SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)
30 ta’ April 2014 ( *1 )
“Nomenklatura Magħquda — Intestaturi tariffarji — Medikamenti fis-sens tal-intestatura 3004 — Kunċett — Preparazzjonijiet nutrittivi intiżi esklużivament li jiġu somministrati b’mod enterali, taħt sorveljanza medika, lil persuni suġġetti għal trattament mediku — Xorb fis-sens tas-subintestatura 2202 — Kunċett — Likwidi nutrittivi intiżi li jiġu somministrati b’mod enterali u mhux li jinxtorbu”
Fil-Kawża C‑267/13,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ April 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Mejju 2013, fil-proċedura
Nutricia NV,
vs
Staatssecretaris van FinaNMiën,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),
komposta minn A. Borg Barthet, President tal-Awla, S. Rodin (Relatur) u F. Biltgen, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Sharpston,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
—
għal Nutricia NV, minn B. Boersma, konsulent,
—
għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman u B. Koopman, bħala aġenti,
—
għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Kranenborg u B.‑R. Killmann, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-kunċetti ta’ “medikamenti” u ta’ “xorb” skont in-nomenklatura magħquda, li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1549/2006, tas-17 ta’ Ottubru 2006 (ĠU L 301, p. 1, iktar ’il quddiem in-“NM”).
2
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Nutricia NV (iktar ’il quddiem “Nutricia”) u Staatssecretaris van Financiën (Segretarju tal-Istat għall-Finanzi) dwar informazzjoni tariffarja vinkolanti (iktar ’il quddiem l-“ITV”) li tikkonċerna l-klassifikazzjoni ta’ prodotti intiżi għall-alimentazzjoni tal-morda b’mod enterali.
Il-kuntest ġuridiku
3
L-intestatura 2106 tan-NM hija fformulata kif ġej:
“2106 – Preparazzjonijiet tal-ikel li mhumiex speċifikati jew inklużi band’oħra”.
4
L-intestatura 2202 u s-subintestatura 2202 10 00, 2202 90 u 2202 90 10 tan-NM jaqraw kif ġej:
“2202 – Ilmijiet, inklużi ilmijiet minerali u ilmijiet effervexxenti, biz-zokkor jew materjal ieħor li jagħmel ħelu miżjud jew imħawwrin, u xorb ieħor mhux alkoħoliku, mhux meraq tal-frott jew tal-ħxejjex ta’ titlu 2009:
2202 10 00 – Ilmijiet, inklużi ilmijiet minerali u ilmijiet effervexxenti, biz-zokkor jew materjal ieħor li jagħmel ħelu miżjud jew imħawwrin
2202 90 – Oħrajn:
2202 90 10 – – Ma fihomx prodotti ta’ titli 0401 sa 0404 jew xaħam miksub minn prodotti ta’ titli 0401 sa 0404
– – Oħrajn, fihom piż ta’ xaħam miksub mill-prodotti ta’ titli 0401 sa 0404.”
5
Fit-tieni parti tan-NM, il-Kapitolu 22 tagħha, intitolat “Xorb, Spirti u Ħall”, jipprovdi fin-nota 1 tiegħu:
“Dan il-kapitlu ma jkoprix:
[...]
e)
dwiewi ta’ titlu 3003 jew 3004.”
6
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 184/89, tal-25 ta’ Jannar 1989, dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti oġġetti fin-nomenklatura magħquda (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 43), jistabbilixxi l-merkanzija msemmija fis-subintestatura 2202 90 10 bħala li tinkludi l-prodotti li ġejjin:
“Preparazzjoni likwida li jkun fiha s-sodju u l-kaseina tal-kalċjum, proteina tas-soya, il-leċitina tas-soja, iż-żejt tal-qamħirrum, iż-żejt tas-soja, medium-chain triglycerides, maltodextrins, minerali, vitamini u ilma li tkun tista’ wkoll tkun amministrata permezz ta’ enteral tube.”
