SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
10 ta’ Settembru 2015 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika kummerċjali — Dazju antidumping impost fuq l-importazzjonijiet tal-madum taċ-ċeramika li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina — Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 917/2011 — Validità — Regolament (KE) Nru 1225/2009 — Artikoli 3(2), (3), (5) u (6), 17, 20(1) — Determinazzjoni tad-dannu u tar-rabta kawżali — Żbalji ta’ fatt u żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni — Dmir ta’ diliġenza — Eżami tal-provi mibgħuta minn importatur fil-kampjun — Obbligu ta’ motivazzjoni — Drittijiet tad-difiża”
Fil-Kawża C‑569/13,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-förvaltningsrätten i Malmö (l-Isvezja), permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Novembru 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Novembru 2013, fil-proċedura
Bricmate AB
vs
Tullverket,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn M. Ilešič, President ta’ Awla, A. Ó Caoimh (Relatur), C. Toader, E. Jarašiūnas u C. G. Fernlund, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Sharpston,
Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Diċembru 2014,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
—
għal Bricmate AB, minn C. Dackö, U. Käll u M. Johansson, avukati,
—
għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn S. Boelaert u A. Norberg, bħala aġenti, assistiti minn B. O’Connor, solicitor, u minn S. Gubel, avukat,
—
għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. França u J. Enegren, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-21 ta’ Mejju 2015,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-validità tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 917/2011, tat-12 ta’ Settembru 2011, li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tal-madum taċ-ċeramika li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 238, p. 1).
2
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Bricmate AB (iktar ’il quddiem “Bricmate”) u t-Tullverket (is-Servizz Doganali) fir-rigward tal-ħlas lil dan tal-aħħar ta’ dazju antidumping fuq l-importazzjonijiet tal-madum taċ-ċeramika li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina magħmul minn din il-kumpannija.
Il-kuntest ġuridiku tal-Unjoni
Ir-Regolament bażiku
3
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, p. 51, iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku”) jipprovdi, fl-Artikolu 1(1) tiegħu, li “[d]azju kontra dumping jista’ jiġi applikat għal kwalunkwe prodott oġġett ta’ dumping li l-liberazzjoni tiegħu għal ċirkulazzjoni ħielsa [fl-Unjoni Ewropea] tikkawża ħsara”.
4
L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Tistabbilixxi l-ħsara”, jipprovdi fil-paragrafi 1 sa 3 kif ukoll 5 u 6:
“1. Skond dan ir-Regolament, it-terminu ‘ħsara’ għandu, sakemm mhux speċifikat b’mod ieħor, jittieħed li jfisser ħsara materjali lill-industrija [tal-Unjoni], theddida ta’ ħsara materjali lill-industrija [tal-Unjoni] jew dewmien materjali ta’ l-istabbiliment ta’ industrija bħal din u għandu jiġi interpretat skond id-disposizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu.
2. Id-deċiżjoni dwar il-ħsara għandha tkun ibbażata fuq prova pożittiva u għandha tinvolvi eżami oġġettiv ta’:
a)
il-volum ta’ importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping u l-effett ta’ l-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping fuq il-prezzijiet fis-suq [tal-Unjoni] għall-prodotti simili;
b)
l-impatt li jirriżulta minn dawk l-importazzjonijiet fuq l-industrija [tal-Unjoni].
3. Fejn għandu x’jaqsam il-volum ta’ l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping, għandu jingħata kas ta’ jekk kienx hemm żjieda sinifikanti fl-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping, jew f’termini assoluti jew imqabbla mal-produzzjoni u l-konsum [fl-Unjoni]. Fejn għandu x’jaqsam l-effett ta’ l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping fuq prezzijiet, għandu jingħata kas ta’ jekk kienx hemm waqgħat sinifikanti fil-prezzijiet ta’ l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping meta mqabbla mal-prezz ta’ prodott simili ta’ l-industrija [tal-Unjoni], jew jekk l-effett ta’ importazzjonijiet bħal dawn huwiex mod ieħor biex iwaqqa’ l-prezzijiet għal grad sinifikanti jew biex jipprevjeni żjidiet fil-prezz, li setgħu jseħħu, sa grad sinifikanti. L-ebda wieħed jew iktar minn dawn il-fatturi ma jista neċessarjament jagħti gwida deċiżiva.
[…]
5. L-eżaminazzjoni ta’ l-impatt tal-prodotti li huma l-oġġett ta’ dumping fuq l-industrija [tal-Unjoni] konċernata għandha tinkludi evalwazzjoni tal-fatturi ekonomiċi rilevanti u l-indiċi kollha li għandhom effett fuq l-istat ta’ l-industrija, inkluż il-fatt li l-industrija għadha fi proċess ta’ rkuprar mill-effetti ta’ dumping jew sussidju fil-passat, il-kobor tal-marġini attwali tax-dumping, it-tnaqqis attwali u potenzjali fil-bejgħ, il-profitti, il-produzzjoni, is-sehem fis-suq, il-produttività, ir-redditu fuq l-investimenti, l-utilizzazzjoni tal-volum; fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet [tal-Unjoni]; effetti negattivi attwali u potenzjali fuq iċ-ċirkolazzjoni tal-flus, l-inventarji, il-pagi, it-tkabbir, l-abilità li l-kapital jew investimenti jiġu mgħollija. Il-lista ma ttemx kollox, u lanqas ma jistgħu, wieħed jew iktar minn dawn il-fatturi, neċessarjament jagħtu gwida deċiżiva.
6. Għandu jiġi muri, mill-evidenza rilevanti kollha ppreżentata fejn jidħol il-paragrafu 2, li l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping qegħdin jikkawżaw ħsara skond it-tifsira ta’ dan ir-Regolament. B’mod speċifiku, dan għandu jinvolvi dimostrazzjoni li l-volum u/jew il-livelli tal-prezzijiet identifikati skond il-paragradfu 3 huma responsabbli għal impatt fuq l-industrija [tal-Unjoni] kif stabbilita fil-paragrafu 5, u li dan l-impatt jeżisti sa grad li jagħmlu possibbli li jiġi kklasifikat bħala materjali.”
5
L-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku, intitolat “Teħid ta’ kampjuni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li, “[f]’każijiet fejn in-numru ta’ min qiegħed jilmenta, l-esportaturi jew l-importaturi, it-tipi ta’ prodott jew it-transizzjonijiet huma kbar, l‑investigazzjoni tista’ tiġi limitata għal numru raġjonevoli ta’ partijiet, prodotti, jew transizzjonijiet bl-użu ta’ teħid ta’ kampjuni li huma statistikament validi fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni disponibbli fiż-żmien ta’ l-għażla, jew għall-akbar volum ta’ produzzjoni, bejgħ jew esportazzjonijiet rappreżentanti li jistgħu b’mod raġjonevoli jiġu investigati fiż-żmien disponibbli”.
6
Il-paragrafi 2 sa 4 ta’ dan l-Artikolu jistabbilixxu l-metodi tal-għażla tal-kampjuni u dawk tal-kalkolu tal-marġni ta’ dumping li jkollu jsir f’dan il-każ.
7
L-Artikolu 20 tal-imsemmi regolament, intitolat “L-iżvelar” jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:
“Min jagħmel l-ilment, l-importaturi u l-esportaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentanti tagħhom, u r-rappreżentanti tal-pajjiż ta’ esportazzjoni, jistgħu jitolbu żvelar tad-dettalji taħt il-fatti essenzjali u l-kunsiderazzjonijiet fuq il-bażi li fuqha ġew imposti l-miżuri proviżorji. Talbiet għal żvelar bħal dan għandhom jiġu magħmula bil-miktub immedjatament wara l-impożizzjoni tal-miżuri proviżorji, u l-iżvelar għandu jsir bil-miktub kemm jista’ jkun malajr possibbli wara.”
Ir-Regolament provviżorju
8
Fis-16 ta’ Marzu 2011, il-Kummissjoni Ewropea adottat ir-Regolament (UE) Nru 258/2011, li jimponi dazju antidumping provviżorju fuq importazzjonijiet ta’ madum taċ-ċeramika li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 70, p. 5, iktar ’il quddiem ir-“Regolament provviżorju”).
9
Taħt il-parti B ta’ dan ir-regolament, dwar il-prodott ikkonċernat u l-prodott simili, il-premessi 27 sa 32 tar-Regolament provviżorju, taħt it-titolu “Prodott simili”, kienu jipprovdu s-segwenti:
“(27)
Parti waħda stqarret li l-prodott importat miċ-Ċina u dak prodott mill-industrija tal-Unjoni mhumiex paragunabbli.
(28)
Huma mfakkar li l-Kummissjoni bbażat it-tqabbil tal-prezzijiet fuq it-tipi ta’ prodott distinti abbażi tan-numri ta’ kontroll tal-prodott (‘NKP’) ibbażati fuq tmien karatteristiċi.
