SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)
6 ta’ Novembru 2014 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Regolament (KEE) Nru 2658/87 — Tariffa Doganali Komuni — Klassifikazzjoni tariffarja — Nomenklatura Magħquda — Intestaturi 8471 u 8518 — Speakers li jirriproduċu l-ħoss permezz tal-bdil ta’ sinjal elettromanjetiku f’soundwaves, li jistgħu jiġu konnessi biss ma’ kompjuter u kkummerċjalizzati separatament”
Fil-Kawża C‑546/13,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Corte suprema di cassazione (l‑Italja), permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Marzu 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Ottubru 2013, fil-proċedura
Agenzia delle Dogane,
Ufficio di Verona dell’Agenzia delle Dogane
vs
ADL American Dataline Srl,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),
komposta minn C. Vajda (Relatur), President tal-Awla, A. Rosas u E. Juhász, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: Y. Bot,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
—
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn M. F Urbani Neri, avvocato dello Stato,
—
għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Caeiros u G. Gattinara, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet
tagħti l-preżenti
Sentenza
1
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tas-subintestaturi 8471 60 90 u 8518 22 90 tan-Nomenklatura Maqgħuda (iktar ’il quddiem in-“NM”), li jinsabu fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), fil-verżjonijiet tiegħu li jirriżultaw, suċċessivament, mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2388/2000, tat-13 ta’ Ottubru 2000 (ĠU L 264, p. 1), mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2031/2001, tas-6 ta’ Awwissu 2001 (ĠU L 279, p. 1), mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1832/2002, tal-1 ta’ Awwissu 2002 (ĠU L 290, p. 1) u mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1789/2003, tal-11 ta’ Settembru 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 14, p. 3).
2
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn-naħa, l-Agenzia delle Dogane (aġenzija doganali) u l-Ufficio di Verona dell’Agenzia delle Dogane (uffiċċju ta’ Verona tal-aġenzija doganali, iktar ’il quddiem l-“Ufficio di Verona”) u, min-naħa l-oħra, ADL American Dataline Srl (iktar ’il quddiem“ADL”) dwar il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ speakers akustiċi fi ħdan in-NM.
Il-kuntest ġuridiku
Is-sistema armonizzata ta ’ deskrizzjoni u ta ’ kodifikazzjoni tal-merkanzija
3
Il-Kunsill ta’ Kooperazzjoni Doganali, li sar l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana (ODD), twaqqaf bil-konvenzjoni li toħloq l-imsemmi kunsill, konkluża fi Brussell fil-15 ta’ Diċembru 1950. Is-sistema armonizzata ta’ deskrizzjoni u ta’ kodifikazzjoni tal-merkanżija (iktar ’il quddiem is-“SA”), tfasslet mill-OMD u ġiet stabbilita bil-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni dwar is-SA”), konkluża fi Brussell fl-14 ta’ Ġunju 1983, u approvata, flimkien mal-Protokoll li jemendaha tal-24 ta’ Ġunju 1986, f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE, tas-7 ta’ April 1987 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Volum 2, p. 288).
4
Skont l-Artikolu 3(1) tal-Konvenzjoni dwar is-SA, kull parti kontraenti timpenja ruħha li n-nomenklaturi tariffarji u l-istatistiċi tagħha jkunu konformi mas-SA, li tuża l-intestaturi u s-subintestaturi kollha tagħha, mingħajr żieda jew modifiki, kif ukoll il-kodiċijiet relatati, u li ssegwi s-sekwenza numerika tal-imsemmija sistema. Kull parti kontraenti timpenja ruħha wkoll li tapplika r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tas-SA kif ukoll in-noti kollha tat-taqsimiet, tal-kapitoli u tas-subintestaturi tas-SA u li ma tbiddilx il-portata ta’ dawn tal-aħħar.
5
L-ODD tapprova, skont il-kundizzjonijiet iffissati fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni dwar is-SA, in-noti ta’ spjega u l-opinjonijiet ta’ klassifikazzjoni adottati mill-kumitat tas-SA.
6
Fid-data li fiha seħħew il-fatti tal-kawża prinċipali, in-nota ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 8471 kienet redatta kif ġej:
“Magni awtomatiċi għall-ipproċessar tal-informazzjoni u unitajiet tagħhom;
L-ipproċessar tal-informazzjoni jikkonsisti fl-immaniġġjar tad-data ta’ kull tip, skont diversi proċessi loġistiċi stabbiliti minn qabel u għal għan speċifiku wieħed jew iktar.
[...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
7
In-nota ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 8471, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2002 bis-saħħa tal-Artikolu 8(2) tal-Konvenzjoni dwar is-SA, kienet redatta kif ġej:
“D. Unitajiet ippreżentati separatament
[...]