7
Il-pożizzjonijiet 3004, 3004 50 u 3004 50 10 tan-NM huma fformulati kif ġej:
“Medikamenti (ħlief oġġetti ta’ titlu 3002, 3005 jew 3006) li jikkonsistu fi prodotti mħalltin jew mhux imħalltin għal użi terapewtiċi jew profilattiċi, ippreżentati f’dożi meqjusin (inklużi dawk f’forma ta’ sistemi li jingħataw mill-ġilda (transdermali)) jew f’forom jew f’pakki għal bejgħ bl-imnut:
[…]
3004 50 – Medikamenti oħrajn li fihom vitamini jew prodotti oħrajn ta’ titlu 2936
3004 5010 – Mhux ippreżentati għal bejgħ bl-imnut.”
8
Fit-tieni parti tan-NM, fil-Kapitolu 30 tiegħu, intitolat “Prodotti farmaċewtiċi”, imsemmija fin-nota 1 tagħha jinsabu:
“Dan il-kapitlu ma jkoprix:
a)
ikel jew xorb (bħal ikel djetetiku, dijabetiku jew fortifikat, supplimenti ta’ ikel, xorb toniku u ilma minerali), ħlief preparazzjonijiet nutrittivi biex jingħataw ġol-vina [...].”
9
In-nota addizzjonali 1 tal-imsemmi Kapitolu 30 jipprovdi:
“Titlu 3004 jinkludi preparazzjonijiet mediċinali mill-ħxejjex u preparazzjonijiet ibbażati fuq dawn is-sustanzi attivi: vitamini, minerali, aminoaċti jew aċti-grassi essenzjali, f’pakki għal bejgħ bl-imnut. Dawn il-preparazzjonijiet huma kklassifikati f’titlu 3004 jekk ikollhom fuq it-tabella, fuq il-pakkett jew fl-istruzzjonijiet għal min jużahom li jkunu magħhom dawn l-istqarrijiet dwar:
(a)
il-mard speċifiku, uġigħ [kundizzjoni] jew is-sintomi tagħhom li għalihom għandu jintuża l-prodott;
(b)
il-konċentrazzjoni ta’ sustanza jew sustanzi attivi li jinsabu fihom;
(ċ)
doża; u
(d)
mod ta’ applikazzjoni.
Dan it-titlu jinkludi preparazzjonijiet mediċinali omeopatiċi meta dawn josservaw il-kundizzjonijiet ta’ (a), (ċ) u (d).
Fil-każ ta’ preparazzjonijiet bbażati fuq vitamini, minerali, ammino-aċti jew aċti-grassi essenzjali, il-livell ta’ waħda minn dawn is-sustanzi għal kull doża irrikmandata kuljum indikata fuq it-tabella għandu jkun ogħla sewwa mill-konċessjoni irrikmandata kuljum biex tinżamm is-saħħa jew il-benesseri ġenerali.”
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
10
Fl-10 ta’ Mejju 2007, Nutricia talbet lill-ispettur tad-dipartiment tat-taxxa kompetenti (iktar ’il quddiem l-“Ispettur”) sabiex jipprovdilha ħames ITV għal ħames tipi differenti ta’ prodotti għall-alimentazzjoni lill-morda permezz ta’ tubu gastriku (iktar ’il quddiem il-“prodotti inkwistjoni”). Fit-talba tagħha, hija tissuġġerixxi li dawn jiġu kklassifikati fis-subintestatura 3004 50 10 tan-NM.
11
Fit-28 ta’ Awwissu 2007, l-Ispettur ħareġ lil Nutricia l-ITV mitluba minnha li fihom il-prodotti inkwistjoni huma kklassifikati fis-subintestatura 2202 90 10 tan-NM. F’dawn l-ITV, id-deskrizzjoni ta’ dawn il-prodotti hija kif ġej:
“Taħlita likwida ta’ kulur kannella ċar li tintuża għall-alimentazzjoni permezz ta’ tubu gastriku għat-trattament nutrizzjonali tad-denutrizzjoni marbuta ma’ mard, li – skont l-indikazzjoni – tista’ tiġi ssomministrata biss taħt sorveljanza medika tal-pazjenti.