(29)
Il-parti kkonċernata ppreżentat l-argumenti tagħha matul is-smigħ quddiem l-Uffiċjal tas-Smigħ. Skont l-argumenti n-nuqqas ta’ paragunabilità kien minħabba t-teknoloġija, il-materjal, l-illostrar u d-disinn differenti użati għall-produzzjoni tal-madum tal-Unjoni u Ċiniżi. Linji teknoloġikament avvanzati pproduċew madum ta’ kwalità għolja b’serigrafiji u diversi kuluri. Il-kumpanija spjegat li kien hemm teknoloġiji tal-istampar differenti għas-serigrafija, ir-roto-printing u l-istampar bl-inkjet.
(30)
Minkejja t-talbiet għal sottomissjonijiet dettaljati li jelaboraw fuq dawn l-aspetti kollha tal-paragunabilità tal-prodotti, il-parti naqqset milli tissostanzja l‑istqarrijiet tagħha. Barra minn hekk, l-argument fuq it-titjib tal-paragunabbiltà ma kienx appoġġjat bi kwalunkwe evidenza. Il-parti stess ukoll irrikonoxxiet li t-tipi ta’ prodott li jkunu koperti biż-żieda tal-erba’ kriterji ssuġġeriti, jirrappreżentaw biss 0,5 % tas-suq tal-madum. Kif dikjarat fir-rapport ippreparat mill-Uffiċjal tas-Smigħ, li ġabar fih il-pożizzjoni tal-kumpanija kkonċernata, id-99,5 % tal-prodotti li jifdal li jaqgħu taħt l-istess NKP kienu simili.
(31)
Kif imsemmi hawn fuq, il-parti ma ssostanzjatx il-ħtieġa li jiġu introdotti kriterji addizzjonali u lanqas l-impatt potenzjali tagħhom fuq il-prezzijiet. Għaldaqstant, minħabba s-sehem tas-suq negliġibbli tat-tipi ta’ prodott ikkonċernati u r-rikonoxximent espliċitu mill-parti li 99,5 % tal-madum kien paragunabbli taħt in-NKP ikkonċernat, it-talba biex jiġu miżjuda kriterji addizzjonali mal-istruttura tan-NKP kellha tiġi miċħuda provviżorjament.
(32)
Ġie konkluż li l-prodott ikkonċernat, il-prodott immanifatturat u mibjugħ fis-suq domestiku taċ-Ċina u fis-suq domestiku tal-USA, li serva provviżorjament bħala l-pajjiż analogu, kif ukoll il-prodott immanifatturat u mibjugħ fl-Unjoni mill-produtturi tal-Unjoni nstabu li kellhom l-istess karatteristiċi bażiċi fiżiċi u tekniċi kif ukoll l-istess użi bażiċi. Għalhekk dawn huma meqjusin provviżorjament bħala simili skont it-tifsira tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.”
10
Il-parti D tar-Regolament provviżorju, dwar id-determinazzjoni tad-dannu, kienet tinkludi l-premessi 68 sa 111 tiegħu. B’mod partikolari, il-premessi 71 u 72 li jinsabu taħt il-punt 2 ta’ din il-parti, intitolata “Il-konsum tal-Unjoni”, kienu jipprovdu:
“(71)
Il-konsum tal-Unjoni ġie stabbilit biż-żieda tal-importazzjonijiet abbażi tad-dejta tal-Eurostat mal-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni. Id-dejta li tikkonċerna l-bejgħ totali tal-Unjoni tal-prodott ikkonċernat kienet ibbażata fuq dejta verifikata kemm mill-assoċjazzjonijiet tal-produtturi nazzjonali kif ukoll dawk Ewropej. L-estrapolazzjonijiet saru abbażi tad-dejta tal-assoċjazzjonijiet u ta’ Prodcom [produzzjoni Komunitarja] sabiex waslu għall-bejgħ totali tal-Unjoni.
(72)
Matul il-perjodu meqjus, jiġifieri bejn l-2007 u l-PI, il-konsum tal-Unjoni naqas b’29 %, bit-tnaqqis ewlieni ta’ 13 % bejn l-2007 u l-2008. Fil-[perjodu tal-investigazzjoni], il-konsum naqas b’8 % paragunat mal-2009.”
11
Il-punt 2 ta’ din il-parti kien jinkludi tabella 1, intitolata “Konsum”, fejn kien espost is-segwenti:
“Volum (000 sq m)
2007
2008
2009
PI [perjodu tal-investigazzjoni ]
+ Importazzjonijiet totali
157 232
140 715
115 676
119 689
+ Produzzjoni tal-Unjoni mibjugħa fis-suq tal-Unjoni
1 275 486
1 099 092
992 204
895 140
Indiċi (2007 = 100)
100
86
78
70
= Konsum
1 432 718
1 239 807
1 107 880
1 014 829
Indiċi (2007 = 100)
100
87
77
71
tnaqqis sena wara sena
– 13 %
– 11 %
– 8 % ”
12
Il-punt 3 li jinsab fl-imsemmija parti D, intitolat “Importazzjonijiet miċ-Ċina”, kien jinkludi fih il-punt 3.1, intitolat “Volum, sehem tas-suq u prezzijiet tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat”. Il-premessi 73 sa 75 inklużi fih kienu jipprovdu:
“(73)
Il-volum, is-sehem tas-suq u l-prezzijiet medji tal-importazzjonijiet miċ-Ċina żviluppaw kif stabbilit hawn taħt. It-tendenzi tal-kwantità u tal-prezzijiet li ġejjin huma bbażati fuq id-dejta tal-Eurostat.
Tabella 2
Importazzjonijiet miċ-Ċina
Volum (000 m2)
2007
2008
2009
PI [Perjodu tal-investigazzjoni]
Volum ta’ importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat
68 081
65 122
62 120
66 023
Indiċi (2007 = 100)
100
96
91
97
Bażi ta’ sena wara sena
– 4 %
– 5 %
+ 6 %
Sehem tas-suq tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat
4,8 %
5,3 %
5,6 %
6,5 %
Prezz tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat (EUR/ m2)
4,7
4,9
4,4
4,5
Indiċi (2007 = 100)
100
105
95
97
Bażi ta’ sena wara sena
+ 4 %
–10 %
+ 2 %
(74)
Il-volum tal-importazzjonijiet totali miċ-Ċina naqas bi 3 % matul il-perjodu kkunsidrat u ammonta għal madwar 66 miljun m2 matul il-PI. It-tendenza ta’ tnaqqis hija sa ċertu punt konformi mat-tendenza ta’ tnaqqis fil-konsum, iżda hija ferm anqas evidenti u seħħet bejn l-2007 u l-2009. Bejn l-2009 u l-PI, il-volum tal-importazzjonijiet miċ-Ċina żdied b’6 %. Barra minn hekk, meta analizzat mill-perspettiva tal-perjodu sħiħ ikkunsidrat, is-sehem tas-suq tal-importazzjonijiet Ċiniżi żdied b’35 %, minn 4,8 % fl-2007 għal 6,5 % fil-PI [perijodu tal-investigazzjoni].
(75)
Il-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi naqsu b’4 % matul il-perjodu kkunsidrat, minn 4,7 EUR/ m2 għal 4,5 EUR/ m2.”
13
Il-premessi 76 u 77, li jinsabu taħt il-punt 3.2, intitolat “Twaqqigħ tal-prezzijiet”, kienu jipprovdu:
“(76)
Għall-finijiet tal-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezzijiet, il-prezzijiet tal-bejgħ medji peżati tal-produtturi tal-Unjoni lill-klijenti mhux relatati fis-suq tal-Unjoni, aġġustati għal livell ex-works, ġew paragunati għal kull tip ta’ prodott mal-prezzijiet medji peżati korrispondenti tal-importazzjonijiet miċ-Ċina lill-ewwel klijent indipendenti fis-suq tal-Unjoni, stabbiliti fuq bażi CIF [prezz, assigurazzjoni u trasport] bl-aġġustamenti xierqa għad-dazji doganali eżistenti, l-ispejjeż ta’ wara l-importazzjoni u l-livell tal-kummerċ.
(77)
Il-paragun wera li matul il-PI, l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat inbiegħu fl-Unjoni għal prezzijiet li waqqgħu dawk tal-industrija tal-Unjoni. Meta espress bħala perċentwal ta’ dan tal-aħħar, il-livell ta’ twaqqigħ kien ivarja minn 44 % sa 57 %. Il-kalkulazzjonijiet kienu bbażati fuq id-dejta sottomessa mill-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun u l-produtturi esportaturi fil-kampjun miċ-Ċina.”