Għandha titqies bħala li tifforma parti minn sistema sħiħa ta’ pproċessar tal-informazzjoni, kull unità li teżerċita funzjoni ta’ pproċessar tal-informazzjoni u li fl-istess ħin tissodisfa l-kundizzjonijiet segwenti:
a)
hija ta’ tip użata biss jew prinċipalment f’sistema awtomatika ta’ pproċessar tal-informazzjoni;
b)
tista’ titqabbad mal-unità ċentrali ta’ pproċessar jew direttament jew permezz ta’ unità waħda oħra jew iktar, u
c)
tista’ tirċievi jew tipprovdi data f’forma (kowds jew sinjali) li tista’ tintuża mis-sistema.
Fil-każ li l-unità teżerċita funzjoni oħra li ma hijiex l-ipproċessar tal-informazzjoni, din għandha tiġi kklassifikata fl-intestatura korrispondenti għall-funzjoni tagħha jew fin-nuqqas ta’ dan, f’intestatura li jifdal (ara n-Nota 5 E tal-Kapitolu)
[...]”[traduzzjoni mhux uffiċjali]
8
In-nota ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura tariffarja 8518, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2004 bis-saħħa tal-Artikolu 8(2) tal-Konvenzjoni dwar is-SA, kienet redatta kif ġej:
“B. Loudspeakers, immuntati fil-kaxex tagħhom jew le
[...]
Skont l-użu li għalih huma intiżi, il-loudspeakers jistgħu jiġu mmuntati f’kaxex jew f’kontenituri ta’ forom differenti, ġeneralment b’effett akustiku, li jistgħu saħansitra jikkonsistu f’artikoli tal-għamara. Tali oġġetti jibqgħu kklassifikati hawnhekk sa kemm il-funzjoni prinċipali li tikkaratterizzhom tkun dik ta’ loudspeaker. Kaxex u kontenituri li huma ppreżentati b’mod separat jaqgħu wkoll taħt din l-intestatura għaliex huma rrikonoxxuti bħala li ġew prinċipalment maħluqa għall-immuntar ta’ loudspeakers, ħlief il-każ, ovvjament, fejn dawn huma mobbli fis-sens tal-Kapitolu 94, sempliċement maħluqa biex jakkomodaw, minbarra l-użu normali tagħhom, loudspeaker.
Din l-intestatura tinkludi l-loudspeakers maħluqa biex jiġu konnessi ma’ magna awtomatika għall-ipproċessar tal-informazzjoni, meta dawn jiġu ppreżentati b’mod separat.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
Ir-Regolament Nru 2658/87
9
L-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 2658/87, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 254/2000 tal-Kunsill, tal-31 ta’ Jannar 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, p. 357), jipprovdi li:
“Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 4 u 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/468/KE [tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tal-implimentazzjoni tal-poteri kkonferiti fuq il-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali Kapitolu 1, Vol. 3, p. 124)] għandha tapplika.
Il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta’ tliet xhur.”
10
L-Artikolu 12 ta’ dan ir-regolament, kif emendat, jistipula:
“1. Il-Kummissjoni għandha ta’ kull sena tadotta regolament li jirriproduċi l-verżjoni kompluta tan-[NM], flimkien mar-rati tad-dazju konformi ma’ l-Artikolu 1, kif jirriżulta minn miżuri adottati mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni. L-imsemmi Regolament għandu jiġi ppubblikat mhux aktar tard mill-31 ta’ Ottubru fil-Ġurnal Ufiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u għandu japplika mill-1 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara.
2. Miżuri u informazzjoni rigward it-Tariffa Doganali Komuni jew it-Taric [(tariffa integrata tal-Komunitajiet Ewropej)] għandhom, sa fejn huwa possibbli, ikunu mxerrda f’format elettroniku bl-użu ta’ mezz kompjuterizzati.
3. Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi ta’ tat-Tariffa Doganali Komuni u tat-Taric, il-Kummissjoni għandha tħajjar kordinazzjoni u armonizzazzjoni tal-prattiċi fil-laboratorji tad-dwana ta’ l-Istati Membri bl-użu, sa fejn hu possibli, ta’ meżżi kompjuterizzati.”
In-NM
11
Il-klassifikazzjoni doganali tal-merkanzija importata fl-Unjoni Ewropea hija rregolata min-NM. Il-verżjonijiet tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, li jestendu mis-sena 2001 sas-sena 2003, huma dawk li jirriżultaw mir-Regolamenti Nri 2388/2000, 2031/2001, 1832/2002 u 1789/2003. F’kull waħda mill-verżjonijiet li tirriżulta minn dawn ir-regolamenti, ir-regoli ġenerali u l-intestaturi tariffarji tal-Kapitolu 84 tan-NM kif ukoll in-noti tal-imsemmi kapitolu msemmija fid-domandi preliminari huma redatti b’mod identiku.