It-taħlita likwida fiha b’mod partikolari protejini, vitamini, karboidrati, xaħmijiet, fibri alimentari u minerali.
It-taħlita likwida ma fihiex sustanzi xaħmija li joriġinaw mill-ħalib u l-kontenut bil-piż ta’ zokkor (inkluż iż-żokkor invertit jew ta’ isoglukożju kkalkolat f’zokkor) huwa
It-taħlita likwida hija mmanifatturata għall-bejgħ bl-imnut, pprovduti bi struzzjonijiet multilingwi għall-użu u ppakjata f’pakkett sintetiku li jesa’ 500 ml ipprovduta b’konnessjoni speċjali għat-tubu gastriku.”
12
Sabiex tiġi ġġustifikata l-imsemmija klassifikazzjoni, l-Ispettur indika li din “hija ddeterminata mid-dispożizzjonijiet ta’ regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-[NM] 1 u 6, tan-nota legali 1 (a) tal-Kapitolu 30, kif ukoll mill-formulazzjoni tal-kodiċijiet NM 2202, 2202 90 u 2202 90 10 (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja [Krings, C‑130/02, EU:C:2004:122]). Ir-Regolament (KEE) Nru 184/89 [...]. Eżamijiet fil-laboratorju tal-15 ta’ Awwissu 2007 […]”.
13
Peress li l-ITV ġew ikkonfermati mill-Ispettur wara lment ta’ Nutricia, din tal-aħħar ressqet kawża quddiem ir-Rechtbank te Haarlem (Qorti Distrettwali ta’ Haarlem), li ddikjarat ir-rikors infondat permezz ta’ sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2009. Nutricia interponiet appell quddiem il-Gerechtshof te Amsterdam (Qorti tal-Appell ta’ Amsterdam), li kkonfermat l-imsemmija sentenza permezz tas-sentenza tagħha tat-28 ta’ April 2011. Fl-aħħar nett Nutricia ppreżentat appell fil-kassazzjoni kontra din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju.
14
Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, sabiex prodott ikun jista’ jiġi kklassifikat taħt l-intestatura 3004, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tindika li huwa ta’ importanza determinanti li dan il-prodott ikollu profil terapewtiku jew profilattiku li l-effet tiegħu jkun iffokat fuq funzjonijiet preċiżi tal-ġisem tal-bniedem jew li jkun jista’ jiġi applikat għall-prevenzjoni jew għat-trattament ta’ marda jew kundizzjoni. Peress li l-prodotti inkwistjoni jipproduċu effetti fuq it-trattament u l-prevenzjoni tad-denutrizzjoni li sseħħ matul marda, jirriżulta li ma jistgħux jiġu kklassifikati taħt din l-intestatura. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji fir-rigward ta’ din il-konklużjoni.
15
B’hekk, l-imsemmija qorti tikkonstata, b’mod partikolari, li l-prodotti inkwistjoni ma humiex intiżi sabiex jinxtorbu, u dan jostakola l-klassifikazzjoni tagħhom taħt l-intestatura 2202. Barra minn hekk, dawn il-prodotti huma esklużivament intiżi li jiġu ssomministrati lill-persuni li, minħabba marda jew kundizzjoni, jiġu ttrattati medikament u li huma pprovduti fil-kuntest tat-taqbida kontra din il-marda jew din il-kundizzjoni, permezz ta’ tubu gastriku. Hija tenfasizza li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li “somministrazzjoni b’mod artifiċjali” ta’ prodotti li, minħabba l-profil oġġettiv tagħhom, huma intiżi min-natura tagħhom għal użu mediku, iwassal għall-klassifikazzjoni tagħhom taħt l-intestatura 3004.
