Regolament (KE) Nru 795/2004, jiġi stabbilit li l-valur tad-drittijiet għall-ħlas hu għoli wisq, dak il-valur għandu jiġi aġġustat kif xieraq. Dak l-aġġustament għandu jitwettaq fir-rigward tad-drittijiet għall-ħlas li, sadanittant, ikunu ġew trasferiti lil bdiewa oħra. Il-valur tat-tnaqqis għandu jiġi allokat lir-riserva naturali msemmija fl-Artikolu 42 tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003.
Id-drittijiet għall-ħlas għandhom jitqiesu daqs li kieku ġew allokati ab initio fil-valur li jirriżulta mill-aġġustament.
2a. Fejn, għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni tal-paragrafi 1 u 2 jiġi stabbilit li n-numru ta’ kwoti allokati lill-bidwi b’mod konformi mar-Regolament (KE) Nru 795/2004 ma jkunx korrett, u fejn l-allokazzjoni mhix dovuta ma jkollha l-ebda impatt fuq il-valur totali tal-kwoti li l-bidwi jkun irċieva, l-Istat Membru għandu jikkalkula mill-ġdid il-kwoti tal-ħlasijiet u fejn ikun xieraq għandu jikkoreġi t-tip tal-kwoti li jiġu allokati lill-bidwi. Madankollu, dan ma għandux japplika jekk l-iżbalji setgħu jiġu identifikati b’mod raġonevoli mill-bidwi stess.”
15
Il-paragrafu 2a tal-Artikolu 73a tar-Regolament Nru 796/2004 ġie introdott permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 972/2007, tal-20 ta’ Awwissu 2007 (ĠU L 216, p. 3), li l-premessa 19 tiegħu hija fformulata kif ġej:
“F’ċerti każijiet l-allokazzjonijiet ta’ kwoti mhux dovuti ma affettwawx il-valur totali, iżda biss in-numru tal-kwoti tal-bidwi. F’dawn il-każijiet, l-Istati Membri għandhom jikkoreġu l-allokazzjoni, jew fejn ikun xieraq it-tip ta’ kwoti, mingħajr ma jnaqqsu l-valur tagħhom. Id-dispożizzjoni għandha tapplika biss jekk il-bidwi ma jkunx jista’ jsib l-iżball.”
Ir-Regolament (KE) Nru 1122/2009
16
Skont l-Artikolu 81 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1122/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tal-kundizzjonalità, il-modulazzjoni u s-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, skont l-iskemi ta’ appoġġ għall-bdiewa previsti għal dak ir-Regolament, kif ukoll għall- implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tal-kundizzjonalità skont l-iskema ta’ appoġġ [għajnuna] prevista għas-settur tal-inbid (ĠU L 316, p. 65, u rettifika ĠU 2013, L 246, p. 3):
“1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 137 tar-Regolament (KE) Nru 73/2009, meta, wara li d-drittijiet għall-pagament jkunu ġew allokati lill-bdiewa skont ir-Regolament (KE) Nru 795/2004 jew ir-Regolament (KE) Nru 1120/2009 jiġi stabbilit li wħud mid-drittijiet għall-pagament kienu allokati b’mod eċċessiv, il-bidwi konċernat għandu jagħti lura d-drittijiet allokati b’mod eċċessiv lir-riżerva nazzjonali msemmija fl-Artikolu 41 tar-Regolament (KE) Nru 73/2009.
[...]
2. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 137 tar-Regolament (KE) Nru 73/2009, meta, wara li d-drittijiet għall-pagament jkunu ġew allokati lil bdiewa skont ir-Regolament (KE) Nru 795/2004 jew ir-Regolament (KE) Nru 1120/2009 jiġi stabbilit li l-valur tad-drittijiet għall-pagament huwa għoli żżejjed, dak il-valur għandu jiġi aġġustat kif xieraq. Dak l-aġġustament għandu jitwettaq ukoll fir-rigward tad-drittijiet għall-pagament li, sadanittant, kienu ġew ittrasferiti lil bdiewa oħra. Il-valur tat-tnaqqis għandu jiġi allokat lir-riżerva nazzjonali msemmija fl-Artikolu 41 tar-Regolament (KE) Nru 73/2009.