14
Il-parti E tar-Regolament provviżorju, dwar ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet suġġetti għal dumping u d-dannu subit mill-industrija tal-Unjoni (iktar ’il quddiem ir-“rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet u d-dannu”), kien jinkludi punt 2 li kien jirrigwarda l-impatt tal-importazzjonijiet miċ-Ċina, li l-premessi 114 u 116 tiegħu kienu mfassla b’dan il-mod:
“(114)
Din ikkoinċidiet ukoll ma’ tnaqqis fil-konsum tal-Unjoni. Madankollu, filwaqt li l-importazzjonijiet Ċiniżi naqqsu fil-volum b’9 punti perċentwali bejn l-2007 u l-2009, konformi mat-tnaqqis fil-konsum (għalkemm mhux bl-istess pass – il-konsum naqas bi 23 punti perċentwali matul l-istess perjodu), mill-2007 s-sehem tas-suq Ċiniż kiber b’mod stabbli. Barra minn hekk, bejn l-2009 u l-PI, minkejja aktar tnaqqis fil-konsum b’6 punti perċentwali, l-importazzjonijiet Ċiniż żdiedu b’6 punti perċentwali.
[…]
(116)
Iż-żieda fis-sehem tas-suq tal-importazzjonijiet Ċiniżi flimkien mat-tnaqqis fil-prezzijiet u ż-żieda fid-differenzjali tal-prezzijiet bejn il-prezzijiet tal-Unjoni u dawk Ċiniżi kkoinċidiet fiż-żmien mad-deterjorazzjoni tas-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni.”
15
Taħt il-parti F tar-Regolament provviżorju, intitolat “Interess tal-Unjoni”, il-premessi 144 sa 146 relattivi għall-interess tal-importaturi kienu jipprovdu:
“(144)
Madankollu, l-investigazzjoni wriet li huwa possibbli għall-importaturi u għall-utenti li jdiddlu għal prodotti miksuba minn pajjiżi terzi jew mill-Unjoni. Din il-bidla tista’ sseħħ faċilment peress li l-prodott li qed jiġi investigat huwa manifatturat f’ħafna pajjiżi, kemm fl-Unjoni kif ukoll barra minnha (fit-Turkija, fl-Emirati Għarab Magħquda, fl-Eġittu, fix-Xlokk tal-Asja, fil-Brażil u oħrajn).
(145)
Importatur wieħed iddikjara li pprova jbiddel il-fornituri, bħala konsegwenza tat-tnedija tal-investigazzjoni, iżda l-isforzi tiegħu ma kellhomx suċċess. Mill-banda l-oħra, importatur ieħor iddikjara li dan il-proċess diġà kien għaddej fiż-żmien tal-investigazzjoni u li kellu suċċess. Ieħor stqarr li se jespandi l-portafoll tiegħu għal produtturi mhux Ċiniżi u li dan seta’ jsir faċilment.
(146)
Għalhekk ġie konkluż provviżorjament li l-impożizzjoni ta’ miżuri m’għandhiex tfixkel lill-importaturi tal-Unjoni milli jixtru prodotti simili minn sorsi oħra. Barra minn hekk, l-għan tad-dazji antidumping mhuwiex li jitwaqqfu kanali tal-kummerċ speċifiċi iżda li jiġu restawrati kundizzjonijiet indaqs u kontrobattuti prattiki tal-kummerċ inġusti.”
Ir-Regolament Nru 917/2011
16
Wara li espona, fil-parti A tiegħu, il-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni ta’ miżuri provviżorji, ir-Regolament Nru 917/2011 jittratta, fil-parti B tiegħu, dwar “Il-prodott ikkonċernat u [dwar i]l-prodott simili”. Din il-parti tinkludi fiha l-premessi 42 sa 46 ta’ dan ir-Regolament, li jipprovdu:
“(42)
Wara l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji, parti interessata partikolari indikat li kien sar tibdil fil-kodiċijiet NM li jkopru l-prodott ikkonċernat inklużi fir-Regolament li jimponi miżuri provviżorji meta mqabbla ma’ dawk tal-avviż tal-bidu u staqsiet dwar ir-raġunijiet għal dawn id-differenzi u jekk kinux jimplikaw bidla fl-ambitu tal-prodott.
(43)
F’dan il-kuntest qed jiġi enfasizzat li d-differenzi bejn il-kodiċijiet NM indikati fir-Regolament li jimponi miżuri provviżorji u dawk imsemmija fl-avviż tal-bidu mhumiex konnessi ma’ bidla fid-definizzjoni tal-prodott jew l-kamp ta’ applikazzjoni tal-investigazzjoni. L-emendi ma jibdlux it-tipi ta’ madum koperti iżda jirrigwardaw sempliċement il-ħtieġa li jiġi kkunsidrat it-tibdil ġenerali tan-Nomenklatura Magħquda, kif previst fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 861/2010, li sar applikabbli fl-1 ta’ Jannar 2011 […].
(44)
Parti interessata talbet li ċertu mużajk taċ-ċeramika jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott. Il-parti allegat li, jekk jiġu imposti miżuri, din il-kategorija ta’ prodott ikkonċernat titlef il-kompetittività kontra prodotti oħra li magħhom tista’ tiġi sostitwita u li, fi kwalunkwe każ, id-dumping mhuwiex iseħħ f’dan is-segment partikolari.
(45)
Rigward dan l-ilment, l-investigazzjoni żvelat li minħabba li l-mużajk taċ-ċeramika u tipi oħra ta’ madum għandhom l-istess karatteristiċi bażiċi, fiżiċi u tekniċi, mhijiex garantita reviżjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott. F’dak li għandu x’jaqsam man-nuqqas ta’ dumping f’dan is-segment, li ma ġiex appoġġat minn kwalunkwe evidenza, l-analiżi tad-dumping u d-dannu għandha tirrifletti s-sitwazzjoni għall-prodott sħiħ ikkonċernat. F’dawn iċ-ċirkostanzi, dan l-ilment huwa rifjutat.
(46)
Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq u fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor dwar il-prodott ikkonċernat u l-prodott simili, il-premessi minn (25) sa (32) tar-Regolament [provviżorju] li jimponi miżuri provviżorji qegħdin b’dan jiġu kkonfermati.”
17
Il-parti D tar-Regolament Nru 917/2011, dwar id-determinazzjoni tad-dannu kkawżat lill-industrija tal-Unjoni, tinkludi fiha l-premessi 99 sa 137 tiegħu.
18
Taħt din il-parti D, il-punt 1 relattiv għall-produzzjoni u għall-industrija tal-Unjoni jinkludi fih il-punt 1.1, intitolat “Konsum tal-Unjoni”, li l-premessa 100 tiegħu tipprovdi:
“Fl-assenza ta’ kwalunkwe kumment jew konklużjoni ġdida dwar il-konsum tal-Unjoni, il-konklużjonijiet fil-premessi (71) u (72) tar-Regolament provviżorju qegħdin b’dan jiġu kkonfermati.”
19
Il-punt 2 tal-parti msemmija jittratta importazzjonijiet miċ-Ċina u jinkludi, b’mod partikolari, il-premessi 107 u 108. Dawn jipprovdu b’dan il-mod:
“(107)
Għal dak li jikkonċerna l-iżviluppi fil-prezz u l-volum tal-importazzjonijiet miċ-Ċina, huwa minnu li l-varjazzjonijiet huma limitati meta jiġu kkunsidrati f’termini assoluti. L-importazzjonijiet Ċiniżi naqsu bi 3 % fil-perjodu kkunsidrat. Madankollu, l-konklużjoni dwar il-volum tal-importazzjonijiet Ċiniżi kellha titqiegħed fil-kuntest ta’ tnaqqis ġenerali fis-suq tal-Unjoni. Huwa ċar li l-fatt li l-importazzjonijiet Ċiniżi naqsu bi 3 % biss f’dan il-perjodu meta l-konsum ġenerali naqas b’29 % kellu impatt fuq il-preżenza tagħhom fis-suq tal-Unjoni. Għalhekk iż-żamma tal-importazzjonijiet fuq livell stabbli ppermetta lill-importazzjonijiet Ċiniżi li jiggwadanjaw sehem sinifikanti mis-suq f’perjodu fejn operaturi oħra kellhom telf.