16
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Hoge Raad der Nederlanden, billi ħasset dubji f’dak li jikkonċerna l-interpretazzjoni korretta tan-NM, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1)
Il-kunċett ta’ ‘medikament’ fis-sens tal-intestatura 3004 tan-NM għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi wkoll il-preparazzjonijiet tal-ikel, bħall-prodotti [inkwistjoni], li huma esklużivament intiżi li jiġu amministrati enteralment taħt sorveljanza medika (permezz ta’ tubu gastriku) lil persuni li huma taħt kura medika minħabba mard jew uġigħ [kundizzjoni] u li, fil-kuntest tal-ġlieda kontra dan il-mard jew uġigħ [kundizzjoni], il-prodotti jkunu amministrati sabiex tiġi kkontrollata jew prekluża l-malnutrizzjoni?
2)
Il-kunċett ta’ ‘xorb’ fis-sens tal-intestatura 2202 tan-NM għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi l-ikel likwidu, bħall-prodotti preżenti, li ma humiex intiżi li jiġu mixruba, iżda li jiġu amministrati enteralment (permezz ta’ tubu gastriku)?”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
17
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-intestatura tariffarja 3004 tan-NM għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-kunċett ta’ “medikamenti”, skont din l-intestatura, tinkludi preparazzjonijiet alimentari esklużivament intiżi li jiġu somministrati, taħt sorveljanza medika u b’mod enterali, lil persuni li lilhom tiġi pprovduta kura medika, meta, fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-marda jew il-kundizzjoni li jkollhom dawn tal-aħħar, din is-somministrazzjoni għandha bħala għan li tipprevjeni jew tiġġieled id-denutrizzjoni ta’ dawn il-persuni.
18
Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar li l-intestatura 3004 tan-NM tinkludi “[m]edikamenti [...] li jikkonsistu fi prodotti mħalltin jew mhux imħalltin għal użi terapewtiċi jew profilattiċi, ippreżentati f’dożi meqjusin [...] jew f’forom jew f’pakki għal bejgħ bl-imnut”.
19
Għandu l-ewwel nett jiġi rrilevat, li skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-kontrolli, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-prodotti għandu jiġi identifikat, b’mod ġenerali, mill-karatteristiċi u mill-proprjetajiet oġġettivi tagħhom, hekk kif iddefiniti mill-kliem tal-intestatura tan-NM u tan-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli [ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Thyssen Haniel Logistic, C‑459/93, EU:C:1995:160, punt 8 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll TNT Freight Management (Amsterdam), C‑291/11, EU:C:2012:459, punt 30].
20
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kemm-il darba ġiet mitluba twieġeb domandi dwar il-kunċett ta’ “medikamenti” fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta’ merkanzija fin-NM. Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex tikklassifika prodotti fil-Kapitolu 30 tagħha, sabiex jiġi mistħarreġ jekk dawn tal-aħħar kellhomx profil terapewtiku jew profilattiku nettament iddefinit, li l-effett tagħhom jiffoka fuq funzjonijiet preċiżi tal-ġisem tal-bniedem jew inkella jekk setgħux jiġu applikati fil-prevenzjoni jew fit-trattament ta’ marda jew kundizzjoni. Anki meta l-prodott ikkonċernat ma għandux effett terapewtiku iżda jiġi applikat fil-prevenzjoni jew fit-trattament ta’ xi marda jew kundizzjoni, għandha, sakemm huwa jkun intenzjonat speċifikament għal dan l-użu, ikun ikkunsidrat bħala ppreparat għall-użi terapewtiċi [ara, b’mod partikolari, is-sentenza TNT Freight Management (Amsterdam), EU:C:2012:459, punti 40 u 42].
