SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
9 ta’ Ottubru 2014 ( *1 )
“Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Direttivi 95/59/KE u 2011/64/UE — Struttura u rati tad-dazju tas-sisa fuq it-tabakk immanifatturat — Determinazzjoni ta’ dazju tas-sisa — Prinċipju li jistabbilixxi rata tad-dazju tas-sisa għas-sigaretti kollha — Possibbiltà għall-Istati Membri li jistabbilixxu ammont minimu ta’ dazju tas-sisa — Sigaretti li jaqgħu fl-inqas kategorija ta’ prezz għolja — Leġiżlazzjoni nazzjonali — Kategorija speċifika ta’ sigaretti — Iffissar tad-dazju tas-sisa għal 115 %”
Fil-Kawża C‑428/13,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (l-Italja) permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Lulju 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Lulju 2013, fil-proċedura
Ministero dell’Economia e delle Finanze,
Amministrazione Autonoma dei Monopoli di Stato (AAMS)
vs
Yesmoke Tobacco SpA,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn T. von Danwitz (Relatur), President tal-Awla, C. Vajda, A. Rosas, E. Juhász u D. Šváby, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Szpunar,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
—
għal Yesmoke Tobacco SpA, minn G. Contaldi, avukat,
—
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato,
—
għall-Gvern Spanjol, minn M. J. García-Valdecasas Dorrego, bħala aġent,
—
għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u F. Gloaguen, bħala aġenti,
—
għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, M. Rebelo u J. Colaço, bħala aġenti,
—
għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Cordewener u D. Recchia, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 7(2) u 8(6) tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/64/UE, tal-21 ta’ Ġunju 2011, dwar l-istruttura u r-rati tad-dazju tas-sisa fuq it-tabakk manifatturat (ĠU L 176, p. 24).
2
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, il-Ministero dell’Economia e delle Finanze (Ministeru tal-Ekonomija u tal-Finanzi) u l-Amministrazione Autonoma dei Monopoli di Stato (AAMS) (Amministrazzjoni awtonoma tal-monopolji tal-Istat) u, min-naħa l-oħra, Yesmoke Tobacco Spa (iktar ’il quddiem “Yesmoke Tobacco”), dwar deċiżjoni tad-Direttur Ġenerali tal-AAMS intitolata “Ripartizione dei Prezzi delle sigarette — Tabella A” (Tqassim tal-prezzijiet tas-sigaretti — Tabella A), tal-11 ta’ Jannar 2012 (GURI Nru 16, tal-20 ta’ Jannar 2012, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li introduċiet dazju tas-sisa minimu unikament għas-sigaretti bi prezz bl-imnut iktar baxx minn dak tas-sigaretti fil-kategorija ta’ prezz li għaliha hemm l-ikbar domanda.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 95/59
3
Id-Direttiva tal-Kunsill 95/59/KE, tas-27 ta’ Novembru 1995, dwar taxxi li mhumiex taxxi fuq il-qliegħ li jaffettwaw il-konsum ta’ tabakk manifatturat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 283), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2010/12/UE, tas-16 ta’ Frar 2010 (ĠU L 50, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 95/59”), tipprovdi fl-Artikolu 8(2) tagħha:
“Ir-rata tat-taxxxa tas-sisa proporzjonali u l-ammont tat-taxxa tas-sisa speċifika għandha tkun l-istess għas-sigaretti kollha.”
4
L-Artikolu 16(7) tad-Direttiva 95/59/KE jipprovdi:
“Soġġett għall-paragrafi 3, 4, 5 u 6, l-Istati Membri jistgħu jimponu dazju tas-sisa minimu fuq is-sigaretti.”
Id-Direttiva 2011/64
5
Skont il-premessi 2, 3, 9, 14 u 16 tad-Direttiva 2011/64:
“(2)
Jeħtieġ li l-leġiżlazzjoni fiskali tal-Unjoni dwar il-prodotti tat-tabakk tiżgura t-tħaddim tajjeb tas-suq intern u, fl-istess ħin, livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa, kif rikjest mill-Artikolu 168 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, meta jitqies li l-prodotti tat-tabakk jistgħu jikkawżaw dannu serju għas-saħħa u li l-Unjoni hija Parti fil-Konvenzjoni Qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Kontroll tat-Tabakk (FCTC). Għandu jittieħed kont tal-qagħda prevalenti għal kull wieħed mit-tipi varji ta’ tabakk manifatturat.