Id-drittijiet għall-pagament għandhom jitqiesu bħallikieku ġew allokati ab initio bil-valur li jirriżulta mill-aġġustament.
3. Meta, għall-finijiet tal-paragrafi 1 u 2, jiġi stabbilit li l-għadd tad-drittijiet allokati lil bidwi skont ir-Regolament (KE) Nru 795/2004 jew ir-Regolament (KE) Nru 1120/2009 mhuwiex korrett, u meta l-allokazzjoni b’mod eċċessiv ma jkollha l-ebda impatt fuq il-valur totali tad-drittijiet li rċieva l-bidwi, l-Istat Membru għandu jikkalkula mill-ġdid id-drittijiet għall-pagament u fejn xieraq jikkoreġi t-tip tad-drittijiet allokati lill-bidwi.
Madankollu, l-ewwel subparagrafu ma għandux japplika jekk l-iżbalji setgħu nstabu b’mod raġonevoli mill-bidwi.”
17
Skont l-Artikolu 86(1) tar-Regolament Nru 1122/2009:
“Ir-Regolament (KE) Nru 796/2004 huwa mħassar b’effett mill-1 ta’ Jannar 2010.
Madankollu, huwa għandu jkompli japplika fir-rigward ta’ applikazzjonijiet għall-għajnuna li jirrelataw mas-snin ta’ suq jew mal-perjodi tal-primjum li jibdew qabel l-1 ta’ Jannar 2010.”
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
18
Permezz tad-deċiżjoni tat-18 ta’ Lulju 2006, l-iStaatssecretaris, b’applikazzjoni tal-Artikolu 43 tar-Regolament Nru 1782/2003, iffissa n-numru u l-valur tad-drittijiet għal pagament mogħtija lil P. J. Vonk Noordegraaf.
19
Għal dan il-għan, il-valur medju tal-ammonti totali tal-primjums li kienu ngħatawlu għall-annimali tal-ifrat matul il-perijodu 2000-2002 kien diviż b’numru medju, ikkalkolat għall-istess perijodu, tat-totalità tal-ettari li kellu, u r-riżultat miksub b’dan il-mod kien id-“dritt [tiegħu] għal pagament għal kull ettaru”.
20
Skont il-qorti tar-rinviju, in-numru medju ta’ ettari li kienu jappartjenu lil P. J. Vonk Noordegraaf matul l-imsemmi perijodu ġie ffissat għal 10.76 ettari.
21
Fl-2009, P. J. Vonk Noordegraaf kellu 9.79 drittijiet għal pagament u fl-applikazzjoni tiegħu għal pagament uniku għal din is-sena, huwa ddikjara erja ta’ 10.76 ettari.
22
Madankollu, permezz tad-deċiżjoni tat-30 ta’ Ġunju 2010, l-iStaatssecretaris wasal għal numru ta’ ettari inferjuri għal dawk imsemmija minn P. J. Vonk Noordegraaf fl-applikazzjoni tiegħu. Fil-fatt, matul is-sena 2009, l-awtoritajiet Olandiżi kienu, wara kummenti mingħand il-Kummissjoni, immodifikaw il-modalitajiet ta’ stabbiliment tal-erja tal-biċċiet ta’ art agrikola fil-Pajjiżi l-Baxxi. B’hekk ġie deċiż li jintuża, mis-sena 2009, reġistru għall-biċċiet ta’ art fejn tittieħed inkunsiderazzjoni l-“erja netta” tagħhom, jiġifieri art li tista’ tiġi kkultivata b’esklużjoni, minn issa ’il quddiem, tal-partijiet li ma humiex eliġibbli bħall-gandotti għat-tisqija, il-mogħdijiet tal-ġenb u l-passaġġi.