(108)
Għal dak li jirrigwarda l-evoluzzjoni tal-prezzijiet Ċiniżi, il-prezzijiet medji tal-importazzjonijiet indikati fil-premessa (73) tar-Regolament provviżorju kienu bbażati fuq l-istatistika tal-Eurostat. Tqajmu dubji dwar l-eżattezza tal-prezzijiet medji tal-importazzjoni lejn ċerti Stati Membri iżda ma ġie kkonfermat l-ebda tibdil fl-istatistika uffiċjali. Fi kwalunkwe eventwalità, qed jiġi mfakkar li d-dejta tal-Eurostat intużat biss sabiex jiġu stabbiliti t-tendenzi ġenerali u li anki jekk il-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi kellhom jiġu aġġustati sabiex jiżdiedu l-kwadru ġenerali tad-dannu xorta waħda jibqa’ l-istess b’marġini għolja għat-twaqqigħ fil-prezzijiet u l-bejgħ. F’dan il-kuntest għandu jiġi nnotat li għall-kalkolu tal-marġini kemm tad-dannu kif ukoll tad-dumping ma ntużatx id-dejta tal-Eurostat. Intużat biss dejta verifikata minn kumpaniji li fihom saru żjarat sabiex jiġi determinat il-livell tal-marġini. Għalhekk, anki jekk jinstabu d-diskrepanzi mal-istatistika, dan ma għandu jkollu l-ebda impatt fuq il-livell tal-marġini żvelati.”
20
Il-parti E tar-Regolament Nru 917/2011, li tirrigwarda r-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet u d-dannu, tinkludi fiha l-premessi 138 sa 169.
21
Il-parti F tar-Regolament Nru 917/2011, intitolata “Interess tal-Unjoni”, tinkludi fiha 5 punti. Il-punt 2 tagħha, intitolat “Interess tal-importaturi”, jipprovdi fil-premessi 174 u 175 tiegħu:
“(174)
Rigward din l-affermazzjoni, qed jiġi mfakkar li parti kbira tal-importazzjonijiet mhumiex affettwati mid-dazji billi huma ta’ oriġini mhux Ċiniża. Il-karatteristiċi tal-prodott, billi qed jiġi prodott madwar id-dinja kollha fi kwalitajiet paragunabbli jissuġġerixxu li dawn il-prodotti huma interskambjabbli u li għalhekk numru ta’ sorsi alternattivi huma disponibbli, minkejja l-allegazzjonijiet magħmula. Anki għall-importaturi li jiddependu fuq l-importazzjonijiet Ċiniżi, li fl-investigazzjoni nstab li huma dumped u mibjugħa bi prezzijiet konsiderevolment iżjed baxxi mill-prodotti li joriġinaw fl-Unjoni, l-investigazzjoni sabet li l-importaturi jistgħu japplikaw mark-ups għall-prezzijiet tal-bejgħ tagħhom f’eċċess ta’ 30 %. Dan, flimkien mal-fatt li nstab li l-importaturi wettqu profitt ta’ madwar 5 % u l-possibbiltà tagħhom li mill-inqas jgħaddu parti miż-żidiet potenzjali fl-ispejjeż lill-klijenti tagħhom, jissuġġerixxi li huma qegħdin f’pożizzjoni li jiffaċċjaw l-impatt tal-miżuri.
(175)
Barra dan u kif konkluż fil-premessa (144) tar-Regolament provviżorju, l-impożizzjoni ta’ miżuri ma għandhiex tfixkel lill-importaturi tal-Unjoni milli jżidu s-sehem tal-importazzjonijiet tal-prodotti tagħhom mis-sorsi l-oħra mhux dumped disponibbli għalihom kemm fl-Unjoni kif ukoll f’pajjiżi terzi oħra.”
22
L-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 917/2011 jipprovdi:
“Huwa b’dan impost dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċangaturi u ċangar taċ-ċeramika gglejżjat u mhux igglejżjat, madum tal-qiegħ tal-fuklar jew tal-ħitan; kubi tal-mużajk taċ-ċeramika gglejżjati u mhux igglejżjati u dawk simili, kemm fuq saff kif ukoll mhux fuq saff, li attwalment jaqgħu taħt il-kodiċi NM 6907 10 00, 6907 90 20, 6907 90 80, 6908 10 00, 6908 90 11, 6908 90 20, 6908 90 31, 6908 90 51, 6908 90 91, 6908 90 93 u 6908 90 99, u li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina.”
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
23
Fis-7 ta’ Mejju 2010, tressaq ilment quddiem il-Kummissjoni li jgħid li l-importazzjonijiet ta’ madum taċ-ċeramika li joriġina miċ-Ċina huma s-suġġett ta’ prattiki ta’ dumping u b’hekk jikkawżaw dannu kbir lill-industrija tal-Unjoni.
24
Konsegwentement, fid-19 ta’ Ġunju 2010, din ippubblikat avviż ta’ tnedija ta’ proċedura antidumping dwar l-importazzjonijiet ta’ madum taċ-ċeramika li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU C 160, p. 20). L-investigazzjoni tad-dumping u l-ħsara kkawżata lill-industrija tal-Unjoni kopriet il-perijodu mill-1 ta’ April 2009 sal-31 ta’ Marzu 2010. L-eżami ta’ xejriet għall-finijiet tal-analiżi tal-ħsara lil din l-industrija u tar-rabta ta’ kawżalità bejn l-importazzjonijiet u d-dannu kopra l-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2007 sal-31 ta’ Marzu 2010. L-investigazzjoni kienet estiża għall-madum taċ-ċeramika kollu importat taħt l-intestaturi tariffarji 6907 u 6908 tan-Nomenklatura Magħquda inkluża fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), kif emendat (iktar ’il quddiem in-“NM”).
25
Bricmate hija kumpannija Svediża importatriċi ta’ madum taċ-ċeramika li joriġina miċ-Ċina. Fil-kuntest tal-proċedura antidumping, Bricmate intgħażlet, flimkien ma’ sitt kumpanniji oħra biex tifforma parti minn kampjun ta’ importaturi indipendenti. F’dan ir-rigward, din ipprovdiet, fl-10 ta’ Settembru 2010, informazzjoni dettaljata lill-Kummissjoni, b’risposta għall-kwestjonarju tagħha. Sussegwentement, Bricmate ikkompletat din l-informazzjoni fl-10 ta’ Diċembru 2010.
26
Fis-16 ta’ Marzu 2011, il-Kummissjoni adottat ir-regolament provviżorju. Fil-15 ta’ April 2011, Bricmate ippreżentat lill-Kummissjoni l-osservazzjonijiet tagħha dwar dan ir-regolament. B’ittra tal-1 ta’ Lulju 2011, il-Kummissjoni rrispondiet għal dawn l-osservazzjonijiet u bagħtet lil din il-kumpannija dokument ta’ divulgazzjoni ġenerali li abbażi tiegħu hija pproponiet li tirrakkomanda li l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jimponi miżuri antidumping definittivi.
27
Fil-11 ta’ Lulju 2011, Bricmate bagħtet l-osservazzjonijiet tagħha relattivi għad-dokument ta’ divulgazzjoni ġenerali, li din ikkompletat ulterjorment, wara l-intervent tal-Uffiċjal tas-Smigħ, fil-15 ta’ Lulju 2011. B’ittra tas-27 ta’ Lulju 2011, il-Kummissjoni rrispondiet għall-osservazzjonijiet ta’ din il-kumpannija, li ppreżentat il-kummenti tagħha dwar din ir-risposta fit-23 ta’ Awwissu 2011.
28
Fit-12 ta’ Settembru 2011, il-Kunsill adotta r-Regolament Nru 917/2011.
29
Fit-28 ta’ Novembru 2011, Bricmate ippreżentat, abbażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, rikors intiż għall-annullament tar-Regolament imsemmi quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea. Bid-digriet tagħha Bricmate vs Il-Kunsill (T‑596/11, EU:T:2014:53), il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan ir-rikors bħala inammissibbli, sa fejn ir-rikorrenti ma kinitx individwalment ikkonċernata mir-regolament li kien qed jintalab l-annullament tiegħu u sa fejn dan tal-aħħar kien jinkludi fih miżuri ta’ implementazzjoni.
30
Abbażi tar-Regolament Nru 917/2011, it-Tullverket ħarġet, bejn il-31 ta’ Ottubru 2011 u t-28 ta’ Mejju 2012, 32 avviż ta’ impożizzjoni li japplika d-dazju antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ madum taċ-ċeramika li joriġina miċ-Ċina magħmula minn Bricmate.
31
Bir-rikors tagħha ppreżentat quddiem il-qorti tar-rinviju, Bricmate talbet l-annullament tal-avviżi msemmija, billi eċċepiet l-invalidità tar-Regolament Nru 917/2011. Insostenn tal-invalidità ta’ dan ir-Regolament, din il-kumpannija invokat żewġ motivi. L-ewwel motiv jinqasam f’żewġ partijiet, fejn l-ewwel wieħed jikkonċerna l-allegati irregolaritajiet li jolqtu l-istatistika ta’ Eurostat li bbażat ruħha fuqha l-Kummissjoni. It-tieni parti ta’ dan il-motiv tirrigwarda allegat nuqqas ta’ eżami mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni tal-irregolaritajiet allegati. It-tieni motiv huwa bbażat fuq l-aġir mhux xieraq tal-Kummissjoni fil-konfront ta’ Bricmate matul l-investigazzjoni.