(3)
Wieħed mill-għanijiet tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea huwa li jimmantjeni unjoni ekonomika, li l-karatteristiċi tagħha huma simili għal dawk ta’ suq domestiku, fejn hemm kompetizzjoni attiva. Fejn jidħol tabakk manifatturat, l-intenzjoni wara dan il-għan hija biex l-applikazzjoni fl-Istati Membri tat-taxxi li jaffettwaw il-konsum ta’ prodotti f’dan is-settur ma toħloqx distorsjoni fil-kondizzjonijiet tal-kompetizzjoni u ma tfixkilx il-moviment liberu fi ħdan l-Unjoni.
[...]
(9)
Sa fejn dazji tas-sisa huma kkonċernati, l-armonizzazzjoni tal-istrutturi għandha, b’mod partikolari, tirriżulta f’kompetizzjoni fid-diversi kategoriji ta’ tabakk manifatturat li jiffurmaw parti mill-istess grupp li ma ġġarrabx distorsjoni bl-effetti tal-imposizzjoni tat-taxxa u, konsegwentement, fil-ftuħ tas-swieq nazzjonali tal-Istati Membri.
[...]
(14)
Fir-rigward tas-sigaretti, kondizzjonijiet newtrali ta’ kompetizzjoni għall-manifatturi għandhom ikunu assigurati, id-diviżjoni tas-swieq tat-tabakk għandha titnaqqas u l-għanijiet tas-saħħa għandhom ikunu enfasizzati. Għalhekk, rekwiżit minimu relatat mal-prezz għandu jirreferi għall-prezz medju ppeżat [ponderat] tal-bejgħ bl-imnut, waqt li minimu monetarju għandu jkun applikabbli għas-sigaretti kollha. Għall-istess raġunijiet, il-prezz medju ppeżat tal-bejgħ bl-imnut għandu jservi wkoll bħala referenza għall-kejl tal-importanza ta’ dazju tas-sisa speċifiku fil-piż totali tat-taxxa.
[...]
(16)
Tali konverġenza tgħin ukoll biex tiżgura livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa tal-bniedem. Il-livell ta’ tassazzjoni huwa fattur ewlieni fil-prezz tal-prodotti tat-tabakk, li min-naħa tiegħu jinfluwenza d-drawwiet tat-tipjip tal-konsumaturi. Il-frodi u l-kuntrabandu jimminaw il-livelli tal-prezz ikkaġunati mit-taxxa, b’mod partikolari tas-sigaretti u tabakk imqatta’ fin intenzjonat għall-brim tas-sigaretti u għalhekk jipperikolaw il-kisba tal-għanijiet tal-kontroll fuq it-tabakk u l-protezzjoni tas-saħħa.”
6
L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2011/64 jipprovdi:
“Din id-Direttiva tistabbilixxi prinċipji ġenerali għall-armonizzazzjoni tal-istruttura u r-rati tad-dazju tas-sisa li l-Istati Membri jimponu fuq it-tabakk manifatturat.”
7
Artikolu 7(1) u (2) tad-Direttiva 2011/64 jaqra kif ġej:
“1. Sigaretti manifatturati fl-Unjoni u dawk impurtati minn pajjiżi terzi għandhom ikunu soġġetti għal dazju tas-sisa ad valorem ikkalkolat fuq il-prezz massimu tal-bejgħ bl-imnut, inklużi dazji doganali, u anke għal dazju tas-sisa speċifiku kkalkolat fuq kull unit tal-prodott.
Minkejja l-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri jistgħu jeskludu d-dazji doganali mill-bażi għall-kalkolu tad-dazju tas-sisa ad valorem fuq is-sigaretti.
2. Ir-rata tad-dazju tas-sisa ad valorem u l-ammont tad-dazju tas-sisa speċifiku għandhom ikunu l-istess għas-sigaretti kollha.”
8
L-Artikolu 8(3) sa (6) tad-Direttiva 2011/64 jipprovdi:
“3. Sal-31 ta’ Diċembru 2013 il-komponent speċifiku tad-dazju tas-sisa ma għandux ikun inqas minn 5 % u ma għandux ikun aktar minn 76,5 % tal-ammont tal-piż totali tat-taxxa li jirriżulta mill-aggregazzjoni ta’ li ġej:
(a)
dazju tas-sisa speċifiku;
(b)
id-dazju tas-sisa ad valorem u t-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) imposta fuq il-prezz medju ppeżat [ponderat] tal-bejgħ bl-imnut.