23
Din id-deċiżjoni kellha bħala konsegwenza tnaqqis tal-ammont tal-għajnuna mħallsa lil P. J. Vonk Noordegraaf taħt l-iskema ta’ pagament uniku għas-sena 2009 meta mqabbel mas-snin preċedenti.
24
Għaldaqstant, P. J. Vonk Noordegraaf ikkontesta d-deċiżjoni tat-30 ta’ Ġunju 2010 quddiem l-iStaatssecretaris li, permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Ottubru 2010, iddikjara parzjalment fondat l-ilment ta’ P. J. Vonk Noordegraaf.
25
Huwa appella minn din l-aħħar deċiżjoni u, permezz tad-deċiżjoni riveduta tad-19 ta’ Mejju 2011 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tad-19 ta’ Mejju 2011”), l-iStaatssecretaris iffissa, fir-rigward tas-sena 2009, l-erja stabbilita tal-biċċiet ta’ art ta’ P. J. Vonk Noordegraaf għal 8.34 ettari.
26
Il-partijiet fil-kawża prinċipali jaqblu fuq din l-erja, kif ukoll fuq il-fatt li t-tnaqqis tagħha meta mqabbel ma’ dak applikat fis-snin preċedenti jirriżulta unikament mill-modifika tal-metodu ta’ kejl tal-biċċiet ta’ art inkwistjoni.
27
Quddiem il-qorti tar-rinviju, P. J. Vonk Noordegraaf isostni madankollu li l-introduzzjoni tas-sistema l-ġdida ta’ identifikazzjoni tal-biċċiet ta’ art kellha bħala konsegwenza tnaqqis tal-erja agrikola li minn issa ’l quddiem huwa jista’ jinvoka għall-finijiet tal-attivazzjoni tad-drittijiet tiegħu għal pagament. Konsegwentement, huwa jitlob li n-numru u l-valur tad-drittijiet tiegħu għal pagament jiġu kkalkolati mill-ġdid abbażi tan-numru ta’ ettari ffissat mid-deċiżjoni tad-19 ta’ Mejju 2011.
28
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-College van Beroep voor het bedrijfsleven iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“Ir-Regolament (KE) Nru 73/2009, u, b’mod partikolari, l-Artikoli 34, 36 u 137 tiegħu, ikun applikat korrettament jekk, meta juża drittijiet għal pagament miksuba abbażi ta’ produzzjoni li ma hijiex marbuta ma’ raba, li ġew imputati lis-superfiċi [erja] fil-pussess tiegħu, bidwi ma jiksibx il-ħlas ta’ parti kbira minn dawn id-drittijiet, minkejja li jkun iddikjara in bona fide, b’mod konformi mal-metodu ta’ kejl applikat mill-Istat Membru fil-kuntest tal-attivazzjoni tad-drittijiet għal pagament skont l-Artikolu 34 ta’ dan ir-regolament, is-superfiċi ammissibbli [eliġibbli] tal-ettari invarjabbilment fil-pussess tiegħu, li però sussegwentement ġiet miċħuda mill-Kummissjoni, u dan għall-unika raġuni li s-superfiċi ammissibbli ddeterminata għall-pagament tirriżulta inferjuri minħabba emenda fil-metodu ta’ kalkolu?”
Fuq id-domanda preliminari
29
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li d-drittijiet għal pagament ta’ bidwi għandhom ikunu s-suġġett ta’ kalkolu ġdid meta, fil-kuntest tal-istabbiliment inizjali tad-drittijiet tiegħu għal pagament, l-ammont ta’ referenza ta’ dan il-bidwi kien ġie diviż b’numru għoli wisq ta’ ettari minħabba l-modalitajiet ta’ stabbiliment tal-erja tal-biċċiet ta’ art agrikola li kienu jiġu applikati dak iż-żmien fl-Istat Membru kkonċernat.