32
Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li hija ma tistax teskludi li l-argumenti mressqa minn Bricmate jistgħu jitqiesu li huma fondati.
33
B’hekk, permezz tal-punti (a) u (b) tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-Regolament Nru 917/2011 huwiex invalidu minħabba li l-istatistika użata mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-investigazzjoni tagħha hija żbaljata u minħabba li, għalhekk, il-Kunsill u l-Kummissjoni bbażaw ruħhom fuq premessa żbaljata fl-istabbiliment tad-dannu kkawżat lill-industrija tal-Unjoni u tar-rabta kawżali.
34
Permezz tal-punt (ċ) tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, meta sostnew, fil-premessa 108 tar‑Regolament Nru 917/2011, li ma ġiet ikkonfermata ebda emenda fl-istatistika uffiċjali, kisrux id-dmir ta’ diliġenza tagħhom kif ukoll l-Artikolu 3(2) u (6) tar-Regolament bażiku. F’dan ir-rigward, din tibbaża ruħha fuq l-affermazzjonijiet ta’ Bricmate li jgħidu li din tal-aħħar kienet ilmentat mal-Kummissjoni dwar in-natura żbaljata tal-istatistika ta’ Eurostat.
35
Permezz tal-punti (d) sa (f) tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-Kummissjoni, meta ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-argumenti invokati minn Bricmate kemm fir-rigward tad-differenzi fil-proċess ta’ fabbrikazzjoni ta’ madum taċ-ċeramika li joriġina miċ-Ċina minn dak li joriġina fl-Ewropa kif ukoll fir-rigward tal-offerta ta’ dawn il-prodotti fis-suq tal-Unjoni, kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, fis-sens tal-Artikolu 296 TFUE, u d-drittijiet tad-difiża ta’ Bricmate kif ukoll l-Artikoli 17 u 20(1) tar-Regolament bażiku.
36
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tesponi li Bricmate, magħżula mill-Kummissjoni bħala waħda mill-importaturi indipendenti membri tal-kampjun fil-kuntest tal-proċedura antidumping, enfasizzat l-importanza tal-proċess ta’ tqattigħ tal-madum taċ-ċeramika fiċ-Ċina u indikat li seba’ tipi ta’ sensiliet ta’ madum ma setgħux jinsabu fl-Unjoni. Issa, l-intestaturi tariffarji tan-NM użati fil-proċedura antidumping u l-kalkoli tad-dannu lill-industrija tal-Unjoni ma jiħdux inkunsiderazzjoni dawn l-ispeċifiċitajiet. Din il-qorti tqis li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma esponewx b’mod ċar il-mod li bih l-informazzjoni kkomunikata minn Bricmate ittieħdet inkunsiderazzjoni waqt l-adozzjoni tar-Regolament provviżorju u tar-Regolament Nru 917/2011, peress li barra minn hekk l-argumenti ta’ Bricmate ġew kontradetti minn dawn sa ċertu punt. B’mod partikolari, il-qorti msemmija tikkonstata liema tteħditx inkunsiderazzjoni, minn naħa, l-informazzjoni dwar l-offerta limitata ta’ madum u l-allegati differenzi dwar it-teknika ta’ tqattigħ kif ukoll, min-naħa l-oħra, l-avviżi ta’ Bricmate. Dwar dan, mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali Gul Ahmed Textile Mills vs Il-Kunsill (T‑199/04, EU:T:2011:535, punt 77) jirriżulta li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, meta jagħmlu użu minn kampjun, għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni d-data relattiva għall-esportazzjonijiet tal-impriżi kollha inklużi fil-kampjun. Issa, meta injorat l-informazzjoni pprovduta minn Bricmate, il-Kummissjoni kisret ir-regoli relattivi għat-teħid ta’ kampjuni li jinsabu fl-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.
37
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-förvaltningsrätten i Malmö (qorti amministrattiva ta’ Malmö) ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“Ir-[Regolament Nru 917/2011] huwa invalidu għal xi waħda mir-raġunijiet segwenti:
a)
l-investigazzjoni tal-istituzzjonijiet tal-[Unjoni] fiha żbalji manifesti ta’ fatt,
b)
l-investigazzjoni tal-istituzzjonijiet tal-[Unjoni] fiha żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni,
ċ)
il-Kummissjoni kisret id-dmir ta’ diliġenza u l-Artikolu 3(2) u (6) tar-[Regolament bażiku];
d)
il-Kummissjoni naqset milli twettaq l-obbligi tagħha li jirriżultaw mill-Artikolu 20(1) tar-[Regolament bażiku] u naqset milli tosserva d-drittijiet tad-difiża [ta’ Bricmate],
e)
il-Kummissjoni, bi ksur tal-Artikolu 17 tar-[Regolament bażiku], ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-informazzjoni pprovduta [minn Bricmate], u/jew
f)
il-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni (fis-sens tal-Artikolu 296 TFUE)?”
Fuq it-talba għal ftuh mill-ġdid tal-proċedura orali
38
Wara li ġew ippreżentati l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, Bricmate, permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Ġunju 2015, talbet li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura. Insostenn ta’ din it-talba, Bricmate tosserva, essenzjalment, li, waqt is-seduta, il-Kummissjoni ammettiet li kienet taf bin-natura żbaljata tal-istatistika inkwistjoni matul il-fażi finali tal-investigazzjoni antidumping. Dan ir-rikonoxximent jikkostitwixxi element ġdid li ma ġiex indirizzat mill-partijiet u lanqas ma ġie eżaminat f’dawn il-konklużjonijiet.
39
Għandu jitfakkar li l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jipprevedux il-possibbiltà li l-partijiet jissottomettu osservazzjonijiet b’risposta għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali (ara s-sentenza Vnuk, C‑162/13, EU:C:2014:2146, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).
40
Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE, l-Avukat Generali għandu d-dmir li pubblikament bl-ikbar imparzjalità u b’indipendenza sħiħa jipproponi konklużjonijiet motivati dwar il-kawżi li, skont l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġu l-intervent tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja la hija marbuta bil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali u lanqas bil-motivazzjoni li tagħti lok għall-imsemmija konklużjonijiet (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Parker Hannifin Manufacturing u Parker-Hannifin, C‑434/13 P, EU:C:2014:2456, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).
41
Fid-dawl ta’ dan, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, b’mod partikolari meta tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma kienx indirizzat mill-partijiet jew mill-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza Nordzucker, C-148/14, EU:C:2015:287, punt 24).
42
F’dan il-każ dan ma seħħx. Fil-fatt, Bricmate esponiet, kemm matul il-fażi bil-miktub tal-proċedura kif ukoll matul il-fażi orali tagħha, l-argumenti ta’ fatt u ta’ liġi kollha insostenn tal-pretensjonijiet tagħha. B’mod partikolari, fir-rigward tal-allegat element ġdid invokat waqt is-seduta, għandu jiġi kkonstatat li dan ġie diskuss matul il-fażijiet tal-proċedura msemmija. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li hija għandha l-elementi kollha neċessarji biex tadotta deċiżjoni u li dawn l-elementi kienu indirizzati fil-proċeduri quddiemha.
43
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.
Fuq id-domanda preliminari
Fuq l-Artikolu 3(2) u (6) tar-Regolament bażiku, l-iżbalji ta ’ fatt u l-iżbalji manifesti ta ’ evalwazzjoni kif ukoll il-ksur tad-dmir ta ’ diliġenza
44
Permezz tal-punti (a) sa (ċ) tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk ir-Regolament Nru 917/2011 huwiex invalidu sa fejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, minn naħa, wettqu żbalji ta’ fatt u żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fil-kuntest tal-investigazzjoni antidumping, peress li dawn ibbażaw ruħhom, għall-finijiet tal-istabbiliment tad-dannu kkawżat lill-industrija tal-Unjoni u tar-rabta ta’ kawżalità bejn l-importazzjonijiet u d-dannu, fuq statistika ta’ Eurostat żbaljata u, min-naħa l-oħra, kisru d-dmir ta’ diliġenza tagħhom kif ukoll l-Artikolu 3(2) u (6) tar-Regolament bażiku, meta sostnew, fil-premessa 108 tar-Regolament Nru 917/2011, li ma kienet ġiet ikkonfermata ebda emenda fl-istatistika uffiċjali.