4. Mill-1 ta’ Jannar 2014, il-komponent speċifiku tad-dazju tas-sisa fuq is-sigaretti ma għandux ikun inqas minn 7,5 % u ma għandux ikun aktar minn 76,5 % tal-ammont tal-piż totali tat-taxxa li jirriżulta mill-aggregazzjoni ta’ li ġej:
(a)
dazju tas-sisa speċifiku;
(b)
id-dazju tas-sisa ad valorem u l-VAT imposta fuq il-prezz medju ppeżat tal-bejgħ bl-imnut.
5. B’deroga mill-paragrafi 3 u 4, fejn bidla fil-prezz medju ppeżat tal-bejgħ bl-imnut tas-sigaretti sseħħ fi Stat Membru, u b’hekk iġġib il-komponent speċifiku tad-dazju tas-sisa, espress bħala perċentwal tal-piż totali tat-taxxa, taħt il-perċentwal ta’ 5 % jew 7,5 %, skont liema jkun applikabbli, jew ’il fuq mill-perċentwal ta’ 76,5 % tal-piż totali tat-taxxa, l-Istat Membru kkonċernat jista’ ma jaġġustax l-ammont tad-dazju tas-sisa speċifiku sal-1 ta’ Jannar tat-tieni sena wara dik li fiha sseħħ il-bidla.
6. Soġġett għall-paragrafi 3, 4 u 5 ta’ dan l-Artikolu u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(1), l-Istati Membri jistgħu jimponu dazju tas-sisa minimu fuq is-sigaretti.”
9
L-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2011/64 jipprovdi:
“Id-dazju tas-sisa globali (dazju speċifiku u/jew dazju ad valorem minbarra l-VAT), imfisser bħala persentaġġ, bħala ammont għal kull kilogramm jew għal numru mogħti ta’ oġġetti, għandu jkun mill-anqas ekwivalenti għar-rati jew għall-ammonti minimi stipulati għal:
(a)
sigarri u sigarri żgħar: 5 % tal-prezz tal-bejgħ bl-imnut li jinkludi t-taxxi kollha jew EUR 12 għal kull 1 000 wieħed jew għal kull kilogramm;
(b)
tabakk imqatta’ fin għat-tipjip intiż għall-brim tas-sigaretti: 40 % tal-prezz tal-bejgħ bl-imnut ta’ tabakk imqatta’ fin għat-tipjip intiż għall-brim tas-sigaretti rilaxxat għall-konsum, jew EUR 40 għal kull kilogramm;
(c)
tabakk ieħor għat-tipjip: 20 % tal-prezz tal-bejgħ bl-imnut li jinkludi t-taxxi kollha, jew EUR 22 għal kull kilogramm.
Mill-1 ta’ Jannar 2013, id-dazju tas-sisa globali fuq tabakk għat-tipjip imqatta’ fin intiż għall-brim tas-sigaretti għandu jirrappreżenta tal-anqas 43 % tal-prezz medju ppeżat [ponderat] tal-bejgħ bl-imnut tat-tabakk għat-tipjip imqatta’ fin intiż għall-brim tas-sigaretti rilaxxat għall-konsum, jew tal-anqas EUR 47 għal kull kilogramm.
Mill-1 ta’ Jannar 2015, id-dazju tas-sisa globali fuq tabakk għat-tipjip imqatta’ fin intiż għall-brim tas-sigaretti għandu jirrappreżenta tal-anqas 46 % tal-prezz medju ppeżat tal-bejgħ bl-imnut tat-tabakk għat-tipjip imqatta’ fin intiż għall-brim tas-sigaretti rilaxxat għall-konsum, jew tal-anqas EUR 54 għal kull kilogramm.
Mill-1 ta’ Jannar 2018, id-dazju tas-sisa globali fuq tabakk tat-tipjip imqatta’ fin intiż għall-brim tas-sigaretti għandu jirrappreżenta tal-anqas 48 % tal-prezz medju ppeżat tal-bejgħ bl-imnut tat-tabakk għat-tipjip imqatta’ fin intiż għall-brim tas-sigaretti rilaxxat għall-konsum, jew tal-anqas EUR 60 għal kull kilogramm.