30
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, wara l-integrazzjoni, permezz tar-Regolament Nru 1782/2003, tal-iskemi l-antiki ta’ għajnuna fl-iskema ta’ pagament uniku, il-valur tad-drittijiet għal pagament ta’ kull bidwi kien ġie kkalkolat, fl-Istati Membri li kienu għażlu l-mudell magħruf bħala “storiku”, abbażi tal-livell ta’ għajnuna li l-bidwi kkonċernat kien kiseb matul perijodu ta’ referenza li jikkorrispondi għas-snin 2000 sa 2002.
31
Kull bidwi eliġibbli b’dan il-mod ingħata ċertu numru ta’ drittijiet għal pagament, li n-numru u l-valur tagħhom kienu nkisbu billi l-medja tal-pagamenti li kien ibbenefika minnhom matul l-imsemmi perijodu ta’ referenza kienet ġiet diviża bin-numru medju, ikkalkolat għall-istess perijodu, ta’ ettari li jkunu taw id-dritt għal dawn il-pagamenti jew, skont dak li jipprovdi l-Artikolu 43(2)(b) tar-Regolament Nru 1782/2003, bin-numru medju ta’ ettari disponibbli għat-trobbija tal-annimali.
32
Skont dak li jipprovdi l-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 73/2009, l-għajnuna tingħata lill-bdiewa wara l-attivazzjoni ta’ dritt għal pagament għal kull ettaru eliġibbli, u dan peress li huma biss id-drittijiet għal pagament attivati li jagħtu dritt għal pagament tal-ammonti li huma jiffissaw.
33
Fil-kawża prinċipali, P. J. Vonk Noordegraaf ġie allokat, matul is-sena 2006, drittijiet għal pagament ikkalkolati abbażi tal-primjums li kienu tħallsu lilu għall-annimali tal-ifrat tiegħu matul il-perijodu ta’ referenza u abbażi tal-biċċiet ta’ art li kienu għad-dispożizzjoni tiegħu matul dan l-istess perijodu.
34
Madankollu, wara modifika, matul is-sena 2009, tal-modalitajiet ta’ stabbiliment tal-erja tal-biċċiet ta’ art agrikola fil-Pajjiżi l-Baxxi, l-erja tal-biċċiet ta’ art ta’ P. J. Vonk Noordegraaf tnaqqset mill-awtoritajiet Olandiżi, fatt li kellu bħala konsegwenza li n-numru ta’ ettari eliġibbli għall-benefiċċju tal-għajnuna li għaldaqstant seta’ jibbaża ruħu fuqu għall-finijiet tal-attivazzjoni tad-drittijiet tiegħu għal pagament sar inqas min-numru ta’ drittijiet għal pagament li huwa kellu għad-dispożizzjoni tiegħu.
35
Sa fejn huwa ma jistax jibqa’ jirċievi l-għajnuna fuq it-totalità tad-drittijiet tiegħu għal pagament, P. J. Vonk Noordegraaf jitlob lill-awtoritajiet Olandiżi sabiex iżidu l-valur unitarju ta’ dawn tal-aħħar, filwaqt li jnaqqsu proporzjonalment in-numru tagħhom sabiex il-valur totali ta’ dawn id-drittijiet għal pagament jibqa’ l-istess.
36
F’termini oħra, P. J. Vonk Noordegraaf jitlob lill-awtorità kompetenti sabiex tikkalkola mill-ġdid in-numru u l-valur tad-drittijiet tiegħu għal pagament billi jibbaża ruħu fuq l-erja netta ta’ dawn il-biċċiet ta’ art kif iddefiniti fid-deċiżjoni tad-19 ta’ Mejju 2011.
37
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, qabelxejn, li l-Artikolu 36 tar-Regolament Nru 73/2009 jipprovdi li d-drittijiet għal pagament għal kull ettaru ma humiex immodifikati, ħlief fil-każ ta’ dispożizzjoni li tmur kontra dan ir-regolament.