12
Ir-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-NM, li jinsabu fit-Titolu 1 A tal-Ewwel Parti tagħha jipprovdu:
“Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-[NM] għanda tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin:
1.
It-titoli tat-taqsimiet, kapitoli u subkapitoli huma maħsubin għall-ħeffa ta’ referenza biss; għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni għandha tkun deċiża skond it-termini ta’ l-intestaturi u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitolu relattiv u, sakemm dawn l-intestaturi jew in-noti ma jkunux jeħtieġu mod ieħor, skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin.
[...]
3.
Meta […], l-oġġetti jkunu klassifikati prima facie taħt intestatura waħda jew iżjed, il-klassifikazzjoni għandha ssir kif ġej
a)
l-intestatura li tagħti l-iżjed deskrizzjoni speċifika għandha tkun preferuta għal intestaturi li jagħtu deskrizzjoni iżjed ġenerali. Madanakollu, meta jkun hemm żewġ intestaturi jew iżjed li kull waħda minnhom tirreferi għal parti waħda mill-materjali jew mis-sustanzi li qegħdin f’oġġetti mħalltin jew komposti jew għal parti biss mill-oġġetti f’sett imtella’ għal bejgħ bl-imnut, dawk l-intestaturi għandhom jitqiesu ugwalment speċifiċi fir-rigward ta’ dawk l-oġġetti, ukoll jekk waħda minnhom tagħti deskrizzjoni iżjed kompluta jew preċiża ta’ l-oġġetti.
b)
taħlitiet, oġġetti komposti li jikkonsistu minn materjali differenti jew magħmulin minn komponenti differenti, u oġġetti mtellgħin għal bejgħ bl-imnut, li ma jistgħux ikunu klassifikati b’referenza għal 3(a), għandhom ikunu klassifikati daqs li kieku kienu magħmulin mill-materjal jew mill-komponent li jagħtihom il-karattru essenzjali tagħhom, sakemm dan il-kriterju jkun applikabbl.
(ċ)
meta oġġetti ma jistgħux ikunu klassifikati b’referenza għal 3(a) jew (b), huma għandhom ikunu klassifikati taħt l-intestatura li tiġi l-aħħar f’ordni numerika fost dawk li ugwalment għandha tingħatalhom konsiderazzjoni.
[...]
6.
Għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fis-subintestaturi ta’ intestatura għandha tkun deċiża skond it-termini ta’ dawk is-subintestaturi u kwalunkwe noti ta’ subintestaturi relatati u, mutatis mutandis skond ir-regoli ta’ hawn fuq, skond il-kondizzjoni li subintestaturi fl-istess livell biss huma komparabbli. Għall-għanijiet ta’ din ir-regola t-taqsima relattiva u n-noti tal-kapitolu japplikaw ukoll, sakemm il-kuntest ma jitlobx mod ieħor.”
13
It-tieni parti tan-NM tinkludi t-Taqsima XVI, bit-titolu “Makkinarju u għodod mekkanċi; apparat elettriku, bċejjeċ tagħhom, strumenti li jirrekordjaw u strumenti li jirriproduċu l-ħoss; strumenti li jirrekordjaw u strumenti li jirriproduċu stampa u ħoss televiżivi u bċejjeċ u aċċessorji ta’ dawn l-oġġetti”.
14
In-Noti 3, 4 u 5 tat-TaqsimaXVI tan-NM huma redatti kif ġej:
“3.
Sakemm il-kuntest ma jesiġix mod ieħor, magni komposti magħmulin minn żewġ magni jew aktar mwaħħlin flimkien biex jagħmlu waħda u magni oħrajn maħsubin bil-għan li jagħmlu żewġ funzjonijiet kumplimentari jew alternattivi jew aktar għandhom jiġu kklassifikati daqslikieku magħmulin biss minn dak il-komponent jew huma dik il-magna li tagħmel il-funzjoni prinċipali.
4.
Fejn magna (inkluża taħlita ta’ magni) tikkonsisti f’komponenti individwali (kemm jekk separati kif jekk imwaħħlin flimkien b’pajpijiet, b’mezzi ta’ trasmissjoni, b’kejbils ta’ l-elettriku jew b’mezzi oħrajn) maħsubin biex jikkontribwixxu flimkien għal funzjoni definita ċar koperti b’waħda mill-intestaturi fil-Kapitolu 84 jew 85, hekk kollox jaqa’ biex jiġi kklassifikat fl-intestatura xierqa għal dik il-funzjoni.