Mill-1 ta’ Jannar 2020, id-dazju tas-sisa globali fuq tabakk għat-tipjip imqatta’ fin intiż għall-brim tas-sigaretti għandu jirrappreżenta tal-anqas 50 % tal-prezz medju ppeżat tal-bejgħ bl-imnut tat-tabakk għat-tipjip imqatta’ fin intiż għall-brim tas-sigaretti rilaxxat għall-konsum, jew tal-anqas EUR 60 għal kull kilogramm.
Il-prezz medju ppeżat tal-bejgħ bl-imnut għandu jkun ikkalkulat b’referenza għall-valur totali tat-tabakk imqatta’ fin intiż għall-brim tas-sigaretti rilaxxat għall-konsum, ibbażat fuq il-prezz tal-bejgħ bl-imnut inklużi t-taxxi kollha, diviż bil-kwantità totali tat-tabakk imqatta’ fin intiż għall-brim tas-sigaretti rilaxxat għall-konsum. Dan għandu jiġi ddeterminat mhux aktar tard mill-1 ta’ Marzu ta’ kull sena abbażi ta’ dejta relatata mar-rilaxx għall-konsum kollu li jkun sar fis-sena kalendarja preċedenti.”
10
L-Artikolu 21 tad-Direttiva 2011/64 jipprovdi:
“Id-Direttivi 92/79/KEE, 92/80/KEE u 95/59/KE, kif emendati mid-Direttivi mniżżla fl-Anness I, Parti A, huma mħassra, bla ħsara għall-obbligi tal-Istati Membri rigward il-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u l-applikazzjoni tad-Direttivi mniżżla fl-Anness I, Parti B.
Referenzi għad-Direttivi mħassra għandhom jiġu jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness II.”
11
L-Artikolu 22 ta’ din id-direttiva jipprovdi li din tal-aħħar għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2011.
Id-dritt Taljan
12
Intitolat “Tabelli ta’ tqassim tal-prezzijiet tal-bejgħ bl-imnut”, l-Artikolu 39d tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 504, tas-26 ta’ Ottubru 1995 (Suppliment ordinarju għall-GURI Nru 279, tad-29 ta’ Novembru 1995), liema digriet ġie emendat bl-Artikolu 55(2a)(c) tal-Liġi Nru 122, tat-30 ta’ Lulju 2010 (Suppliment ordinarju għall-GURI Nru 176, tat-30 ta’ Lulju 2010, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv”), jipprovdi:
“1. It-tabelli ta’ tqassim tal-prezzijiet tal-bejgħ bl-imnut tat-tabakk immanifatturat għandhom jiġu stabbiliti permezz ta’ miżura tad-Direttur tal-Amministrazzjoni awtonoma tal-monopolji tal-Istat, li għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika Taljana. Il-prezzijiet tal-bejgħ tal-prodotti previsti fl-Artikolu 39a(1)(a) u (b) għandhom jiġu ffissati b’riferiment għall-kilogramma konvenzjonali, li tikkorrispondi rispettivament għal:
(a)
200 sigarru;
(b)
400 sigarru żgħir;
(c)
1000 sigarett.
2. Għas-sigaretti, it-tabelli previsti fil-paragrafu 1 għandhom jiġu stabbiliti b’riferiment għas-sigaretti fil-kategorija ta’ prezz li għaliha hemm l-ikbar domanda, iddeterminata kull tliet xhur skont id-data miġbura fl-ewwel jum ta’ kull trimestru kalendarju u, f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-element speċifiku tad-dazju tas-sisa, skont il-prezz medju ponderat tal-bejgħ bl-imnut tas-sigaretti previst fil-paragrafu 2a.
2a. Qabel l-1 ta’ Marzu ta’ kull sena kalendarja, l-Amministrazzjoni awtonoma tal-monopolji tal-Istat [AAMS] għandha tiddetermina, għas-sigaretti previsti fl-Artikolu 39a(1)(b), il-prezz medju ponderat tal-bejgħ bl-imnut għal kull kilogramma konvenzjonali [...] li huwa ekwivalenti għall-proporzjon, espressa f’euro u arrotondat sal-eqreb punt deċimali, bejn il-valur totali, ikkalkolat b’riferiment għall-prezz tal-bejgħ bl-imnut, inklużi t-taxxi kollha, tas-sigaretti rrilaxxati għall-konsum matul is-sena kalendarja preċedenti u l-kwantità totali ta’ dawn is-sigaretti.”