38
Fil-fatt, sa fejn kull dritt għal pagament attiv jagħti dritt għal pagament tal-ammont li huwa jiffissa, modifika ta’ dan l-ammont ikollha bħala konsegwenza tnaqqis, jew żieda, tal-ammont tal-għajnuna mħallsa lill-bidwi kkonċernat. Issa, kif jirriżulta mill-premessa 29 tar-Regolament Nru 1782/2003, wieħed mill-għanijiet tal-iskema ta’ pagament uniku huwa li jippermetti lil kull bidwi li jibqa’ jibbenefika minn livell ta’ għajnuna ekwivalenti għall-ammonti li kienu ngħatawlu matul il-perijodu ta’ referenza.
39
Dan huwa preċiżament dak li jsostni P. J. Vonk Noordegraaf fil-kawża kontra l-iStaatssecretaris.
40
Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 73/2009 ma tipprovdi espressament il-possibbiltà li jiġu mmodifikati d-drittijiet għal pagament ta’ bidwi li jinsab f’sitwazzjoni simili għal dik ta’ P. J. Vonk Noordegraaf.
41
Madankollu, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenzi ta’ eżekuzzjoni li kienu ngħatawlha permezz tal-Artikolu 36(2) tal-imsemmi regolament, il-Kummissjoni kienet adottat ir-Regolament Nru 796/2004 li l-Artikolu 73a(2a) tiegħu jipprovdi li, fejn bidwi jkun ġie allokat indebitament ċerti drittijiet għal pagament iżda fejn tali allokazzjoni ma jkollha l-ebda impatt fuq il-valur totali tad-drittijiet li kienu ngħatawlu, dawn tal-aħħar għandhom ikunu s-suġġett ta’ kalkolu ġdid, bil-kundizzjoni li l-iżbalji ma setgħux jiġu identifikati b’mod raġonevoli mill-bidwi stess.
42
Fil-kawża prinċipali, huwa stabbilit li l-valur totali tad-drittijiet għal pagament li kienu ġew allokati lil P. J. Vonk Noordegraaf jikkorrispondi għall-medja tal-għajnuna li huwa rċieva qabel l-introduzzjoni tal-iskema ta’ pagament uniku.
43
Madankollu, il-Gvern Olandiż isostni li, peress li hija ġiet elaborata skont ir-regoli u r-rekwiżiti fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha, id-deċiżjoni tat-18 ta’ Lulju 2006, li permezz tagħha l-iStaatssecretaris kien iffissa n-numru u l-valur tad-drittijiet għal pagament mogħtija lil P. J. Vonk Noordegraaf, ma hijiex żbaljata.
44
F’dan ir-rigward, qabelxejn, għandu jitfakkar li P. J. Vonk Noordegraaf ġie allokat inizjalment numru ta’ drittijiet għal pagament ikkalkolat abbażi tal-erja “grossa” tal-biċċiet ta’ art li huwa kellu fil-pussess tiegħu matul il-perijodu ta’ referenza, u dan skont il-metodu li kien jiġi applikat dak iż-żmien mill-awtoritajiet Olandiżi.
45
Sussegwentement, fil-kuntest tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tat-30 ta’ Ġunju 2010, l-awtoritajiet Olandiżi kienu wettqu kejl ġdid tal-biċċiet ta’ art ta’ P. J. Vonk Noordegraaf. Huma, din id-darba, eskludu ċerti elementi tal-pajsaġġ bħall-gandotti għat-tisqija, il-mogħdijiet tal-ġenb u l-passaġġi sabiex jiksbu l-erja “netta” tal-biċċiet ta’ art inkwistjoni.
46
Sussegwentement, għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 43(3) tar-Regolament Nru 1782/2003, l-erjas għall-għalf ma jinkludux, b’mod partikolari, l-għadajjar u l-passaġġi. Barra minn hekk, minn qari a contrario tal-Artikolu 30(2) tar-Regolament Nru 796/2004 jirriżulta li l-elementi tal-pajsaġġ bħas-sisien tal-ħaxix, gandotti għat-tisqija u ħitan ma jistgħux, bħala prinċipju, jagħmlu parti mill-erjas eliġibbli għall-benefiċċju tal-għajnuna.
