SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
21 ta’ Jannar 2015 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 93/13/KEE — Kuntratti konklużi bejn bejjiegħa jew fornituri u konsumaturi — Kuntratti ipotekarji — Klawżoli ta’ interessi moratorji — Klawżoli inġusti — Proċedura għall-eżekuzzjoni ta’ ipoteki — Moderazzjoni tal-ammont tal-interessi — Ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali”
Fil-Kawżi magħquda C‑482/13, C‑484/13, C‑485/13 u C‑487/13,
li għandhom bħala għan talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Juzgado de Primera Instancia e Instrucción de Marchena (Spanja), permezz ta’ deċiżjonijiet tat-12 ta’ Awwissu 2013, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Settembru 2013, fil-proċeduri
Unicaja Banco, SA
vs
José Hidalgo Rueda,
María del Carmen Vega Martín,
Gestión Patrimonial Hive SL,
Francisco Antonio López Reina,
Rosa María Hidalgo Vega (C‑482/13),
u
Caixabank SA
vs
Manuel María Rueda Ledesma (C‑484/13),
Rosario Mesa Mesa (C‑484/13),
José Labella Crespo (C‑485/13),
Rosario Márquez Rodríguez (C‑485/13),
Rafael Gallardo Salvat (C‑485/13),
Manuela Márquez Rodríguez (C‑485/13),
Alberto Galán Luna (C‑487/13),
Domingo Galán Luna (C‑487/13),
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, S. Rodin, E. Levits (Relatur), M. Berger u F. Biltgen (Imħallfin),
Avukat Ġenerali: N. Wahl,
Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Settembru 2014,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
—
għal Unicaja Banco, SA, minn J. Almoguera Valencia, avukat,
—
għal Caixabank SA, minn J. Rodríguez Cárcamo u B. García Gómez, avukati,
—
għall-Gvern Spanjol, minn A. Rubio González u S. Centeno Huerta, bħala aġenti,
—
għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Rius, M. van Beek u G. Valero Jordana, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta’ Ottubru 2014,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1
It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill Nru 93/13 KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).
2
Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ tilwimiet bejn, minn naħa, Unicaja Banco, SA (iktar ’il quddiem “Unicaja Banco”) u J. Hidalgo Rueda, M. Del Carmen Vega Martín, Gestión Patrimonial Hive SL, F.A. López Reina u R.M. Hidalgo Vega, u min-naħa l-oħra, Caixabank SA (iktar ’il quddiem “Caixabank”) u, l-ewwel nett, M.M. Rueda Ledesma u R. Mesa Mesa, it-tieni nett, J. Labella Crespo, R. Márquez Rodríguez, R. Gallardo Salvat u M. Márquez Rodríguez u, it-tielet nett, A. Galán Luna u D. Galán Luna, dwar l-irkupru ta’ djun mhux imħallsa li jirriżultaw minn kuntratti ta’ self ipotekarju konklużi bejn dawn il-partijiet fil-kawżi prinċipali.
Il-kuntest ġuridiku
Id-Direttiva Nru 93/13
3
L-Artikolu 1 (2) tad-Direttiva 93/13 jipprovdi:
“Il-klawżoli kuntrattwali li jirriflettu disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji u d-disposizzjonijiet jew il-prinċipji ta’ konvenzjonijiet internazzjonali li għalihom ikunu parti l-Istati Membri jew il-Komunità, b’mod partikolari fil-qasam tat-trasport, m’għandhomx ikunu suġġetti għad-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.”
4
L-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi kif ġej:
“Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.”
5
L-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva jippreċiża:
“[...] il-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali għandu jiġi stmat, billi titqies in-natura tal-merkanzija jew servizzi li għalihom ikun kien konkluż il-kuntratt u ssir referenza, filwaqt li jiġi konkluż il-kuntratt, għaċ-ċirkostanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt u għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu.”