13
L-Artikolu 39g(3) u (4) tad-Digriet Leġiżlattiv, intitolat “Rati bażiċi u kalkolu tad-dażju tas-sisa fuq it-tabakk immanifatturat”, jipprovdi:
“3 Għas-sigaretti fil-kategorija ta’ prezz li għaliha hemm l-ikbar domanda, iddeterminata skont l-Artikolu 39d(2), id-dazju tas-sisa għandu jiġi kkalkolat billi tiġi applikata r-rata bażika xierqa għall-prezz tal-bejgħ bl-imnut. Dan l-ammont għandu jikkostitwixxi l-ammont bażiku.
4. Id-dazju tas-sisa dovut fuq is-sigaretti bi prezz tal-bejgħ bl-imnut iktar baxx minn dak tas-sigaretti fil-kategorija ta’ prezz li għaliha hemm l-ikbar domanda prevista fl-Artikolu 39d(2) għandu jkun 115 % tal-ammont bażiku previst fil-paragrafu 3.”
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
14
Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, id-Direttur Ġenerali tal-AAMS iffissa għal 115 % tal-ammont bażiku, abbażi tal-Artikolu 39g(4) tad-Digriet Leġiżlattiv, id-dazju tas-sisa minimu dovut għas-sigaretti bi prezz tal-bejgħ bl-imnut iktar baxx minn dak tas-sigaretti fil-kategorija ta’ prezz li għaliha hemm l-ikbar domanda.
15
Yesmoke Tobacco, li hija kumpannija li tipproduċi u tikkummerċjalizza s-sigaretti bi prezz iktar baxx minn dak tal-kategorija ta’ prezz li għaliha hemm l-ikbar domanda, kkontestat id-deċiżjoni kkontestata quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per il-Lazio (Qorti amministrattiva reġjonali ta’ Lazio) billi invokat il-fatt li din il-miżura kienet ekwivalenti, fl-effetti tagħha, għall-iffissar ta’ prezz minimu tal-bejgħ għas-sigaretti.
16
Permezz ta’ sentenza tal-5 ta’ April 2012, it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio annulla d-deċiżjoni kkontestata wara li eskluda l-applikazzjoni tal-Artikolu 39g tad-Digriet Leġiżlattiv. Dik il-qorti ddeċidiet li l-imsemmija deċiżjoni kienet de facto introduċiet mill-ġdid prezz minimu tal-bejgħ mill-ġdid tat-tabakk immanifatturat, ħaġa li, skontha, kienet tmur kontra s-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑571/08, EU:C:2010:367).
17
Fil-5 ta’ Ġunju 2012, il-Ministero dell’Economia e delle Finanze u l-AAMS appellaw minn dik is-sentenza quddiem il-Consiglio di Stato. Skonthom, il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-prezz minimu tal-bejgħ tas-sigaretti li fuqha ddeċieda t-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio ma għandha ebda rabta mad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi Artikolu 39g. Min-naħa l-oħra, din il-leġiżlazzjoni hija kompletament konformi mad-dritt tal-Unjoni għaliex id-Direttiva 2011/64 tippermetti lill-Istati Membri jimponu dazju tas-sisa minimu fuq is-sigaretti.
18
Il-qorti tar-rinviju tqis li l-eżitu tal-kawża prinċipali jiddependi mill-interpretazzjoni tad-Direttivi 95/59 u 2011/64.
19
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Consiglio di Stato ddeċieda li jissospendi l-proċeduri u jagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“L-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 95/59[...] u l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2011/64[...], bil-fatt li jipprovdu, rispettivament, li, minbarra l-ammont tad-dazju tas-sisa speċifiku, ir-rata tad-dazju tas-sisa proporzjonali u r-rata tad-dazju tas-sisa ad valorem, [...] għandhom ikunu l-istess għas-sigaretti kollha, jipprekludu li dispożizzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 39g(4) tad-Digriet Leġiżlattiv [...], tipprovdi li d-dazju tas-sisa dovut għas-sigaretti bi prezz tal-bejgħ lill-pubbliku iktar baxx minn dak tas-sigaretti fil-kategorija ta’ prezz li għaliha hemm l-ikbar domanda għandu jkun ta’ 115 % tal-ammont bażiku, u b’hekk tiffissa dazju tas-sisa b’rata fissa minima speċifika għas-sigaretti bi prezz tal-bejgħ iktar baxx u mhux ammont minimu ta’ dazju tas-sisa applikat għall-kategoriji kollha ta’ prezz tas-sigaretti, kif awtorizzat bl-Artikolu 16(7) tad-Direttiva 95/59[...] u bl-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2011/64[...]?”