47
Għaldaqstant, l-elementi tal-pajsaġġ bħall-mogħdijiet tal-ġenb, il-passaġġi u l-gandotti għat-tisqija ma jistgħux, bħala prinċipju, jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi stabbilita l-erja eliġibbli għall-benefiċċju tal-għajnuna.
48
Minn dan isegwi, loġikament, li tali elementi tal-pajsaġġ lanqas ma jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-istabbiliment tad-drittijiet għal pagament ta’ bidwi, li mingħajrhom dan tal-aħħar, l-istess bħal P. J. Vonk Noordegraaf, ikollu għad-dispożizzjoni tiegħu numru ta’ drittijiet għal pagament ikbar min-numru ta’ ettari li huwa jkun jista’ sussegwentement jibbaża ruħu fuqu għall-finijiet tal-attivazzjoni tad-drittijiet tiegħu.
49
Għaldaqstant, meta, bħal fil-kawża prinċipali, l-awtoritajiet kompetenti jkunu ħadu inkunsiderazzjoni dawn l-elementi għall-finijiet tal-istabbiliment tal-biċċiet ta’ art agrikola ta’ bidwi, hemm lok li jitqies li n-numru tad-drittijiet għal pagament mogħtija lilu “ma jkunx korrett”, fis-sens tal-Artikolu 73a(2a) tar-Regolament Nru 796/2004.
50
Fl-aħħar nett, hemm lok li jiġi preżunt li bidwi li jinsab fis-sitwazzjoni ta’ P. J. Vonk Noordegraaf ma setax jidentifika b’mod raġonevoli l-iżbalji fl-istabbiliment tal-erja tal-biċċiet ta’ art tiegħu sa fejn dawn tal-aħħar kienu l-konsegwenza diretta tal-metodu applikat f’dak iż-żmien mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.
51
Konsegwentement, hemm lok li jitqies li, skont l-Artikolu 73a(2a) tar-Regolament Nru 796/2004, id-drittijiet għal pagament ta’ bidwi għandhom ikunu s-suġġett ta’ kalkolu ġdid meta, minħabba l-modalitajiet żbaljati ta’ stabbiliment tal-erja tal-biċċiet ta’ art agrikola applikati fl-Istat Membru kkonċernat, bidwi jkun ġie allokat indebitament ċertu numru ta’ drittijiet għal pagament minħabba li l-ammont ta’ referenza tiegħu kien ġie diviż b’numru għoli wisq ta’ ettari.
52
Għal kuntrarju ta’ dak li jsostni l-Gvern Olandiż, din l-evalwazzjoni ma titqiegħedx inkwistjoni mill-Artikolu 137(1) tar-Regolament Nru 73/2009, skont liema d-drittijiet għal pagament mogħtija lill-bdiewa qabel l-1 ta’ Jannar 2009 huma meqjusa legali u regolari mill-1 ta’ Jannar 2010.
53
Kif jirriżulta mill-premessa 49 tar-Regolament Nru 73/2009, din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex tippermetti lill-Istati Membri sabiex jirrinunzjaw għall-irkupru tal-pagamenti mhux dovuti li ngħataw lil xi bdiewa, fid-dawl ta’ limitazzjonijiet legali u amministrattivi sproporzjonati li jimplikaw l-adozzjoni ta’ miżuri korrettivi neċessarji. L-Artikolu 137(2) tar-Regolament Nru 73/2009 jillimita barra minn hekk il-portata tal-ewwel paragrafu billi jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu d-drittijiet għal pagament allokati abbażi ta’ applikazzjonijiet fattwali inkorretti.
54
Minn dak li ntqal preċedentement jirriżulta li l-iskop tal-Artikolu 137(1) tar-Regolament Nru 73/2009 huwa, għal raġunijiet li jirrigwardaw il-prinċipju ta’ ċertezza legali, li jipproteġi lill-bdiewa li jaġixxu f’bona fides u li kienu bbenefikaw minn pagamenti mhux dovuti u mhux li jippenalizza fil-futur lill-bdiewa li, kif josserva P. J. Vonk Noordegraaf, kienu ngħataw numru għoli wisq ta’ drittijiet għal pagament minħabba l-fatt li, fid-dawl tal-modalitajiet inkorretti ta’ stabbiliment tal-erja tal-biċċiet ta’ art agrikola li kienu jiġu applikati dak iż-żmien fl-Istat Membru kkonċernat, l-ammont ta’ referenza tagħhom kien ġie diviż b’numru għoli wisq ta’ ettari.
