9.3.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 71/12
Appell ippreżentat fl-10 ta’ Jannar 2013 mis-Syndicat des thoniers méditerranéens, Marc Carreno, Jean Louis Donnarel, Jean-François Flores, Gérald Jean Lubrano, Hervé Marin, Nicolas Marin, Sébastien Marin, Serge Antoine José Perez mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) mogħtija fis-7 ta’ Novembru 2012 fil-Kawża T-574/08, Syndicat des thoniers méditerranéens et vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-13/13 P)
2013/C 71/19
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Appellanti: Syndicat des thoniers méditerranéens, Marc Carreno, Jean Louis Donnarel, Jean-François Flores, Gérald Jean Lubrano, Hervé Marin, Nicolas Marin, Sébastien Marin, Serge Antoine José Perez (rappreżentant: C. Bonnefoi, avukat)
Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Gérard Buono, Jean-Luc Buono, Roger Del Ponte, Serge Antoine Di Rocco, Jean Gérald Lubrano, Jean Lubrano, Jean Lucien Lubrano, Fabrice Marin, Robert Marin
Talbiet tal-appellanti
—
tilqa’ l-appell tal-appellanti għal dak li jirrigwarda l-aggravji u t-talbiet tagħhom;
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) tas-7 ta’ Novembru 2012, fil-Kawża T-574/08, sa fejn tiċħad ir-rikors tal-appellanti;
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) tas-7 ta’ Novembru 2012, fil-Kawża T-574/08, għal dak li jirrigwarda l-ispejjeż;
—
tiddikjara ammissibbli r-rikors tas-Syndicat des Thoniers de la Méditerranée (STM), inkluża it-talba għad-danni;
—
tilqa’ t-talbiet tar-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali li ppreżentaw appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja;
—
tilqa’ t-talbiet tar-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali għal dak li jikkonċerna l-prinċipju ta’ danni kumpensatorji;
—
tilqa’ t-talbiet tar-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali għal dak li jikkonċerna l-ammont tal-kumpens mitlub fir-rikors inizjali iżda sussegwentement ikkorreġut fid-dawl tal-istabbiliment tal-elementi ta’ kalkolu għat-telf li jirriżulta mill-operat u tad-dokumenti ta’ sostenn;
—
fil-każ ta’ ċaħda tal-punt preċidenti, taħtar espert taħt ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni Ewropea sabiex jikkalkula l-kumpens dovut abbażi ta’ modalità ta’ kalkolu li għandha tiġi adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja;
—
tikkundanna lill-Kummisjoni għall-ispejjeż kollha u għar-rimbors tal-ispejjeż kollha tal-avukati, tal-proċeduri, tat-trasport u tal-ivvjaġġar li sostnew STM u l-appellanti individwali.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti jressqu erba’ motivi insostenn tal-appell tagħhom.
Fl-ewwel lok, is-Syndicat des Thoniers Méditerranéens issostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat l-elementi fil-fajl sabiex ma tagħtiha l-ebda interess ġuridiku, u konsegwentement, sabiex tiddeċiedi li l-appell tagħha kien inammissibbli.
Fit-tieni lok, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali għamlet żball ta’ liġi meta interpretat is-sentenza C-221/09, AJD Tuna, tas-17 ta’ Marzu 2011, fis-sens li jkun possibbli li r-Regolament (KE) Nru 530/2008 (1) jiġi kkunsidrat bħala att illegali. Skont l-appellanti, dan ir-regolament jibqa’ legali, imma parżjalment invalidu.
Fit-tielet lok, l-appellanti jilmentaw li l-Qorti Ġenerali ma rrikonoxxietx ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni għal att legali, abbażi tal-fatt li d-dannu invokat ma jeċċedix il-limiti tar-riskji ekonomiċi inerenti għall-attivitajiet tas-sajd.
Fl-aħħar lok, l-appellanti jilmentaw li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet bi ksur tad-dispożizzjonijiet legali li hija kellha tosserva billi ma tiddeċiedix fuq il-motivi u t-talbiet li tqajmu quddiemha mill-partijiet fil-kawża. B’mod partikolari, l-appellanti jilmentaw li l-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx fuq il-motivi u t-talbiet relatati mat-trattament iddiferenzjat tas-seiners Spanjoli u lill-appellanti taħt ir-Regolament (KE) Nru 530/2008.
(1) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 530/2008, tat-12 ta’ Ġunju 2008, li jistabbilixxi miżuri ta’ emerġenza fir-rigward ta’ bastimenti bil-purse seine[r]s li jistadu għat-tonn fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45 W, u fil-Baħar Mediterran (ĠU L 155, p. 9)
Full & Egal Universal Law Academy