Fuq id-domanda preliminari
20
Preliminarjament, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li l-kawża prinċipali tikkonċerna deċiżjoni tad-Direttur Ġenerali tal-AAMS li tiffissa r-rati tad-dazju tas-sisa fuq is-sigaretti, li ttieħdet fil-11 ta’ Jannar 2012. Issa skont l-Artikoli 21 u 22 tad-Direttiva 2011/64, din id-direttiva ħassret u ssostitwixxiet id-Direttiva 95/59 mill-1 ta’ Jannar 2011. Għalhekk id-domanda magħmula għandha tiġi eżaminata biss b’riferiment għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/64.
21
Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat li l-qorti tar-rinviju tirreferi għall-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2011/64, li jinsab fil-Kapitolu 4 tagħha intitolat “Dispożizzjonijiet applikabbli għat-tabakk manifatturat minbarra s-sigaretti” u li ma jikkonċernax is-sigaretti. Issa s-sistema tad-dazju tas-sisa minimu li hija s-suġġett tad-domanda preliminari hija prevista fl-Artikolu 8(6) tad-Direttiva 2011/64. Għalhekk, id-domanda preliminari għandha tinftiehem li tirreferi għall-Artikolu 8(6) ta’ din id-direttiva u mhux għall-Artikolu 14(2) tagħha.
22
Minn dan jirriżulta li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 7(2) u 8(6) tad-Direttiva 2011/64 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali li, minflok ma tistabbilixxi dazju tas-sisa minimu identiku għas-sigaretti kollha, tistabbilixxi dazju tas-sisa minimu li japplika biss għas-sigaretti bi prezz tal-bejgħ bl-imnut iktar baxx minn dak tas-sigaretti fil-kategorija ta’ prezz li għaliha hemm l-ikbar domanda.
23
L-għan tad-Direttiva 2011/64 huwa li tistabbilixxi prinċipji ġenerali għall-armonizzazzjoni tal-istruttura u tar-rati tad-dazju tas-sisa li l-Istati Membri jimponu fuq it-tabakk manifatturat. B’mod partikolari mill-premessi 2, 3, 9 u 14 tad-Direttiva 2011/64 jirriżulta li l-iskop ta’ din tal-aħħar huwa li jiġu żgurati l-funzjonament tas-suq intern u kundizzjonijiet newtrali tal-kompetizzjoni. B’mod partikolari, l-armonizzazzjoni tal-istrutturi tad-dazji tas-sisa ma jistax ikollha l-effett li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-settur tat-tabakk.
24
F’dak li jirrigwarda s-sigaretti, l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2011/64 jissuġġetta s-sigaretti mmanifatturati fl-Unjoni u dawk importati minn pajjiżi terzi għal dazju tas-sisa globali kompost minn dazju tas-sisa ad valorem, ikkalkolat fuq il-prezz massimu tal-bejgħ bl-imnut, u għal dazju tas-sisa speċifiku, ikkalkolat fuq kull unità tal-prodott. L-ammont impost bħala d-dazju tas-sisa globali jvarja skont il-prezz tal-bejgħ tas-sigaretti, peress li d-dazju tas-sisa ad valorem huwa ffissat skont il-prezz tal-bejgħ, u inqas ma jkun għoli l-prezz tal-bejgħ inqas ma jkun għoli d-dazju tas-sisa ad valorem u bil-maqlub.
25
L-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2011/64 jispeċifika li r-rata tad-dazju tas-sisa ad valorem u l-ammont tad-dazju tas-sisa speċifiku għandhom ikunu l-istess għas-sigaretti kollha. Mill-kliem innifsu tal-paragrafi 1 u 2 tal-imsemmi Artikolu 7 jirriżulta li l-impożizzjoni tad-dazju tas-sisa globali hija obbligatorja għas-sigaretti kollha, indipendentement mill-karatteristiċi tagħhom u mill-prezz tagħhom.
26
Madankollu, skont l-Artikolu 8(6) tad-Direttiva 2011/64, l-Istati Membri jistgħu, fuq bażi fakultattiva, jimponu dazju tas-sisa minimu fuq is-sigaretti, bla ħsara, b’mod partikolari, għall-paragrafi 3 sa 5 tal-Artikolu 8 li jistabbilixxu r-rati li għandhom jiġu osservati sabiex jiġi ddeterminat id-dazju tas-sisa speċifiku.