5.
Għall-għanijiet ta’ dawn in-noti, l-espressjoni ‘magna’ tfisser kull magna, makkinarju, impjant, tagħmir, apparat jew għodda imsemmijin fl-intestaturi tal-Kapitolu 84 jew 85.”
15
It-Taqsima XVI tan-NM tinkludi l-Kapitolu 84, bit-titolu “Reatturi nukleari, kaldaruni (boilers), makkinarju u għodod mekkaniċi; bċejjeċ tagħhom”. Dan il-Kapitolu jinkludi b’mod partikolari l-intestaturi tariffarji segwenti:
“8471 Magni awtomatiċi għall-ipproċessar tad-data u unitajiet tagħhom; apparat li jaqra b’sistema manjetika jew ottika, magni biex jittraskrivu data fuq mezzi ta’ data f’għamla ikkowdjata u magni biex jipproċessaw din id-data, li mhumiex speċifikati jew inklużi band’oħra:
[...]
—
Magni awtomatiċi oħra għall-ipproċessar tad-data diġitali:
[...]
8471 60 – Unitajiet ta’ dħul jew ta’ ħruġ, kemm jekk fihom unitajiet ta’ ħażna fl-istess għata kif ukoll jekk le:
[...]
8471-60-90 u oħrajn
[...]”
16
In-Nota 5 ta’ dan il-Kapitolu 84 hija redatta kif ġej:
“[...]
B.
Magni awtomatiċi għal ipproċessar ta’ data jistgħu jkunu f’għamla ta’ sistemi magħmulin minn numru varjabbli ta’ unitajiet separati. Suġġett għal paragrafu E hawn taħt, unità għandha titqies li tagħmel parti minn sistema kompluta jekk hija tissodisfa dawn il-kondizzjonijiet kollha:
a)
hija ta’ tip użat biss jew prinċipalment f’sistema awtomatika għal ipproċessar ta’ data;
b)
tista’ titqabbad ma l-unità ċentrali ta’ pproċessar kemm direttament jew permezz ta’ unità oħra jew aktar;
u
c)
tista’ tilqa jew tagħti data f’forma (kodiċijiet jew sinjali) li jistgħu jintużaw mis-sistema.
[...]
E.
Magni ji jagħmlu funzjoni speċifika minbarra l-ipproċessar ta’ data u jinkorporaw jew jaħdmu flimkien ma’ magna awtomatika għall-ipproċessar ta’ data għandhom jiġi kklassifikati fl-intestaturi xierqa għall-funzjonijiet rispettivi tagħhom jew, jekk le, fl-intestaturi li jibqa.”
17
In-Nota 5(Ċ) u (D) tal-Kapitolu 84 tan-NM sussegwentement ġiet emendata bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1549/2006, tas-17 ta’ Ottubru 2006, (ĠU L 301, p. 1), li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2007. In-Nota 5(Ċ)tal-imsemmi kapitolu hija redatta kif ġej:
“Suġġett għal paragrafi (D) u (E) hawn taħt, unità għandha titqies bħala parti minn sistema awtomatika ta’ pproċessar ta’ data jekk tilħaq il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
1)
hija ta’ tip użat biss jew prinċipalment f’sistema awtomatika għal ipproċessar ta’ data;
2)
tista’ titqabbad ma’ l-unità ċentrali ta’ pproċessar jew direttament jew permezz ta’ unità oħra jew aktar; u
3)
tista’ tilqa’ jew twassal data f’forma ( kowds jew sinjali) li tista’ tintuża mis-sistema.
Unitajiet ta’ magna awtomatika ta’ l-ipproċessar ta’ data ppreżentati b’mod separat, għandhom ikunu kklassifikati f’titlu 8471.
[...]”
18
In-Nota 5(D) tal-Kapitolu 84 tan-NM, kif emendata bir-Regolament Nru 1549/2006, hija redatta kif ġej:
“Titlu 8471 ma jkoprix dawn li ġejjin meta jkunu ppreżentati b’mod separat, anki jekk jilħqu l-kundizzjonijiet kollha stipulati fin-Nota 5 (Ċ) hawn fuq:
[...]
3)
lawdspikers u mikrofoni;
[...]”
19
It-Taqsima XVI tan-NM tinkludi wkoll l-Kapitolu 85, bit-titolu “Makkinarju u tagħmir elettriku u bċejjeċ tagħhom; strumenti li jirrekordjaw u jirriproduċu l-ħoss, strumenti li jirrekordjaw u jirriproduċu stampa u ħoss tat-televiżjoni, u bċejjeċ u aċċessorji ta’ dawn l-oġġetti”.