6
L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva Nru 93/13 jipprovdi:
“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”
7
Skont l-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva:
“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.”
Id-dritt Spanjol
8
Taħt id-dritt Spanjol, il-protezzjoni tal-konsumaturi kontra l-klawżoli inġusti kienet żgurata, l-ewwel nett, mil-Liġi Ġenerali 26/1984, dwar il-protezzjoni tal-konsumatur u tal-utenti (Ley General 26/1984 para la Defensa de los Consumidores y Usuarios), tad-19 ta’ Lulju 1984 (BOE Nru 176, tal-24 ta’ Lulju 1984, p. 21686).
9
Il-Liġi Ġenerali 26/1984 ġiet, sussegwentement, emendata bil-Liġi 7/1998, dwar il-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratti (Ley 7/1998 sobre Condiciones Generales de la Contratación), tat-13 ta’ April 1998 (BOE Nru 89, tal-14 ta’ April 1998, p. 12304), li ttrasponiet id-Direttiva fid-dritt intern Spanjol.
10
Dawn id-dispożizzjonijiet ġew inklużi fid-Digriet Irjali Leġiżlattiv 1/2007 li jirriformula l-liġi ġenerali dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-utenti u liġijiet oħra addizzjonali (Real Decreto Legislativo 1/2007 por el que se aprueba el texto refundido de la Ley General para la Defensa de los Consumidores y Usuarios y otras leyes complementarias), tas-16 ta’ Novembru 2007 (BOE Nru 287, tat-30 ta’ Novembru 2007, p. 49181).
11
Skont l-Artikolu 83 tad-Digriet Leġiżlattiv Irjali Nru 1/2007:
“1. Il-klawżoli inġusti għandhom ikunu awtomatikament nulli u għandhom jitqiesu li ma kinux jiffurmaw parti mill-kuntratt.
2. Il-parti tal-kuntratt ivvizjata b’nullità għandha tkun ikkoreġuta skont l-Artikolu 1258 tal-Kodiċi Ċivili u skont il-prinċipju ta’ bona fide oġġettiva
Għal dan l-għan, il-qorti li tiddeċiedi li dawn il-klawżoli huma nulli għandha tikkompleta l-kuntratt u għandha setgħa ta’ moderazzjoni fir-rigward tad-drittijiet u tal-obbligi tal-partijiet, meta l-kuntratt ikompli jeżisti, u fir-rigward tal-konsegwenzi tal-invalidità tiegħu meta dan jikkawża dannu kunsiderevoli lill-konsumatur u lill-utent. Il-qorti tista’ tiddikjara l-invalidità tal-kuntratt biss jekk il-klawżoli li jibqa’ jqegħdu lill-partijiet f’sitwazzjoni inġusta li ma tistax tiġi rrimedjata.”
12
Sussegwentement għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Marzu 2013, Aziz (C‑415/11, EU:C:2013:164), il-leġiżlazzjoni Spanjola dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi kienet ġiet emendata bil-Liġi 1/2013, li tistabbilixxi miżuri għat-tisħiħ tal-protezzjoni tad-debituri ipotekarji, ir-ristrutturazzjoni tad-dejn u l-kera soċjali (Ley 1/2013 de medidas para reforzar la protección a los deudores hipotecarios, reestructuración de deuda y alquiler social), tal-14 ta’ Mejju 2013 (BOE Nru 116, tal-15 ta’ Mejju 2013, p. 36373). Din il-liġi temenda b’mod partikolari ċerti dispożizzjonijiet tal-Liġi 1/2000 dwar il-Kodiċi tal-proċedura ċivili (Ley 1/2000 de Enjuiciamiento Civil), tas-7 ta’ Jannar 2000 (BOE Nru 7, tat-8 ta’ Jannar 2000, p. 575).