21
Mill-ġurisprudenza mfakkra fiż-żewġ punti preċedenti jirriżulta li d-destinazzjoni ta’ prodott tista’ tikkostitwixxi kriterju oġġettiv għall-klassifikazzjoni sa fejn din tkun inerenti għall-imsemmi prodott, liema inerenza għandha tkun tali li tkun tista’ tiġi evalwata abbażi tal-karatteristiċi u tal-proprjetajiet oġġettivi tiegħu (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Krings, EU:C:2004:122, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prodott li, minħabba l-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tiegħu, huwa naturalment iddestinat għal użu mediku jista’ jiġi kklassifikat fil-Kapitolu 30 tan-NM [ara s-sentenzi Thyssen Haniel Logistic, EU:C:1995:160, punt 14, u TNT Freight Management (Amsterdam), EU:C:2012:459, punt 41].
22
Għandu jiżdied li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, abbażi tal-formulazzjoni stess tal-intestatura 3004, li l-fatt li tali prodotti huma ppreżentati taħt forma ta’ dożi jew li huma mqiegħda għall-bejgħ bl-imnut jikkostitwixxi, kundizzjoni għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni (ara d-digriet Juers Pharma, C‑40/06, EU:C:2007:2, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).
23
Għandu jitfakkar ukoll li r-rikonoxximent jew le ta’ marda f’att tad-dritt tal-Unjoni, salv dawk li jirreferu għall-klassifikazzjoni tan-NM, ma għandux valur determinanti għall-klassifikazzjoni ta’ prodott taħt l-intestatura 3004 tagħha (ara, f’dan is-sens, id-digriet SmithKline Beecham, C‑206/03, EU:C:2005:31, punt 44).
24
Fil-kawża prinċipali, mill-proċess li għandha fil-pussess tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-prodotti inkwistjoni huma użati għall-alimentazzjoni permezz ta’ tubu gastriku għat-trattament tad-denutrizzjoni marbuta ma’ mard jew ma’ kundizzjonijiet u għandhom jiġu ssomministrati lill-pazjenti biss taħt sorveljanza medika u b’mezzi enterali. Minn dan isegwi li tali prodotti huma ddestinati li jiġu użati fil-kuntest tal-prevenzjoni jew it-trattament ta’ marda jew ta’ kundizzjoni u li huma ddestinati għal użu mediku.
25
Għandu jitfakkar ukoll li n-nota addizzjonali tal-intestatura 3004 tippreċiża b’mod ċar li tinkludi preparazzjonijiet abbażi ta’ pjanti u preparazzjonijiet abbażi ta’ ta’ sustanzi attivi (vitamini, minerali, aċidi amminiċi jew aċidi grassi), f’pakki għal bejgħ bl-imnut, li għandhom jiġu kklassifikati f’din l-intestatura jekk it-tikketta jew ippakkjar ikollhom ċerti indikazzjonijiet dwar il-prodott ikkonċernat.
26
Huwa ċertament minnu li n-nota 1(a) tal-Kapitolu 30 tan-NM, li teskludi minn dan il-kapitolu preparazzjonijiet u supplimenti tal-ikel kif ukoll xorb barra l-preparazzjonijiet nutrittivi li jiġu somministrati fil-vina, tikkostitwixxi mezz validu ta’ interpretazzjoni tan-NM. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kemm-il darba ddeċidiet, li kemm in-noti li jippreċedu l-kapitoli tat-Tariffa Doganali Komuni kif ukoll in-noti ta’ spjega tas-Sistema Armonizzata ta’ Deskrizzjoni u ta’ Kodifikazzjoni ta’ Merkanzija, imfassla mill-Kunsill ta’ Kooperazzjoni Doganali, li sar l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana, jistgħu jitqiesu li huma mezzi validi għall-interpretazzjoni ta’ din it-tariffa (ara s-sentenzi Neckermann Versand, C‑395/93, EU:C:1994:318, punt 5; Société Pardo & Fils u Camicas, C‑59/94 u C‑64/94, EU:C:1995:326, punt 10, kif ukoll Wiener SI, C‑338/95, EU:C:1997:552, punt 11).