20
Fil-verżjoni tan-NM li tirriżulta mir-Regolament Nru 2388/2000, l-intestatura 8518 ta’ din tal-aħħar hija redatta kif ġej:
“8518 Mikrofoni u stands għalihom; loudspeakers, immuntati fil-kaxex tagħhom jew le; earphones, ikkombinati ma’ mikrofonu jew le; amplifikaturi ta’ awdjofrekwenza tal-elettriku; settijiet tal-elettriku ta’ amplifikazzjoni tal-ħoss-elettriku;
[...]
8518 22 – Speakers multipli, immuntati fl-istess kaxxa:
[...]
8518 22 90 – – – u oħrajn” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
21
Kemm fil-verżjoni tan-NM li tirriżulta mir-Regolament Nru 2031/2001 kif ukoll mill-verżjoni li tirriżulta mir-Regolament Nru 1832/2002, l-intestatura 8518 tan-NM taqra kif ġej:
“8518 Mikrofoni u stands għalihom; loudspeakers, immuntati fil-kaxex tagħhom jew le; headphones u earphones, ikkombinati ma’ mikrofonu jew le, u settijiet magħmulin minn mikrofonu u minn loudspeaker wieħed jew iktar; amplifikaturi ta’ awdjofrekwenza ta’ l-elettriku; settijiet tal-elettriku ta’ amplifikazzjoni tal-ħoss;
[...]
8518 22 – – Lawdspikers multipli, immuntati fl-istess kaxxa :
[...]
8518 22 90 – – – u oħrajn” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
22
Fil-verżjoni tan-NM li tirriżulta mir-Regolament Nru 1789/2003, l-intestatura 8518 ta’ din tal-aħħar hija redatta kif ġej:
“8518 Mikrofoni u stands għalihom; loudspeakers, immuntati fil-kaxex tagħhom jew le; headphones u earphones, ikkombinati ma’ mikrofonu jew le, u settijiet magħmulin minn mikrofonu u minn loudspeaker wieħed jew iktar; amplifikaturi ta’ awdjofrekwenza ta’ l-elettriku; settijiet tal-elettriku ta’ amplifikazzjoni tal-ħoss:
[...]
8518 22 – – Lawdspikers multipli, immuntati fl-istess kaxxa :
[...]
8518 22 90 – – – u oħrajn”
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
23
Matul il-perijodu mix-xhur ta’ Diċembru 2001 sa Ottubru 2003, ADL importat fl-Unjoni speakers akustiċi prodotti minn Harman Multimedia, kumpannija stabbilita fl-Istati Uniti, u intiżi li jintużaw biss bħala unitajiet ta’ apparat ta’ ħruġ għall-kompjuters tad-ditta Apple.
24
Għall-finijiet tad-dikjarazzjoni doganali tagħha, ADL ikklassifikat l-speakers akustiċi importati fis-subintestatura 8471 60 90 tan-NM, bħala apparat għal kompjuters, li jibbenefika għalhekk mill-eżenzjoni mid-dazji doganali. Matul l-ispezzjoni tal-merkanzija mwettqa mill-Ufficio di Verona u mill-uffiċċju doganali ta’ Treviso (l‑Italja) fuq xi wħud minn dawn l-importazzjonijiet, ebda rimarka ma saret fir-rigward ta’ din il-klassifikazzjoni.
25
Matul is-sena 2005, wara proċedura ta’ reviżjoni ta’ stima ta’ taxxa doganali li saret definittiva, l-Ufficio di Verona kkalkola a posteriori d-dazji doganali dovuti minn ADL, filwaqt li rrileva li l-imsemmija speakers kienu ġew ikklassifikati żbaljatament fis-subintestatura 8471 60 90 tan-NM, bħala apparat għal kompjuters, bil-konsegwenza li ngħatat eżenzjoni mid-dazji doganali, minflok dawn ma ġew ikklassifikati fis-subintestatura 8518 22 90 tan-NM, bħala loudspeakers, bil-konsegwenza li japplika dazju doganali ta’ 4.5 %.
26
Il-Commissioni tributarie (qrati fiskali) kompetenti, aditi b’azzjoni li kellha bħala suġġett l-annullament tad-deċiżjonijiet li jġiegħlu lil ADL tħallas id-dazji doganali, laqgħu t-talbiet ta’ din tal-aħħar.