13
Għaldaqstant, l-Artikolu 552(1) tal-Kodiċi tal-proċedura ċivili kif emendat bl-Artikolu 7(1) tal-Liġi 1/2013 jipprovdi:
“Meta l-qorti tiddeċiedi li xi waħda mill-klawżoli li tidher f’titolu eżekuttiv imsemmi fl-Artikolu 557(1) tista’ tiġi kkunsidrata li hija inġusta, hija għandha talloka perijodu ta’ ħamset ijiem sabiex il-partijiet jinstemgħu. Wara li dawn jinstemgħu, hija għandha tagħti deċiżjoni fil-ħamest ijiem ta’ wara, skont l-Artikolu 561(1)(3).”
14
L-Artikolu 7(3) tal-Liġi 1/2013 żied subparagrafu (3) mal-Artikolu 561(1) tal-Kodiċi tal-proċedura ċivili li jipprovdi kif ġej:
“Meta klawżola waħda jew iżjed jitqiesu li huma inġusti, l-ordni li għandha tingħata għandha tiddetermina l-konsegwenzi ta’ tali natura inġusta, billi jew tiddeċiedi li ma hemmx lok għall-eżekuzzjoni jew tordna l-eżekuzzjoni mingħajr l-applikazzjoni tal-klawżoli kkunsidrati inġusti.”
15
L-Artikolu 7(14) tal-Liġi 1/2013 jemenda l-Artikolu 695 tal-Kodiċi tal-proċedura ċivili billi jippreċiża li l-eżistenza ta’ klawżoli inġusti tikkostitwixxi motiv ta’ oppożizzjoni skont kif ġej:
“1. Fil-proċeduri msemmija f’dan il-kapitolu, l-oppożizzjoni tal-konvenut għall-eżekuzzjoni għandha tintlaqa’ biss meta din tkun ibbażata fuq il-kawżi li ġejjin:
[...]
4. in-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li tikkostitwixxi l-bażi tal-eżekuzzjoni jew li tippermetti li jiġi ddeterminat l-ammont dovut.”
16
L-Artikolu 3(2) tal-Liġi 1/2013 jemenda wkoll l-Artikolu 114 tal-Liġi ipotekarja (Ley Hipotecaria) biż-żieda tat-tielet paragrafu li jaqra kif ġej:
“Interessi moratorji fuq self jew krediti għax-xiri ta’ abitazzjoni prinċipali, iggarantiti b’ipoteki imposti fuq l-abitazzjoni inkwistjoni, ma jistgħux ikunu iktar minn tliet darbiet ogħla mir-rata ta’ interessi statutorja u jistgħu jiddekorru biss fuq il-kapital li jkun għadu dovut. Dawn l-interessi moratorji fl-ebda ċirkustanza ma jistgħu jiġu kkapitalizzati, ħlief fil-każ imsemmi fl-Artikolu 579(2)(a) tal-Kodiċi tal-proċedura ċivili.”
17
Fl-aħħar nett, it-tieni dispożizzjoni tranżitorja tal-Liġi 1/2013 iżżid:
“Il-limitazzjoni tal-interessi moratorji fuq ipoteki fuq abitazzjonijiet prinċipali li jistabbilixxi l-Artikolu 3(2) għandha tapplika għal ipoteki kkostitwiti wara d-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi.
Bl-istess mod, din il-limitazzjoni għandha tapplika għall-interessi moratorji previsti fis-self li jinkludi garanzija ipotekarja fuq abitazzjoni prinċipali kkostitwita qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, meta dawn l-interessi jimmaturaw wara din id-data, u għall-interessi li, minkejja li jkunu mmaturaw sa din id-data, ma jkunux tħallsu.
Fi proċeduri għall-eżekuzzjoni jew għall-bejgħ extraġudizzjarju li jkunu bdew imma ma jkunux ġew konklużi fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, u fi proċeduri li fihom l-ammont li għalih tkun intalbet ordni ta’ eżekuzzjoni jew ordni għall-bejgħ extraġudizzjarju jkun diġà ġie ffissat, ir-Reġistratur tal-qorti jew in-nutar għandu jagħti lill-parti li titlob l-eżekuzzjoni perijodu ta’ għaxart ijiem sabiex taġġusta dan l-ammont skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu preċedenti.”
Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari
18
Il-kawżi prinċipali jirrigwardaw proċeduri għall-eżekuzzjoni ta’ ipoteki, imressqa minn Unicaja Banco u Caixabank intiżi għall-eżekuzzjoni forzata ta’ numru ta’ ipoteki kkostitwiti bejn il-5 ta’ Jannar 2007 u l-20 ta’ Awwissu 2010 għal ammonti ta’ bejn EUR 47 000 u EUR 249 000.
19
Fil-Kawża C‑482/13, is-self ipotekarju kien suġġett għal rata ta’ interessi moratorji ta’ 18 %, li setgħet tiżdied jekk iż-żieda ta’ erba’ punti mar-rata ta’ interessi aġġustata tirriżulta f’rata ta’ interessi ogħla, suġġetta madankollu għal rata nominali massima ta’ 25 % fis-sena. Fil-Kawżi C‑484/13, C‑485/13 u C‑487/13, is-self ipotekarju kien suġġett għal rata ta’ interessi moratorji ta’ 22.5 %.
20
Barra minn hekk, il-kuntratti ta’ self kollha kkonċernati fil-kawżi prinċipali jinkludu klawżola li abbażi tagħha, fil-każ li min jissellef jonqos milli jwettaq l-obbligi ta’ ħlas tiegħu, min jislef jista’ jġib ’il quddiem id-data ta’ maturità inizjalment miftiehma u jeħtieġ li jsir il-ħlas tal-kapital kollu dovut, flimkien mal-interessi, l-interessi moratorji, il-kummissjonijiet u l-ispejjeż miftiehma.
21
Unicaja Banco u Caixabank ressqu quddiem il-qorti tar-rinviju, bejn il-21 ta’ Marzu 2012 u t-3 ta’ April 2013, talbiet għal eżekuzzjoni fir-rigward tal-ammonti dovuti wara applikazzjoni tar-rati ta’ interessi moratorji previsti mill-kuntratti ipotekarji inkwistjoni. Fil-kuntest ta’ dawn ir-rikorsi, din il-qorti qajmet il-kwistjoni dwar in-natura “inġusta” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, tal-klawżoli relatati mar-rati ta’ interessi moratorji kif ukoll tal-applikazzjoni ta’ dawn ir-rati fir-rigward tal-kapital li l-maturità antiċipata tiegħu hija kkawżata mid-dewmien ta’ ħlas.
22
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju madankollu għandha dubji dwar il-konsegwenzi li hija għandha tislet min-natura inġusta ta’ dawn il-klawżoli fir-rigward tat-tieni dispożizzjoni tranżitorja tal-Liġi 1/2003. Għaldaqstant, jekk hija kellha tapplika din id-dispożizzjoni, hija jkollha tikkalkola mill-ġdid l-interessi moratorji skont it-tielet subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni.
23
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Juzgado de Primera Instancia e Instrucción de Marchena ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“(A)
Skont id-[Direttiva 93/13], u b’mod partikolari skont l-Artikolu 6(1) tagħha, u sabiex tiġi ggarantita l-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-utenti bi qbil mal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, meta qorti nazzjonali tiddeċiedi li hemm klawżola abbużiva [inġusta] dwar interessi moratorji f’self ipotekarju, għandha l-imsemmija qorti tiddikjara n-nullità tal-klawżola u n-natura mhux vinkolanti tagħha jew inkella għandha, bil-kontra ta’ dan, temenda l-klawżola dwar l-interessi billi tinkariga lill-kreditur li qed jitlob l-implementazzjoni [l-eżekuzzjoni] jew lis-sellief jaġġustaw l-interessi?