27
Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li n-noti ta’ spjegazzjoni mfassla, f’dak li jikkonċerna l-imsemmija sistema armonizzata, mill-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana u, f’dak li jikkonċerna n-NM, mill-Kummissjoni Ewropea, huma ta’ natura interpretattiva u ma humiex legalment vinkolanti (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi DFDS, C‑396/02, EU:C:2004:536, punt 28; Kawasaki Motors Europe, C‑15/05, EU:C:2006:259, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll JVC France, C-312/07, EU:C:2008:324, punt 37).
28
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li jirriżulta mill-formulazzjoni stess tan-nota 1(a), inkluża fil-Kapitolu 30 tan-NM li minnha huma esklużi l-ikel jew ix-xarbiet djetetiċi, barra preparazzjonijiet nutrittivi biex jingħataw fil-vina, li, mingħajr ma jiffurmaw parti mill-ikel ta’ kuljum, huma madankollu użati għal għanijiet purament ta’ ikel.
29
F’dan il-każ, għandu jiġi enfasizzat li, skont id-deskrizzjoni mogħtija mill-qorti tar-rinviju, il-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali fihom sustanzi attivi, li huma intiżi għall-bejgħ bl-imnut, huma pprovduti b’manwal multilingwi tal-użu u ppakkjati f’pakketti sintetiċi li għandhom 500 ml ta’ prodott u li għandhom konnessjoni speċjali għat-tubu gastriku.
30
Barra dan, fid-dawl tal-proprjetajiet oġġettivi tal-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, b’mod partikolari l-bejgħ bl-imnut tagħhom, l-użu tagħhom fil-qasam mediku kif ukoll il-fatt li huma intenzjonati għas-somministrazzjoni lil pazjenti, permezz ta’ tubu gastriku u taħt sorveljanza medika, bil-għan tal-prevenzjoni u tat-trattament tad-denutrizzjoni marbuta ma’ mard jew ma’ kundizzjonijiet, għandu jiġi konkluż li dawn il-prodotti huma ppreparati bi skopijiet terapewtiċi u profilattiċi fis-sens tal-intestatura tariffarja 3004.
31
Għalhekk, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda għandha tkun li l-intestatura tariffarja 3004 tan-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li l-kunċett ta’ “medikamenti” fis-sens ta’ din l-intestatura tinkludi preparazzjonijiet tal-ikel intiżi esklużivament sabiex jiġu ssomministrati, taħt sorveljanza medika u b’mod enterali (permezz ta’ tubu gastriku), lil persuni li lilhom tiġi pprovduta kura medika, hekk li, fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-marda jew il-kundizzjoni li dawn tal-aħħar għandhom, din is-somministrazzjoni għandha bħala għan li tipprevjeni jew li tiġġieled id-denutrizzjoni ta’ dawn il-persuni.
Fuq it-tieni domanda preliminari
32
Fid-dawl tar-risposta li ngħatat għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju.
Fuq l-ispejjeż
33
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-intestatura tariffarja 3004 tan-Nomenklatura Magħquda, li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Komuni ta’ Dwana, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1549/2006, tas-17 ta’ Ottubru 2006, għandha tiġi interpretata fis-sens li l-kunċett ta’ “medikamenti” fis-sens ta’ din l-intestatura tinkludi preparazzjonijiet tal-ikel intiżi esklużivament sabiex jiġu ssomministrati, taħt sorveljanza medika u b’mod enterali (permezz ta’ tubu gastriku), lil persuni li lilhom tiġi pprovduta kura medika, hekk li, fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-marda jew il-kundizzjoni li dawn tal-aħħar għandhom, din is-somministrazzjoni għandha bħala għan li tipprevjeni jew li tiġġieled id-denutrizzjoni ta’ dawn il-persuni.
Firem
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.
Full & Egal Universal Law Academy