27
B’sentenza mogħtija fl-10 ta’ Lulju 2009, il-Commissione tributaria della regione Veneto (qorti fiskali reġjonali ta’ Venezia) qieset li l-ispeakers akustiċi kkonċernati kienu ġew korrettament ikklassifikati fis-subintestatura 8471 60 90 tan-NM sa fejn dawn, skont il-metodu ta’ użu tagħhom, setgħu “jistgħu jintużaw biss [jekk kienu] konnessi permezz ta’ kejbil USB ma’ kompjuter attrezzat b’sistema operattiva MAC OS 9.04 jew b’sistema iktar avvanzata” u kienu inkompatibbli “kemm ma’ strumenti awdjo li ma humiex kompjuter personali kif ukoll ma’ kompjuter personali li l-funzjonament tiegħu huwa bbażat fuq sistemi operattivi oħra li ma humiex MAC OS 9”.
28
L-Agenzia delle Dogane appellat din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, billi sostniet, b’mod partikolari, in-natura żbaljata tal-klassifikazzjoni doganali tal-imsemmija speakers. Hija essenzjalment sostniet li l-prodotti importati kienu deskritti bħala speakers akustiċi (“speakers multimediali”) li għandhom bħala funzjoni li jirriproduċu l-ħoss permezz tal-bdil ta’ sinjal elettromagnetiku f’soundwaves u li dawn setgħu jiġu konnessi biss ma’ kompjuter personali. Skont l-Agenzia delle Dogane, il-prodotti importati kellhom għalhekk il-karatteristiċi kollha li jippermettu li dawn jiġu kklassifikati jew fl-intestatura 8518 tan-NM, bħala loudspeakers, jew fis-subintestatura 8471 60 tan-NM, bħala unitajiet ta’ ħruġ ta’ magni awtomatiċi li jipproċessaw l-informazzjoni.
29
Il-qorti tar-rinviju tqis, minn naħa, li l-element tekniku kkonstatat mill-qorti fl-ewwel istanza, li l-prodotti importati jistgħu jiġu użati biss jekk huma konnessi ma’ kompjuter u li dawn jaħdmu biss ma’ sistema operattiva speċifika jikkontribwixxi għall-fondatezza ta’ klassifikazzjoni fis-subintestatura 8471 60 90 tan-NM. Min-naħa l-oħra, hija tqis li l-element funzjonali tal-ispeakers akustiċi, inkwantu intiż għar-riproduzzjoni tal-ħoss, iwassal għal klassifikazzjoni fis-subintestatura 8518 22 90 tan-NM, sa fejn din il-funzjoni speċifika hija rrikonoxxuta bħala funzjoni “[minbarra] l-ipproċessar ta’ data”, kif jirriżulta min-Nota 5(E) tal-Kapitolu 84 tan-NM.
30
F’dawk iċ-ċirkustanzi, il-Corte suprema di cassazione (qorti tal-kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1)
L-Artikolu 10(2) u l-Artikolu 12 tar-Regolament [Nru 2658/87] u l-prinċipju ta’ ċertezza legali jipprekludu li l-modifiki li saru fin-noti ta’ spjega tal-Kapitolu 84 tat-tabella tad-dazji li jikkostitwixxu t-Tieni Parti tal-Anness I tar-Regolament [Nru 1549/06] (li eskludew l-ispeakers mill-intestatura 8471 [tan-NM] meta huma ppreżentati b’mod separat mill-magni awtomatiċi tal-ipproċessar tal-informazzjoni) ikunu jistgħu jintużaw favur interpretazzjoni fis-sens li l-prodotti importati mill-kumpannija [ADL] […] għandhom funzjoni proprja (riproduzzjoni u amplifikazzjoni tal-ħoss) “differenti” mill-ipproċessar tal-informazzjoni?
2)
Il-prodotti importati mill-[ADL] [...] fil-kwalità tagħhom ta’ ‘speakers’ mqiegħda fis-suq b’mod separat mill-magna awtomatika ta’ pproċessar tal-informazzjoni, għandhom jitqiesu bħala tagħmir ’li jeżerċita funzjoni proprja differenti minn dik tal-ipproċessar tal-informazzjoni’ — sa fejn għandha titqies bħala tali l-funzjoni ta’ riproduzzjoni u ta’ amplifikazzjoni tal-ħoss — jew ma jistgħux jitqiesu bħala unitajiet ta’ sistemi li jeżerċitaw funzjoni proprja għajr dik tal-ipproċessar tal-informazzjoni fis-sens li, fid-dawl tal-karatteristiċi tekniċi proprji tagħhom (konnessjoni esklużiva permezz ta’ cable tal-USB; meħtieġ minn sistema operattiva MAC OS 9), huma ‘jaqdu funzjoni biss jekk [huma] jkunu jistgħu jeżerċitaw mingħajr l-għajnuna ta’ tali magna [jiġifieri magna awtomatika ta’ pproċessar tal-informazzjoni]’ (fil-fatt, fis-sentenzi [Peacock C-339/98, EU:C:2000:573], punti 14 u 15; u [Olicom, C-142/06, EU:C:2007:449], punti 20, 29 u 30, anki jekk dawn is-sentenzi jikkonċernaw tipi oħra ta’ tagħmir, jiġifieri network cards u ‘cards kombinati’, il-Qorti tal-Ġustizzja donnha tiddeduċi l-assenza ta’ funzjoni proprja ‘differenti’ miż-żewġ elementi li huma l-funzjonament tat-tagħmir esklużivament permezz ta’ kompjuter u l-kapaċità ta’ riċezzjoni u ta’ trasformazzjoni mal-ħruġ tas-sinjali trażmessi permezz tal-kompjuter diġitali)?”