45
B’mod partikolari, f’dak li jirrigwarda l-iżbalji ta’ fatt, il-qorti tar-rinviju tistaqsi ruħha dwar jekk l-istituzzjonijiet tal-Unjoni wettqux, minn naħa, żball relattiv għall-volum tal-importazzjonijiet ta’ merkanzija li jidħlu fl-intestatura 6908 90 99 tan-NM, peress li, fir-Regolament Nru 917/2011, il-volum tal-importazzjonijiet Ċiniżi kien sopravalutat b’1.3 miljun m2 għall-2009 u għall-perijodu tal-investigazzjoni. Din tixtieq tkun taf ukoll jekk dawn l-istituzzjonijiet, min-naħa l-oħra, wettqux żball relattiv għall-importazzjonijiet ta’ merkanzija li tidħol taħt l-intestatura 6907 90 99 tan-NM, li saret l-intestatura 6907 90 80 tan-NM, b’tali mod li għall-2009 u għall-perijodu tal-investigazzjoni l-volum ta’ dawn l-importazzjonijiet ġie sopravalutat b’10 %.
46
Għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, id-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dannu kkawżat lill-industrija tal-Unjoni tippresupponi l-evalwazzjoni ta’ sitwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi u li l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ tali evalwazzjoni għandu għalhekk ikun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura, tal-eżattezza materjali tal-fatti kkunsidrati, tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti jew tal-assenza ta’ użu ħażin ta’ poter. Dan huwa, b’mod partikolari, il-każ f’dak li jikkonċerna d-determinazzjoni tal-fatturi li jikkawżaw dannu lill-industrija tal-Unjoni fil-kuntest ta’ investigazzjoni antidumping (ara s-sentenzi Ikea Wholesale, C‑351/04, EU:C:2007:547, punt 41; Simon, Evers & Co., C‑21/13, EU:C:2014:2154, punt 29; Valimar, C‑374/12, EU:C:2014:2231, punt 51, kif ukoll TMK Europe, C‑143/14, EU:C:2015:236, punt 34).
47
F’dan il-każ, fir-rigward, minn naħa, tal-volum tal-importazzjonijiet ta’ merkanzija li jidħlu taħt l-intestatura 6908 90 99 tan-NM, il-Kummissjoni rrikonoxxiet, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, l-ineżattezza taċ-ċifra ta’ 66023000 m2 relattiva għall-volum tal-importazzjonijiet Ċiniżi matul il-perijodu tal-investigazzjoni, li tidher fil-premessa 73 tar-Regolament provviżorju. Issa din issostni li l-volum ta’ dawn l-importazzjonijiet huwa ta’ 64821000 m2. Issa, ir-Regolament Nru 917/2011 jirreferi, fil-premessa 108 tiegħu, għaċ-ċifri indikati fil-premessa 73 tar-Regolament provviżorju. Minn dan jirriżulta li, għall-perijodu tal-investigazzjoni, ir-Regolament Nru 917/2011 issopravaluta l-volum tal-importazzjonijiet Ċiniżi b’1 202000 m2.
48
Min-naħa l-oħra, f’dak li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ merkanzija li tidħol taħt l-intestatura 6907 90 99 tan-NM, mill-istatistika ta’ Eurostat li ġiet ikkomunikata mill-Kummissjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, għall-2009, il-kwantità supplimentari ta’ din il-merkanzija li toriġina miċ-Ċina u importata fi Spanja kienet tammonta għal 881734 m2 u mhux għal 7373291 m2, kif kienet tindika l-istatistika ta’ Eurostat użata mill-Kummissjoni, u, għal Novembru 2009, il-kwantità supplimentari importata kienet tammonta għal 64940 m2 u mhux għal 6565771 m2, kif kienet tindika l-istatistika ta’ Eurostat użata mill-Kummissjoni.
49
Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-volum tal-importazzjonijiet, il-Kummissjoni tammetti l-eżistenza ta’ ineżattezzi materjali.
50
Għalhekk, għandu jiġi ddeterminat jekk dawn l-ineżattezzi jistgħux iwasslu biex jiġi invalidat ir-Regolament Nru 917/2011.
51
F’dan ir-rigward, Bricmate issostni li l-ineżattezzi msemmija vvizzjaw l-affidabbiltà ta’ diversi indikaturi makroekonomiċi użati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-proċedura antidumping inkwistjoni, u wasslu lil dawn biex iwettqu żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni. Għalhekk, huma żbaljati l-indikaturi relattivi għall-volum tal-importazzjonijiet provenjenti miċ-Ċina, għall-konsum fl-Unjoni, għas-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet li joriġinaw miċ-Ċina, għas-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni, għall-prezz medju ta’ dawn l-importazzjonijiet, għad-differenza bejn il-prezz tal-imsemmija importazzjonijiet u l-prezzijiet ipprattikati fl-Unjoni.
52
Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-eżami oġġettiv tad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dannu kkawżat lill-industrija tal-Unjoni, previst fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku, għandu jinvolvi, minn naħa, il-volum tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping u l-effett ta’ dawn l-importazzjonijiet fuq il-prezzijiet tal-prodotti simili fis-suq tal-Unjoni kif ukoll, min-naħa l-oħra, fuq l-impatt ta’ dawn l-importazzjonijiet fuq l-industrija tal-Unjoni.
53
B’hekk, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-imsemmi volum jew tal-imsemmija prezzijiet, l-Artikolu 3(3) tar-Regolament bażiku jipprovdi l-fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, f’dan l-eżami, filwaqt li jippreċiża li wieħed jew iktar minn dawn il-fatturi ma jistgħux jikkostitwixxu waħedhom bażi għal deċiżjoni determinanti (ara s-sentenza Neotype Techmashexport vs Il-Kummissjoni u Il-Kunsill, C‑305/86 u C‑160/87, EU:C:1990:295, punt 50).
54
L-istess japplika fir-rigward tal-impatt tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping fuq l-industrija tal-Unjoni. Fil-fatt, mill-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku jirriżulta li huma l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li għandhom jevalwaw il-fatturi u l-indizji ekonomiċi relevanti kollha li jkollhom impatt fuq is-sitwazzjoni ta’ din l-industrija, fejn wieħed jew iktar minn dawn il-fatturi mhux neċessarjament jikkostitwixxu bażi għal deċiżjoni determinanti. B’hekk, din id-dispożizzjoni tagħti lil dawn l-istituzzjonijiet setgħa diskrezzjonali fl-eżami u fl-evalwazzjoni tal-indizji differenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ikea Wholesale, C‑351/04, EU:C:2007:547, punt 61).
55
Finalment, fir-rigward tar-rabta ta’ kawżalità, konformement mal-Artikolu 3(6) tar-Regolament bażiku, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom juru li l-volum u/jew il-livelli tal-prezzijiet imsemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu għandhom impatt fuq l-industrija tal-Unjoni fis-sens tal-paragrafu 5 tiegħu u li dan l-impatt huwa tali li jista’ jitqies bħala kbir.
56
Għalhekk, wara qari flimkien ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, għandu jiġi ddeterminat jekk mill-fatturi rilevanti kollha jirriżultax li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni pprovawx l-eżistenza ta’ dannu kbir ikkawżat lill-industrija tal-Unjoni.
57
F’dan il-każ, mill-premessa 108 tar-Regolament Nru 917/2011 jirriżulta li, anki jekk, wara li ntbagħat id-dokument ta’ divulgazzjoni ġenerali, il-partijiet interessati kkontestaw l-eżattezza tal-prezzijiet medji fuq l-importazzjoni tal-prodotti kkonċernati lejn ċerti Stati Membri, madankollu l-istituzzjonijiet tal-Unjoni kkonkludew li “il-kwadru ġenerali tad-dannu xorta waħda jibqa’ l-istess b’marġini għolja għat-twaqqigħ fil-prezzijiet u l-bejgħ”.
58
Għandu jiġi rrilevat li, għalkemm l-ineżattezzi materjali kkonstatati affettwaw ċerti indikaturi, kien jeżisti marġni kbir ta’ tnaqqis fil-prezzijiet. Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-ineżattezzi materjali inkwistjoni ma kellhomx impatt fuq dawn il-marġni. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li indikaturi makroekonomiċi oħra, bħall-istokk, il-prezzijiet tal-bejgħ, ir-rentabbiltà, il-flussi tal-kontanti, ir‑ritorn fuq l-investimenti, is-salarji u l-prezz ta’ produzzjoni wkoll kienu bbażati fuq data provenjenti mill-produtturi tal-Unjoni li jifformaw parti mill-kampjun u li, mingħajr ma dan ġie kkontestat, dawn ma kinux milquta mill-ineżattezzi materjali ta’ fatt ikkonstatati.
59
Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-użu ta’ ċifri korretti mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom (iktar ’il quddiem iċ-“ċifri korretti”) ma kellux impatt notevoli fuq id-determinazzjoni tad-dannu effettivament ikkawżat lill-industrija tal-Unjoni u fuq ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet u d-dannu.