27
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-aġġettiv “minimu” ifisser li d-dazju tas-sisa, previst fl-Artikolu 8(6) tad-Direttiva 2011/64, jirrappreżenta livell minimu ta’ tassazzjoni li taħtu ma jistax ikun hemm tnaqqis proporzjonali fit-taxxa dovuta. Kif osservat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, id-dazju tas-sisa minimu jippermetti li d-dazju tas-sisa ad valorem ma jkollux effett proporzjonali taħt il-livell minimu ta’ tassazzjoni.
28
Fid-dawl tal-fatt li l-impożizzjoni tad-dazju tas-sisa globali hija obbligatorja għas-sigaretti kollha indipendentement mill-karatteristiċi tagħhom u mill-prezz tagħhom, dazju tas-sisa minimu, previst mill-Istati Membri abbażi tal-Artikolu 8(6) tad-Direttiva 2011/64, għandu japplika għas-sigaretti kollha, indipendentement mill-karatteristiċi tagħhom u mill-prezz tagħhom (ara, f’dan is-sens, f’dak li jirrigwarda d-Direttiva 95/59, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑302/00, EU:C:2002:123, punt 20).
29
Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li d-Direttiva 2011/64 tagħmel distinzjoni bejn id-diversi kategoriji ta’ tabakk immanifatturat li huwa s-suġġett tal-armonizzazzjoni prevista minnha, jiġifieri s-sigaretti, is-sigarri u s-sigarri żgħar, it-tabakk imqatta’ fin u tabakk ieħor għat-tipjip, mingħajr madankollu ma tagħmel distinzjoni bejn id-diversi kategoriji ta’ sigaretti. Għalhekk, is-sigaretti għandhom jitqiesu li huma kategorija waħda ta’ tabakk immanifatturat għall-finijiet tad-Direttiva 2011/64.
30
L-istabbiliment ta’ dazju tas-sisa minimu biss għal ċerti kategoriji ta’ sigaretti, bħal dak previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jippermetti li, għal ċerti kategoriji oħra ta’ sigaretti, jiġi impost ammont, bħala dazju tas-sisa globali, li jkun iktar baxx mid-dazju tas-sisa minimu, minkejja li, skont id-Direttiva 2011/64, l-introduzzjoni ta’ dan id-dazju tas-sisa minimu tfittex li tevita, f’kuntest ta’ prezz baxx, li ma jkunx jista’ jkun hemm tnaqqis proporzjonali tat-taxxa dovuta taħt dan il-livell u b’hekk tevita li l-livell ta’ tassazzjoni tal-inqas sigaretti għaljin ikun baxx wisq.
31
Jekk l-Istati Membri jagħmlu użu mill-possibbiltà li jistabbilixxu dazju tas-sisa minimu, skont l-Artikolu 8(6) tad-Direttiva 2011/64, tali leġiżlazzjoni għandha tidħol fil-qafas iddefinit minn din id-direttiva u ma tistax tmur kontra l-għanijiet ta’ din tal-aħħar. Issa l-istabbiliment ta’ livelli minimi ta’ tassazzjoni differenti skont il-karatteristiċi jew il-prezz tas-sigaretti jwassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn id-diversi sigaretti u għalhekk imur kontra l-għan li jiġu żgurati l-funzjonament tajjeb tas-suq intern u kundizzjonijiet newtrali tal-kompetizzjoni, li d-Direttiva 2011/64 tfittex li tilħaq.
32
Dan huwa preċiżament dak li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tipprovdi għall-applikazzjoni ta’ dazju tas-sisa, iffissat għal 115 % tad-dazju tas-sisa applikabbli għall-kategorija ta’ prezz li għaliha hemm l-ikbar domanda, biss għas-sigaretti bi prezz tal-bejgħ iktar baxx minn dak tas-sigaretti fil-kategorija ta’ prezz li għaliha hemm l-ikbar domanda.