(B)
It-tieni dispożizzjoni tranżitorja tal-[Liġi Nru 1/2013] tikkostitwixxi [biss] limitazzjoni ċara tal-protezzjoni tal-interessi tal-konsumatur, sa fejn din timponi impliċitament fuq il-qrati l-obbligu li jemendaw klawżola dwar interessi moratorji li tista’ tiġi kklassifikata bħala abbużiva, billi jaġġustaw l-interessi previsti u billi jżommu fis-seħħ dispożizzjoni ta’ natura abbużiva, minflok ma jiddikjaraw in-nullità tal-klawżola u n-natura mhux vinkolanti tagħha fil-konfront tal-konsumatur?
(C)
It-tieni dispożizzjoni tranżitorja tal-[Liġi Nru 1/2013] tmur kontra d-[Direttiva 93/13], u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tagħha, sa fejn din tipprekludi l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività fil qasam tal-protezzjoni tal-konsumatur u tevita l-applikazzjoni tas-sanzjoni li tikkonsisti fid-dikjarazzjoni tan-nullità u tan-natura mhux vinkolanti tal-klawżoli dwar interessi moratorji li jistgħu jiġu kklassifikati bħala abbużivi, previsti f’self ipotekarju konkluż qabel id-dħul fis-seħħ tal-[Liġi Nru 1/2013].”
24
Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Ottubru 2013, il-Kawżi C‑482/13 sa C‑487/13 ingħaqdu flimkien għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali, kif ukoll tas-sentenza.
25
Il-Kawżi C‑486/13 u C‑483/13 ma baqgħux magħquda flimkien għall-finijiet tas-sentenza, rispettivament, permezz tad-digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Marzu u tat-3 ta’ Ottubru 2014, minħabba t-tħassir tagħhom.
Fuq id-domandi preliminari
26
Permezz tad-domandi tagħha, li hemm lok li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li abbażi tagħha l-qorti nazzjonali li quddiemha tkun tressqet proċedura għall-eżekuzzjoni ta’ ipoteki hija obbligata li tikkalkola mill-ġdid is-somom dovuti abbażi tal-klawżola ta’ kuntratt ta’ self ipotekarju li tipprevedi interessi moratorji li r-rata tagħhom hija iktar minn tliet darbiet ir-rata statutorja, permezz tal-applikazzjoni ta’ rata ta’ interessi moratorji li ma teċċedix dan il-limitu.
27
F’dan ir-rigward, għandu l-ewwel nett jiġi kkonstatat li, skont il-qorti tar-rinviju, il-klawżoli relatati mal-interessi moratorji tal-kuntratti ta’ self ipotekarju li għall-eżekuzzjoni tagħhom tressqu proċeduri quddiemha, huma inġusti fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 93/13.
28
F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, fir-rigward tal-konsegwenzi li għandhom jinstiltu mill-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ dispożizzjoni ta’ kuntratt li jorbot lil konsumatur ma’ bejjiegħ jew fornitur, mill-kliem tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93.13 jirriżulta li l-qrati nazzjonali għandhom sempliċement ma japplikawx klawżola kuntrattwali inġusta sabiex din ma tħallix effetti vinkolanti fil-konfront tal-konsumatur, mingħajr ma jkunu jistgħu jirrevedu l-kontenut tagħha. Fil-fatt, dan il-kuntratt għandu jibqa’ validu, bħala prinċipju, mingħajr l-ebda modifika oħra ħlief għal dik li tirriżulta mit-tħassir tal-klawżoli inġusti, sa fejn, skont ir-regoli tad-dritt intern, tali tkomplija tal-kuntratt tkun legalment possibbli (sentenzi Banco Español de Crédito, C‑618/10, EU:C:2012:349, punt 65, kif ukoll Asbeek Brusse u de Man Garabito, C‑488/11, EU:C:2013:341, punt 57).