60
Fil-fatt, miċ-ċifri korretti jirriżulta li l-volum tal-importazzjonijiet provenjenti miċ-Ċina, bejn l-2007 u l-perijodu tal-investigazzjoni (iktar ’il quddiem il-“perijodu kkunsidrat”), naqas bi 15 % u mhux bi 3 %, hekk kif jirriżulta mill-premessi 73 u 74 tar-Regolament provviżorju. Issa, fil-premessa 107 tar-Regolament Nru 917/2011, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni kkonkludew, ġustament, li fid-dawl tal-fatt li l-konsum fl-Unjoni rreġistra tnaqqis ta’ 29 %, li jirrappreżenta 30 % b’applikazzjoni taċ-ċifri korretti, mit-tnaqqis fil-volum tal-importazzjonijiet miċ-Ċina u tal-konsum fl-Unjoni kkunsidrati flimkien, jirriżulta li l-importaturi Ċiniżi setgħu madankollu jkabbru s-sehem mis-suq tagħhom fis-suq tal-Unjoni.
61
F’dak li jikkonċerna s-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet Ċiniżi fl-Unjoni, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jirrikonoxxu li, b’applikazzjoni taċ-ċifri korretti, dan żdied b’21 % u mhux b’35 %, hekk kif jirriżulta mill-premessa 73 tar-Regolament provviżorju, riprodotta fuq dan il-punt mill-premessa 107 tar-Regolament Nru 917/2011. Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li s-sehem mis-suq tagħhom għandu dejjem jitqies bħala kbir u li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, ġustament, indikaw fil-premessa 107 li dan is-sehem mis-suq kien qiegħed jiżdied.
62
Fir-rigward tas-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jammettu, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, li dan ma naqasx b’punt perċentwali, hekk kif ġie indikat fil-premessa 87 tar-Regolament provviżorju, iżda baqa’ stabbli, matul il-perijodu kkunsidrat. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li indikaturi makroekonomiċi oħra relattivi għall-industrija tal-Unjoni, bħall-produzzjoni ta’ din l-industrija, il-kapaċitajiet ta’ produzzjoni, il-bejgħ magħmul mill-industrija msemmija, l-impjiegi u l-produttività tal-ħaddiema, naqsu, mingħajr ma dan ġie kkontestat.
63
Fir-rigward tal-prezz medju tal-importazzjonijiet Ċiniżi, b’applikazzjoni taċ-ċifri korretti, matul il-perijodu kkunsidrat, dan żdied b’10 % u mhux naqas bi 3 %, hekk kif ġie espost fil-premessa 73 tar-Regolament provviżorju. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, minn naħa, hekk kif jirriżulta mill-premessa 115 tar-Regolament provviżorju, id-differenza bejn il-prezzijiet Ċiniżi u dawk tal-industrija tal-Unjoni laħqet il-50 % matul il-perijodu kkunsidrat. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm din id-differenza baqgħet stabbli, hekk kif ikkonstatat l-investigazzjoni, din xorta għadha kbira. Barra minn hekk, skont il-premessa 113 tar-Regolament Nru 917/2011, l-investigazzjoni weriet livelli ta’ tnaqqis fil-prezz ta’ livell bejn 43,2 % u 55,7 %. Issa, peress li dawn iċ-ċifri rriżultaw minn data pprovduta mill-kumpanniji li jiffurmaw parti mill-kampjun, dawn ma humiex milquta mill-ineżattezzi tad-data ta’ Eurostat.
64
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li ċ-ċifri korretti ma jpoġġux indiskussjoni l-konklużjoni globali li waslu għaliha, wara eżami tal-indikaturi ekonomiċi kollha, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, b’tali mod li dawn ġustament stabbilew l-eżistenza tad-dannu kkawżat lill-industrija tal-Unjoni u r-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet u d-dannu.
65
Finalment, Bricmate tosserva li l-ineżattezzi materjali tal-fatti allegati mill-partijiet interessati ma ġewx eżaminati u lanqas korretti, minkejja li dawn ġew invokati fl-osservazzjonijiet ippreżentati minn dawn il-partijiet u kkomunikati lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni qabel l-adozzjoni tar-Regolament Nru 917/2011. Għalhekk, dawn l-istituzzjonijiet kisru d-dmir ta’ diliġenza tagħhom u d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(2) u (6) tar-Regolament bażiku.
66
F’dan ir-rigward, dwar il-volum tal-importazzjonijiet li jidħlu taħt l-intestatura 6908 90 99 tan-NM, mill-provi ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, peress li l-ineżattezza materjali dwar dan il-volum ġiet ikkomunikata lill-Kummissjoni matul l-investigazzjoni antidumping, din l-istituzzjoni eżaminat l-impatt tagħha fuq id-determinazzjoni tad-dannu kkawżat lill-industrija tal-Unjoni. B’hekk, mill-punt 77 tad-dokument ta’ divulgazzjoni ġenerali tal-1 ta’ Lulju 2011 jirriżulta li l-Kummissjoni kkonkludiet li d-differenzi kkonstatati fl-istatistiki kellhom impatt dgħajjef fuq id-determinazzjoni globali tad-dannu. Għalhekk, din iddeċidiet li ma kien la neċessarju u lanqas utli li tinbidel id-data użata matul l-investigazzjoni antidumping. Minn dan jirriżulta li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni eżaminaw bid-diliġenza meħtieġa l-elementi li jirriżultaw mill-allegazzjonijiet li jikkonċernaw din l-ineżattezza tad-data ta’ Eurostat.
67
F’dak li jikkonċerna l-ineżattezza relattiva għall-importazzjonijiet ta’ merkanzija li tidħol taħt l-intestatura 6907 90 99 tan-NM, għandu jiġi ppreċiżat li parti interessata oħra, matul l-investigazzjoni, informat lill-Kummissjoni bl-iżbalji li jinsabu fl-istatistika ta’ Eurostat relattiva għall-prezz medju tal-importazzjonijiet Ċiniżi. Għalhekk, din l-istituzzjoni kkuntattjat, fid-9 ta’ Ġunju 2011, lid-dipartimenti ta’ Eurostat biex tivverifika jekk id-data, inkluża dik relattiva għar-Renju ta’ Spanja, kinitx eżatta. Dawn id-dipartimenti rrispondew li konferma jew korrezzjoni tal-istatistika kienet teħtieġ terminu ta’ xi ġimgħat, peress li waħda jew l-oħra minn dawn l-interventi kienet taħt ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet Spanjoli. Din il-parti informat ukoll lill-Kummissjoni, b’ittra li ġiet irċevuta fil-15 ta’ Lulju 2011, bl-eżistenza ta’ inkoerenzi fir-rigward tad-data relattiva għar-Renju ta’ Spanja għall-2009. Madankollu, mill-fajl ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li l-Kummissjoni vverifikat il-fondatezza tal-ineżattezza allegata qabel l-adozzjoni tar-Regolament Nru 917/2011.
68
Issa, peress li l-eżattezza tad-data ta’ Eurostat kienet ikkontestata, kienet il-Kummissjoni li kellha tevalwa ex officio l-impatt tal-ineżattezza msemmija fuq id-determinazzjoni tad-dannu. F’dan ir-rigward, din l-istituzzjoni ma setgħetx tillimita ruħha li tibgħat talba għal informazzjoni waħda lid-dipartimenti ta’ Eurostat u tistenna r-reazzjoni tal-awtoritajiet Spanjoli. Għall-kuntrarju, kienet il-Kummissjoni, konformement mal-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku, li kellha tippreżenta l-provi pożittivi u twettaq eżami oġġettiv dwar l-informazzjoni relattiva għall-prezzijiet tal-importazzjonijiet provenjenti miċ-Ċina. B’hekk, in-nuqqas ta’ risposta minn dawn id-dipartimenti jew it-trażmissjoni ta’ elementi ta’ risposta mhux konklussivi ma kienu b’ebda mod jeħilsu lill-Kummissjoni milli twettaq din l-evalwazzjoni. Għalhekk, għandu jiġi konkluż li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma eżaminawx bid-diliġenza meħtieġa d-data li tinsab fl-istatistika ta’ Eurostat.
69
Madankollu, din l-ommissjoni tal-eżami tad-data relattiva għall-prezzijiet medji u għall-volumi tal-importazzjonijiet provenjenti miċ-Ċina ma hijiex ta’ natura li tinvalida l-konklużjonijiet li waslu għalihom l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, peress li, hekk kif diġà ġie rrilevat fil-punti 55 u s-segwenti ta’ din is-sentenza, abbażi taċ-ċifri korretti, it-tendenzi tal-indikaturi korretti għad-determinazzjoni tad-dannu kkawżat lill-industrija tal-Unjoni u tar-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet u d-dannu jibqgħu globalment l-istess. B’hekk, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni setgħu jikkonkludu favur l-eżistenza ta’ dannu kkawżat lill-industrija tal-Unjoni u ta’ rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet u d-dannu.