33
Fil-fatt, fil-kawża prinċipali, id-deċiżjoni kkontestata tindika, kif jirriżulta mit-tabella annessa mal-imsemmija deċiżjoni, li s-sigaretti fil-kategorija ta’ prezz li għaliha hemm l-ikbar domanda huma s-sigaretti li l-prezz tal-bejgħ bl-imnut tagħhom huwa ta’ EUR 210 għal kull elf sigarett u li fuqhom huwa impost, b’applikazzjoni tad-dazju tas-sisa globali, ammont ta’ dazju tas-sisa, imsejjaħ “ammont bażiku”, ta’ EUR 122.85 għal kull elf sigarett. B’applikazzjoni tal-Artikolu 39g tad-Digriet Leġiżlattiv, is-sigaretti bi prezz iktar baxx minn dak tal-kategorija ta’ sigaretti li għaliha hemm l-ikbar domanda, u għalhekk iktar baxx minn EUR 210 għal kull elf sigarett, huma suġġetti għal dazju tas-sisa ta’ 115 % tal-ammont bażiku, li jirrappreżenta 115 % × EUR 122.85, jiġifieri EUR 141.28 għal kull elf sigarett. Għalhekk, b’applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Taljana, is-sigarett li l-prezz tal-bejgħ bl-imnut tagħhom huwa iktar baxx minn EUR 210 għal kull elf sigarett huma suġġetti għal ammont ta’ dazju tas-sisa ikbar mill-ammont ta’ dazju tas-sisa li għalih huma suġġetti, b’applikazzjoni tad-dazju tas-sisa globali, is-sigaretti bi prezz tal-bejgħ bl-imnut bejn EUR 210 u EUR 243 għal kull elf sigarett.
34
Għalhekk il-leġiżlazzjoni Taljana tistabbilixxi sistema li fiha l-ammont impost fuq is-sigaretti fil-kategorija ta’ prezz li għaliha hemm l-ikbar domanda, b’applikazzjoni tad-dazju tas-sisa globali, huwa iktar baxx mill-ammont impost bħala dazju tas-sisa minimu fuq l-inqas sigaretti għaljin, sitwazzjoni li twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni u li tmur kontra l-għanijiet tad-Direttiva 2011/64.
35
F’dak li jirrigwarda l-għan ta’ saħħa pubblika li ġie invokat mill-Gvern Taljan, mill-Gvern Spanjol, mill-Gvern Franċiż u mill-Gvern Portugiż fl-osservazzjonijiet bil-miktub rispettivi tagħhom ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jiġi kkonstatat li d-Direttiva 2011/64 tieħu inkunsiderazzjoni, skont il-premessi 2, 14 u 16 tagħha, l-għan tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika. B’mod partikolari, il-premessa 16 ta’ din id-direttiva tispeċifika li l-livell ta’ tassazzjoni huwa fattur ewlieni fil-prezz tal-prodotti tat-tabakk, li min-naħa tiegħu jinfluwenza d-drawwiet tat-tipjip tal-konsumaturi. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, f’dak li jirrigwarda l-prodotti tat-tabakk, il-leġiżlazzjoni fiskali tikkostitwixxi strument importanti u effikaċi fil-ġlieda kontra l-konsum ta’ dawn il-prodotti u, għaldaqstant, għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika (ara, f’dan is-sens, f’dak li jirrigwarda d-Direttiva 95/59, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, EU:C:2010:367, punt 51).
36
Sakemm il-miżuri nazzjonali jidħlu fil-qafas iddefinit minnha, id-Direttiva 2011/64 ma timpedixxix lill-Istati Membri milli jiġġieldu kontra t-tipjip u milli jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika permezz tal-impożizzjoni ta’ dazji tas-sisa (ara, f’dan is-sens, f’dak li jirrigwarda d-Direttiva 95/59, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, EU:C:2010:367, punt 48).
37
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikoli 7(2) u 8(6) tad-Direttiva 2011/64 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, minflok ma tistabbilixxi dazju tas-sisa minimu identiku għas-sigaretti kollha, tistabbilixxi dazju tas-sisa minimu li japplika biss għas-sigaretti bi prezz tal-bejgħ bl-imnut iktar baxx minn dak tas-sigaretti fil-kategorija ta’ prezz li għaliha hemm l-ikbar domanda.
Fuq l-ispejjeż
38
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikoli 7(2) u 8(6) tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/64/UE, tal-21 ta’ Ġunju 2011, dwar l-istruttura u r-rati tad-dazju tas-sisa fuq it-tabakk manifatturat, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, minflok ma tistabbilixxi dazju tas-sisa minimu identiku għas-sigaretti kollha, tistabbilixxi dazju tas-sisa minimu li japplika biss għas-sigaretti bi prezz tal-bejgħ bl-imnut iktar baxx minn dak tas-sigaretti fil-kategorija ta’ prezz li għaliha hemm l-ikbar domanda.
Firem
( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.
Full & Egal Universal Law Academy