Fuq id-domandi preliminari
Fuq it-tieni domanda
31
Permezz tat-tieni domanda, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhomx jiġu kklassifikati bħala unitajiet ta’ ħruġ ta’ magna awtomatika ta’ pproċessar tal-informazzjoni, fis-subintestatura 8471 60 90 tan-NM jew, bħala loudspeakers, fis-subintestatura 8518 22 90 tan-NM.
32
Skont ġurisprudenza stabbilita, fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-ispezzjonijiet, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija għandha titfittex, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi proprji u fil-proprjetajiet oġġettivi tagħhom, kif iddefiniti mill-kliem l-intestatura tan-NM u min-noti ta’ taqsima jew ta’ kapitolu (sentenza Delphi Deutschland, C‑423/10, EU:C:2011:315, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).
33
In-noti ta’ spjega redatti, fir-rigward tan-NM, mill-Kummissjoni u, fir-rigward tas-SA, mill-ODD, jikkontribwixxu b’mod importanti għall-interpretazzjoni tal-portata tal-intestaturi tariffarji differenti mingħajr madankollu ma għandhom setgħa legali vinkolanti (sentenza Delphi Deutschland, EU:C:2011:315, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).
34
Barra minn hekk, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni fl-intestatura idonea, għandu wkoll jitfakkar li l-użu intiż tal-prodott jista’ jikkostitwixxi kriterju oġġettiv ta’ klassifikazzjoni kemm-il darba dan huwa inerenti għall-imsemmi prodott, u din l-inerenza għandha tkun tista’ tiġi evalwata skont il-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tiegħu (ara s-sentenza Olicom, C‑142/06, EU:C:2007:449, punt 18).
35
Għandu jiġi rrilevat li l-kelma tas-subintestatura 8471 60 90 tan-NM hija “oħrajn”. Madankollu, kif jirriżulta mill-kliem tas-subintestatura li tippreċedi s-subintestatura 8471 60, is-subintestatura 8471 60 90 tan-NM tirreferi għal “magni awtomatiċi oħra ta’ pproċessar ta’ data diġitali”. Hemm lok li jiġi rrilevat wkoll li l-kelma tas-subintestatura 8518 22 90 tan-NM hija “oħrajn”. Madankollu, mill-kliem tas-subintestatura 8518 22 tan-NM jirriżulta li s-subintestatura 8518 22 90 ta’ din tal-aħħar tirreferi għall-loudspeakers multipli mmuntati fl-istess kaxxa.
36
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont in-Nota 5(E) tal-Kapitolu 84 tan-NM, “[m]agni ji jagħmlu funzjoni speċifika minbarra l-ipproċessar ta’ data u jinkorporaw jew jaħdmu flimkien ma’ magna awtomatika għall-ipproċessar ta’ data għandhom jiġi kklassifikati fl-intestaturi xierqa għall-funzjonijiet rispettivi tagħhom jew, jekk le, fl-intestaturi li jibqa.”
37
Mill-kliem ta’ din in-nota jirriżulta li “funzjoni speċifika” eżerċitata mill-magna li taħdem ma’ magna awtomatika għall-ipproċessar ta’ data għandha tkun funzjoni “barra l-ipproċessar ta’ data” (sentenza Kip Europe et, C-362/07 u C-363/07, EU:C:2008:710, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).
38
Barra minn hekk, mill-istruttura ġenerali u mill-għan tal-imsemmija nota jirriżulta li l-kliem “għandhom jiġi kklassifikati fl-intestaturi xierqa għall-funzjonijiet rispettivi tagħhom”, li jinsab fl-imsemmija nota, huwa intiż mhux biex tipprevali funzjoni fuq oħrajn li huma wkoll imwettqa mill-apparat li għandu jiġi kklassifikat u li jaqgħu taħt l-ipproċessar tal-informazzjoni, iżda li jiġi prekluż li apparati li l-funzjoni tagħhom ma hijiex l-ipproċessar tal-informazzjoni jiġu kklassifikati fl-intestatura 8471 tan-NM għaliex sempliċement jinkorporaw magna awtomatika ta’ pproċessar tal-informazzjoni jew jaħdmu flimkien ma’ tali magna (sentenza Kip Europe et, EU:C:2008:710, punt 33).