70
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, minn naħa, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma wettqu ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni u, min-naħa l-oħra, li l-ommissjoni milli jeżaminaw b’diliġenza d-data relattiva għall-prezzijiet u għall-volumi ta’ importazzjonijiet provenjenti miċ-Ċina ma tistax tpoġġi indiskussjoni l-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ dannu kkawżat lill-industrija tal-Unjoni u ta’ rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet u d-dannu.
Fuq il-ksur tal-obbligu ta ’ motivazzjoni, tad-drittijiet tad-difiża, tal-Artikoli 17 u 20(1) tar-Regolament bażiku u tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 296 TFUE
71
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-Regolament Nru 917/2011 huwiex invalidu sa fejn il-Kummissjoni, meta ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-argumenti li qajmet Bricmate, fil-kwalità ta’ importatur li jifforma parti mill-kampjun, dwar, minn naħa, id-differenzi fil-proċess ta’ fabrikazzjoni tal-madum taċ-ċeramika Ċiniż u tal-madum taċ-ċeramika tal-Unjoni kif ukoll, min-naħa l-oħra, dwar l-offerta limitata ta’ ċertu tip ta’ madum taċ-ċeramika fis-suq tal-Unjoni, kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, id-drittijiet tad-difiża ta’ Bricmate, l-Artikoli 17 u 20(1) tar-Regolament bażiku u r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 296 TFUE.
72
Bricmate tosserva li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni kisru l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħhom, sa fejn dawn ma spjegawx b’mod ċar il-mod li bih ittieħdet inkunsiderazzjoni l-informazzjoni dwar il-proċess tal-qtugħ tal-madum ikkomunikata minnha. B’mod partikolari, fir-risposta tagħha għall-kwestjonarju tal-10 ta’ Settembru 2010, din enfasizzat l-importanza tal-proċess ta’ qtugħ tal-madum u indikat seba’ tipi ta’ sensiliet ta’ madum li din ma setgħetx tikseb mis-suq tal-Unjoni. Issa, l-intestaturi tariffarji tan-NM tal-prodotti kkonċernati użati fil-kuntest tal-proċedura antidumping u l-kalkoli tad-dannu kkawżat lill-industrija tal-Unjoni ma jiħdux inkunsiderazzjoni dawn id-differenzi. Skont Bricmate, kien meħtieġ aġġustament biex jittieħdu inkunsiderazzjoni d-differenzi msemmija, liema ħaġa kellha twassal għal tnaqqis fil-marġni tad-dannu. Barra minn hekk, l-industrija tal-Unjoni ma setgħetx, skont Bricmate, tipprovdi madum taċ-ċeramika ta’ daqs żgħir.
73
Abbażi tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali Gul Ahmed Textile Mills vs Il-Kunsill (T‑199/04, EU:T:2011:535, punt 77), Bricmate tenfasizza li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, meta jirrikorru għat-teħid ta’ kampjuni konformement mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku, għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni d-data relattiva għall-esportazzjonijiet tal-impriżi kollha kkunsidrati fil-kampjun. L-istess prinċipju għandu japplika wkoll għad-data jew għall-informazzjoni miġbura mingħand impriżi differenti membri tal-kampjun, inkluż il-kampjun tal-importaturi indipendenti.
74
Bricmate issostni wkoll li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 20(1) tar-Regolament bażiku, billi naqset milli tikxef il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom ġie adottat ir-Regolament provviżorju. Sussegwentement, il-Kummissjoni, meta ċaħdet l-argumenti ta’ Bricmate ibbażati fuq in-nuqqas ta’ madum taċ-ċeramika ta’ daqs żgħir abbażi ta’ informazzjoni oħra, naqset mill-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha u, b’hekk, kisret id-drittijiet tad-difiża ta’ din il-kumpannija. Il-Kummissjoni naqset milli tikxef fiex kienet tikkonsisti din l-informazzjoni l-oħra u r-risposta tal-Kummissjoni, riċevuta minn Bricmate fis-27 ta’ Lulju 2011, ma ppermettitilhiex li tikseb informazzjoni ulterjuri minħabba n-natura tardiva tagħha.
75
Finalment, Bricmate tqis li l-Kummissjoni, meta ddefiniet l-eżistenza ta’ nuqqas serju ta’ madum taċ-ċeramika ta’ daqs żgħir fis-suq tal-Unjoni, injorat il-provi li din ikkomunikatilha fl-ittra tagħha tal-15 ta’ April 2011. Meta injorat l-informazzjoni pprovduta minn Bricmate, li kienet taġixxi fil-kwalità ta’ importatur magħżul, il-Kummissjoni kisret ir-regoli relattivi għat-teħid ta’ kampjun li jinsabu fl-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku u, b’hekk, wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni.
76
Fl-ewwel lok, fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-allegazzjonijiet ta’ Bricmate dwar l-informazzjoni li din ikkomunikat dwar id-differenzi li jikkonċernaw il-proċess ta’ qtugħ tal-madum taċ-ċeramika, għandu jiġi kkonstatat li dawn l-allegazzjonijiet ġew eżaminati mill-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva. Fil-fatt, din l-istituzzjoni indikat, fil-premessa 27 tar-Regolament provviżorju, li parti kienet esponiet li l-prodotti importati miċ-Ċina ma kinux paragunabbli ma’ dawk prodotti mill-industrija tal-Unjoni. Fil-premessi 28 sa 32 tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni esponiet l-eżami li kienet għamlet tal-paragunabbiltà tal-prodotti kkonċernati, li wassalha biex tqis li dawn kellhom provviżorjament jitqiesu bħala simili.
77
Hekk kif jirriżulta mill-premessa 43 tar-Regolament Nru 917/2011, “d-differenzi bejn il-kodiċijiet NM indikati fir-Regolament [provviżorju] u dawk imsemmija fl-avviż tal-bidu mhumiex konnessi ma’ bidla fid-definizzjoni tal-prodott jew l-kamp ta’ applikazzjoni tal-investigazzjoni. L-emendi ma jibdlux it-tipi ta’ madum koperti iżda jirrigwardaw sempliċement il-ħtieġa li jiġi kkunsidrat it-tibdil ġenerali tan-[NM]”. Barra minn hekk, mill-premessa 45 tar-Regolament Nru 917/2011 jirriżulta li l-allegazzjoni relattiva għad-differenza bejn il-możajk taċ-ċeramika u tipi oħra ta’ madum taċ-ċeramika ġiet eżaminata waqt l-investigazzjoni, li żvelat li dawn kellhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u tekniċi essenzjali. Minn din il-premessa jirriżulta wkoll li “[l-allegat] nuqqas ta’ dumping f’dan is-segment […] ma ġiex appoġġat minn kwalunkwe evidenza, [u b’hekk] l-analiżi tad-dumping u d-dannu għandha tirrifletti s-sitwazzjoni għall-prodott sħiħ ikkonċernat”.
78
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’ madum taċ-ċeramika ta’ daqs żgħir fis-suq tal-Unjoni, li minnu jirriżulta li l-prodotti kkonċernati ma jinsabux f’kompetizzjoni, peress li dawn ma jinsabux fuq l-istess partijiet tas-suq tal-madum taċ-ċeramika, mill-fajl ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Kummissjoni, peress li ma għandha ebda prova li tikkonferma l-eżistenza ta’ tali nuqqas, irrispondiet debitament lil Bricmate f’dan is-sens fl-ittri li din bagħtitilha fl-1 u fis-27 ta’ Lulju 2011. Kemm mill-premessi 144 sa 146 tar-Regolament provviżorju kif ukoll mill-premessi 174 u 175 tar-Regolament Nru 917/2011 jirriżulta wkoll li din id-domanda kienet is-suġġett ta’ evalwazzjoni mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. B’mod partikolari, minn dawn l-aħħar premessi jirriżulta li l-prodotti inkwistjoni huma interkambjabbli u li l-importaturi tal-Unjoni jistgħu jirrikorru għal ċertu numru ta’ sorsi ta’ proviżjon alternattivi, peress li l-madum taċ-ċeramika bħal dak ikkonċernat mid-dumping huwa ffabbrikat ukoll f’pajjiżi oħra. Isegwi li għandu jitqies li l-provi ppreżentati minn Bricmate ġew eżaminati debitament.
79
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma naqsux mill-obbligu ta’ motivazzjoni tagħhom, u lanqas kisru l-Artikoli 17 u 20(1) tar-Regolament bażiku, u lanqas kisru d-drittijiet tad-difiża ta’ Bricmate.
80
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-evalwazzjoni tagħha ma żvelat l-ebda element tali li jaffettwa l-validità tar-Regolament Nru 917/2011.
Fuq l-ispejjeż
81
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-eżami tad-domanda preliminari ma żvela ebda element ta’ natura li jaffettwa l-validità tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 917/2011, tat-12 ta’ Settembru 2011, li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tal-madum taċ-ċeramika li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina.
Firem
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Isvediż.
Full & Egal Universal Law Academy