29
B’mod partikolari, din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi interpretata bħala li tippermetti lil qorti nazzjonali, fil-każ fejn tkun ġiet stabbilita n-natura inġusta ta’ klawżola ta’ penalità f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, li tnaqqas l-ammont tal-penalità imposta fuq il-konsumatur minflok li telimina għal kollox l-applikazzjoni tal-klawżola inkwistjoni fid-dawl ta’ din tal-aħħar (sentenza Asbeek Brusse u de Man Garabito, EU:C:2013:341, punt 59).
30
Barra minn hekk, minħabba n-natura u l-importanza tal-interess pubbliku li sserraħ fuqhom il-protezzjoni żgurata lill-konsumaturi, li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ inferjorità fil-konfront tal-bejjiegħa jew tal-fornituri, id-Direttiva 93/13 timponi lill-Istati Membri, kif jirriżulta mill-Artikolu 7(1) tagħha, moqri flimkien mal-premessa ħamsa u għoxrin tagħha, li jipprovdu mezzi adegwati u effettivi “biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri” (sentenzi Banco Español de Crédito, EU:C:2012:349, punt 68, kif ukoll Kásler u Káslerné Rábai, EU:C:2014:282, punt 78).
31
Fil-fatt, kieku kien possibbli għall-qorti nazzjonali tirrevedi l-kontenut tal-klawżoli inġusti, tali possibbiltà tkun suxxettibbli li timmina t-twettiq tal-għan għal żmien twil previst fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 93/13. Fil-fatt, din il-possibbiltà tkun tikkontribwixxi sabiex telimina l-effett dissważiv eżerċitat fuq il-bejjiegħa jew fornituri bil-pur u bis-sempliċi nuqqas ta’ applikazzjoni fir-rigward tal-konsumaturi ta’ tali klawżoli inġusti, sa fejn dawn jibqgħu bit-tentazzjoni li jużaw l-imsemmija klawżoli, minħabba li jkunu jafu li, anki kieku dawn kellhom jiġu ddikkjarati invalidi, il-kuntratt ikun jista’ madankollu jiġi kkompletat, kif meħtieġ, mill-qorti nazzjonali b’mod li jiġu għaldaqstant iggarantiti l-interessi tal-imsemmija bejjiegħa jew fornituri (sentenzi Banco Español de Crédito, EU:C:2012:349, punt 69, kif ukoll Kásler u Káslerné Rábai, EU:C:2014:282, punt 79).
32
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jipprekludi dispożizzjoni legali nazzjonali li tippermetti lill-qorti nazzjonali, meta tikkonstata n-nullità ta’ klawżola inġusta f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, li tikkompleta l-kuntratt billi tirrevedi l-kontenut ta’ din il-klawżola (sentenzi Banco Español de Crédito, EU:C:2012:349, punt 73, kif ukoll Kásler u Káslerné Rábai, C‑26/13, EU:C:2014:282, punt 77).
33
Il-Qorti tal-Ġustizzja ċertament irrikonoxxiet ukoll il-possibbiltà għall-qorti nazzjonali li tissostitwixxi klawżola inġusta b’dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali ta’ natura supplimentari, bil-kundizzjoni li din is-sostituzzjoni tkun konformi mal-għan tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 u li din tippermetti li jiġi stabbilit mill-ġdid bilanċ reali bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-kontraenti. Madankollu, din il-possibbiltà hija limitata għall-każijiet li fihom id-dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-klawżola inġusta tobbliga lill-qorti tannulla l-kuntratt fl-intier tiegħu, u b’hekk il-konsumatur jiġi espost għal konsegwenzi tali li dan tal-aħħar ikun ippenalizzat (ara, f’dan is-sens, Kásler u Káslerné Rábai, EU:C:2014:282, punti 82 sa 84).