55
Għaldaqstant, għandu jitqies li l-Artikolu 73a(2a) tar-Regolament Nru 796/2004 ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 137(1) tar-Regolament Nru 73/2009.
56
Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mir-Regolament Nru 1122/2009, li ħassar u ssostitwixxa r-Regolament Nru 796/2004, li għandu applikazzjoni ratione temporis għall-fatti fil-kawża prinċipali, u b’mod partikolari mill-istruttura tal-Artikolu 81 tiegħu.
57
Fil-fatt, fl-ewwel u fit-tieni paragrafi ta’ dan l-artikolu, il-leġiżlatur tal-Unjoni indika espressament li r-regoli previsti f’dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, jiġifieri, rispettivament, li d-drittijiet għal pagament allokati indebitament għandhom jingħataw lura lir-riżerva nazzjonali u li l-valur tad-drittijiet għal pagament għandu jiġi aġġustat jekk jiġi stabbilit li dan huwa għoli wisq, japplikaw bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 137 tar-Regolament Nru 73/2009.
58
Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 81(3) tar-Regolament Nru 1122/2009, li l-formulazzjoni tiegħu tikkorrispondi għal dik tal-Artikolu 73a(2a) tar-Regolament Nru 796/2004, ma jagħmel l-ebda riferiment għall-Artikolu 137 tar-Regolament Nru 73/2009, b’mod li din id-dispożizzjoni ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar.
59
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 73a(2a) tar-Regolament Nru 796/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li d-drittijiet għal pagament ta’ bidwi għandhom ikunu s-suġġett ta’ kalkolu ġdid meta, fil-kuntest tal-istabbiliment inizjali tad-drittijiet tiegħu għal pagament, l-ammont ta’ referenza ta’ dan il-bidwi kien ġie diviż b’numru għoli wisq ta’ ettari minħabba l-modalitajiet ta’ stabbiliment tal-erja tal-biċċiet ta’ art agrikola li kienu jiġu applikati dak iż-żmien fl-Istat Membru kkonċernat. L-Artikolu 137 tar-Regolament Nru 73/2009 ma huwiex applikabbli għal korrezzjoni skont l-Artikolu 73a(2a) tar-Regolament Nru 796/2004.
Fuq l-ispejjeż
60
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikolu 73a(2a) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 796/2004, tal-21 ta’ April 2004, li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tal-kundizzjonalità, tal-modulazzjoni u tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u ta’ verifika li dwarhom hemm dispożizzjoni fir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 u (KE) Nru 73/2009, kif ukoll għall-implimentazzjoni tal-kundizzjonalità li dwarha hemm dispożizzjoni fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2008, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 380/2009, tat-8 ta’ Mejju 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li d-drittijiet għal pagament ta’ bidwi għandhom ikunu s-suġġett ta’ kalkolu ġdid meta, fil-kuntest tal-istabbiliment inizjali tad-drittijiet tiegħu għal pagament, l-ammont ta’ referenza ta’ dan il-bidwi kien ġie diviż b’numru għoli wisq ta’ ettari minħabba l-modalitajiet ta’ stabbiliment tal-erja tal-biċċiet ta’ art agrikola li kienu jiġu applikati dak iż-żmien fl-Istat Membru kkonċernat. L-Artikolu 137 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009, tad-19 ta’ Jannar 2009, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ għajnuna diretta għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ [għajnuna] għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, u (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1782/2003, ma huwiex applikabbli għal korrezzjoni skont l-Artikolu 73a(2a) tar-Regolament Nru 796/2004.
Firem
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.
Full & Egal Universal Law Academy