39
Fir-rigward tal-kunċett ta’ “pproċessar tal-informazzjoni”, minn naħa, l-ewwel paragrafu tal-Kapitolu I tan-nota ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 8471 tan-NM jipprovdi li tali pproċessar jikkonsisti fl-immaniġġjar tad-data ta’ kull tip, f’segwenzi loġiċi stabbiliti minn qabel u għal għan speċifiku wieħed jew iktar. Min-naħa l-oħra, fid-dawl kemm tal-istruttura ġenerali tal-imsemmija nota ta’ spjega kif ukoll tal-kuntest li fih din tidħol, jidher li dan il-kunċett għandu jinftiehem bħala li jimplika, bħala regola ġenerali, l-użu tad-data, bħal pereżempju r-reġistrazzjoni, l-immodifikar, iż-żamma, il-bdil jew l-edizzjoni tagħha (ara s-sentenza Data I/O, C‑370/08, EU:C:2010:284, punt 35).
40
Minn dan jirriżulta li l-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-funzjoni prinċipali tagħhom hija r-riproduzzjoni tal-ħoss permezz tat-trasformazzjoni ta’ sinjal elettromanjetiku fi soundwaves, iwettqu funzjoni li ma hijiex l-ipproċessar tal-informazzjoni. Kif jirriżulta mill-punt 38 ta’ din is-sentenza, il-fatt li loudspeaker għandu jiġi konness ma’ apparat ieħor, bħal pereżempju magna awtomatika għall-ipproċessar tal-informazzjoni li taqa’ taħt l-intestatura 8471 tan-NM, ma jipprekludix il-klassifikazzjoni tiegħu fl-intestatura korrispondenti għall-funzjoni proprja tiegħu.
41
Barra minn hekk, fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-kelma “lawdspiker” li tinsab fl-intestatura 8518 tan-NM, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-punt B tan-nota ta’ spjega tas-SA dwar din l-intestatura 8518, anki saħansitra għall-perijodu ta’ importazzjoni tal-prodotti kkonċernati qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din in-nota ta’ spjega. Fil-fatt, peress li l-kliem tal-imsemmija intestatura, fir-rigward tal-“lawdspiker”, fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mir-Regolament Nru 1789/2003, huwa identiku għal dak tal-istess intestatura tan-NM, fil-verżjonijiet tagħha li jirriżultaw mir-Regolamenti Nri 2388/2000, 2031/2001 u 1832/2002, ma hemmx lok, bħala regola ġenerali, li l-kelma “lawdspiker” tingħata sens differenti mis-sens li għandu jingħatalha b’rigward għall-punt B tal-imsemmija nota ta’ spjega (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Delphi Deutschland, EU:C:2011:315, punt 26).
42
Mill-punt B tal-imsemmija nota ta’ spjega dwar l-intestatura 8518 tan-NM jirriżulta li din tinkludi l-loudspeakers maħluqa biex jiġu konnessi ma’ magna awtomatika ta’ pproċessar tal-informazzjoni meta huma jiġu ppreżentati b’mod separat.
43
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li n-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li prodotti, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li huma konnessi ma’ kompjuter attrezzat b’sistema operattiva “MAC OS 9” jew b’sistema iktar avvanzata, għandhom jiġu kklassifikati bħala loudspeakers fis-subintestatura 8518 22 90 ta’ din in-nomenklatura.
Fuq l-ewwel domanda
44
Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni domanda, ma hemmx lok li l-ewwel domanda tingħata risposta.
Fuq l-ispejjeż
45
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
In-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, fil-verżjonijiet tagħha li jirriżultaw, suċċessivament, mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2388/2000, tat-13 ta’ Ottubru 2000, mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2031/2001, tas-6 ta’ Awwissu 1999, mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1832/2002, tal-1 ta’ Awwissu 2002, u mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1789/2003, tal-11 ta’ Settembru 2003, għandha tiġi interpretata fis-sens li prodotti, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li huma konnessi ma’ kompjuter attrezzat b’sistema operattiva “MAC OS 9” jew b’sistema iktar avvanzata, għandhom jiġu kklassifikati bħala loudspeakers fis-subintestatura 8518 22 90 ta’ din in-nomenklatura.
Firem
( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.
Full & Egal Universal Law Academy