34
Madankollu, fil-kawżi prinċipali, u bla ħsara għal verifiki li għandhom isiru f’dan ir-rigward mill-qorti tar-rinviju, l-annullament tal-klawżoli kuntrattwali inkwistjoni ma jistgħux ikollhom konsegwenzi negattivi għall-konsumatur, sa fejn l-ammonti li fir-rigward tagħhom tressqu l-proċeduri għall-eżekuzzjoni ta’ ipoteki jkunu neċessarjament inqas fl-assenza ta’ żieda permezz tal-applikazzjoni tal-interessi moratorji previsti minn dawn il-klawżoli.
35
Wara li tfakkru dawn il-prinċipji, mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li t-tieni dispożizzjoni tranżitorja tal-Liġi 1/2013 tippreskrivi moderazzjoni tal-interessi moratorji fuq self jew krediti intiżi għax-xiri ta’ abitazzjoni prinċipali u ggarantiti b’ipoteki imposti fuq l-abitazzjoni inkwistjoni. Għaldaqstant huwa previst li, fi proċeduri għall-eżekuzzjoni jew għall-bejgħ extraġudizzjarju li jkunu bdew imma ma jkunux ġew konklużi fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, jiġifieri l-15 ta’ Mejju 2013, u li fihom l-ammont li għalih tkun intalbet ordni ta’ eżekuzzjoni jew ordni għall-bejgħ extraġudizzjarju jkun diġà ġie ffissat, dan l-ammont għandu jiġi kkalkolat mill-ġdid permezz tal-applikazzjoni ta’ interessi moratorji li r-rata tagħhom hija l-iktar l-iktar ugwali għal tliet darbiet ir-rata ta’ interessi statutorja, meta r-rata ta’ interessi moratorji prevista fil-kuntratt ipotekarju hija ogħla minn din ir-rata.
36
Hekk kif ġie enfasizzat mill-Gvern Spanjol, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu u waqt is-seduta, kif ukoll mill-Avukat Ġenerali fil-punti 38 u 39 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kamp ta’ applikazzjoni tat-tieni dispożizzjoni tranżitorja tal-Liġi 1/2003 jestendi għal kull kuntratt ta’ self ipotekarju u għaldaqstant huwa distint minn dak tad-Direttiva 93/13 li tikkonċerna biss il-klawżoli inġusti inklużi fil-kuntratti konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur. Minn dan jirriżulta li l-obbligu li jiġi osservat il-limitu li jikkorrispondi għar-rata ta’ interessi moratorji ekwivalenti għal tliet darbiet ir-rata ta’ interessi statutorja, kif kien ġie previst mil-leġiżlatur, ma jippreġudika bl-ebda mod l-evalwazzjoni, mill-qorti, tan-natura inġusta ta’ klawżola li tiffissa l-interessi moratorji.
37
F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 93/13, in-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali għandha tiġi evalwata billi tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura tal-oġġetti jew tas-servizzi li jkunu s-suġġett tal-kuntratt u billi jsir riferiment, fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt, għaċ-ċirkustanzi kollha li fihom ikun ġie konkluż. Minn dan jirriżulta li, f’din il-perspettiva, għandhom jiġu evalwati wkoll il-konsegwenzi li l-imsemmija klawżola jista’ jkollha fil-kuntest tad-dritt applikabbli għall-kuntratt, u dan jimplika eżami tas-sistema legali nazzjonali (ara d-digriet Sebestyén, C‑342/13, EU:C:2014:1857, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).
38
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, barra minn hekk, li qorti nazzjonali, adita b’tilwima esklużivament bejn individwi, hija marbuta, fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt intern, li tieħu inkunsiderazzjoni r-regoli kollha tad-dritt nazzjonali u li tinterpretahom, sa fejn ikun possibbli, fid-dawl tat-test kif ukoll fid-dawl tal-għan finali tad-direttiva applikabbli għall-qasam sabiex tasal għal soluzzjoni konformi mal-għan imfittex minnha (sentenza Kásler u Káslerné Rábai, EU:C:2014:282, punt 64).
39
Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li, sa fejn it-tieni dispożizzjoni tranżitorja tal-Liġi 1/2013 ma tipprekludix lill-qorti nazzjonali, ikkonfrontata bi klawżola inġusta, milli twettaq il-funzjoni tagħha billi tneħħi din il-klawżola, id-Direttiva 93/13 ma tipprekludix l-applikazzjoni ta’ tali dispożizzjoni nazzjonali.
40
B’mod partikolari dan jimplika, minn naħa, li, meta l-qorti nazzjonali tkun ikkonfrontata bi klawżola ta’ kuntratt relatata ma’ interessi moratorji li r-rata tagħhom hija inqas minn dik prevista mit-tieni dispożizzjoni tranżitorja tal-Liġi 1/2013, l-iffissar ta’ dan il-limitu leġiżlattiv ma jipprekludix lil din il-qorti milli tevalwa n-natura eventwalment inġusta ta’ din il-klawżola, fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 93/13. Għaldaqstant, rata ta’ interessi moratorji ta’ inqas minn tliet darbiet ir-rata statutorja ma tistax neċessarjament titqies li hija ġusta fis-sens ta’ din id-direttiva.
41
Min-naħa l-oħra, meta r-rata ta’ interessi moratorji prevista fi klawżola ta’ kuntratt ta’ self ipotekarju tkun ogħla minn dik prevista mit-tieni dispożizzjoni tranżitorja tal-Liġi 1/2013 u għandha, skont din id-dispożizzjoni, tkun is-suġġett ta’ limitazzjoni, tali fatt ma għandux jipprekludi lill-qorti nazzjonali, lil hinn minn din il-miżura ta’ moderazzjoni, milli tislet il-konsegwenzi kollha tan-natura inġusta eventwali, fid-dawl tad-Direttiva 93/13, tal-klawżola li tinkludi din ir-rata, billi tipproċedi, jekk ikun meħtieġ, għall-annullament tagħha.
42
Għaldaqstant, minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ma jipprekludix dispożizzjoni nazzjonali li abbażi tagħha l-qorti nazzjonali li quddiemha tkun tressqet proċedura għall-eżekuzzjoni ta’ ipoteki hija obbligata li tikkalkola mill-ġdid is-somom dovuti abbażi ta’ klawżola ta’ kuntratt ta’ self ipotekarju li tipprevedi interessi moratorji li r-rata tagħhom hija iktar minn tliet darbiet ir-rata statutorja, sabiex l-ammont ta’ dawn l-interessi ma jeċċedix dan il-limitu, sakemm l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni nazzjonali:
—
hija bla ħsara għall-evalwazzjoni minn din il-qorti nazzjonali tan-natura inġusta ta’ tali klawżola u
—
ma tipprekludix lil din il-qorti milli tneħħi din il-klawżola fil-każ li hija kellha tikkonkludi li din hija ta’ natura “inġusta” fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva.
Fuq l-ispejjeż
43
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill Nru 93/13 KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ma jipprekludix dispożizzjoni nazzjonali li abbażi tagħha l-qorti nazzjonali li quddiemha tkun tressqet proċedura għall-eżekuzzjoni ta’ ipoteki hija obbligata li tikkalkola mill-ġdid is-somom dovuti abbażi ta’ klawżola ta’ kuntratt ta’ self ipotekarju li tipprevedi interessi moratorji li r-rata tagħhom hija iktar minn tliet darbiet ir-rata statutorja, sabiex l-ammont ta’ dawn l-interessi ma jeċċedix dan il-limitu, sakemm l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni nazzjonali:
—
hija bla ħsara għall-evalwazzjoni minn din il-qorti nazzjonali tan-natura inġusta ta’ tali klawżola u
—
ma tipprekludix lil din il-qorti milli tneħħi din il-klawżola fil-każ li hija kellha tikkonkludi li din hija ta’ natura “inġusta” fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva.
Firem
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.
Full & Egal Universal Law Academy