16.3.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 79/9
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad (il-Bulgarija) fl-10 ta’ Jannar 2013 — Gena Ivanova Cholakova vs Osmo rayonno upravlenie pri Stolichna direktsia na vatreshnite raboti
(Kawża C-14/13)
2013/C 79/16
Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru
Qorti tar-rinviju
Administrativen sad Sofia
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Gena Ivanova Cholakova
Konvenuta: Osmo rayonno upravlenie pri Stolichna direktsia na vatreshnite raboti
Domandi preliminari
(1)
Fid-dawl tal-limitazzjonijiet tad-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni għal moviment liberu fuq it-territorju tal-Istati Membri permessi mid-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-Artikolu 21(1) TFUE u tal-Artikolu 67, kif ukoll l-Artikolu 72 TFUE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux dispożizzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tal-punt 5 tal-Artikolu 63(1), tal-liġi dwar il-Ministeru tal-Intern, skont liema l-awtorità tal-pulizija għandha s-setgħa li żżomm f’detenzjoni, għal sa mhux iktar minn 24 siegħa, ċittadin ta’ Stat Membru sabiex tistabbilixxi l-identità tiegħu wara verifika, li ma tagħmilx riferiment għal każ partikolari previst mil-liġi ta’ dan l-Istat Membru, għall-eżekuzzjoni ta’ verifika intiża li tippermetti lis-servizzi tal-pulizija jistabbilixxu l-identità, u li, b’mod partikolari, ma hijiex espressament marbuta mal-konstatazzjoni jew mal-prevenzjoni la ta’ att kriminali, la ta’ ksur amministrattiv, u lanqas ta’ theddida għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna?
(2)
Mill-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, interpretat flimkien mal-limitazzjonijiet tad-drittijiet mogħtija mill-Artikolu 6 u mill-Artikolu 45(1) tal-imsemmija karta u f’konformità mal-prinċipju tad-dritt tal-Unjoni għall-protezzjoni kontra l-arbitrarjetà jew kontra preġudizzju sproporzjonat għall-isfera ta’ attività privata ta’ persuni naturali jirriżulta li dan ma jipprekludix l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tal-punt 5 tal-Artikolu 63(1) tal-liġi dwar il-Ministeru tal-Intern, rigward id-detenzjoni mill-pulizija, għal mhux iktar minn 24 siegħa, meta huwa impossibbli li tiġi stabbilita l-identità ta’ ċittadin ta’ Stat Membru skont il-metodi previsti mil-liġi, li tippermetti l-imsemmija detenzjoni bil-kundizzjonijiet li ġejjin:
A.
l-impożizzjoni tal-miżura taqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali tal-awtorità tal-pulizija meta huwa impossibbli li tiġi stabbilita l-identità grazzi għal dokument ta’ identità, għal persuna oħra li l-identità tagħha hija stabbilita jew permezz ta’ mezz affidabbli ieħor;
B.
id-dispożizzjoni ma tipprovdix għal evalwazzjoni tan-neċessità li tiġi stabbilita l-identità, b’mod partikolari evalwazzjoni tan-neċessità li tiġi eżerċitata l-kompetenza tal-awtorità tal-pulizija prevista mil-liġi, abbażi ta’ fatti preċiżi, jew tal-imġiba individwali tal-persuna;
C.
id-determinazzjoni tal-identità ma hijiex marbuta espressament ma’ każijiet partikolari fejn il-liġi tippermetti li jittieħdu miżuri għall-identifikazzjoni ta’ persuna, iżda hija possibbli wkoll grazzi għal sempliċi konsultazzjoni tas-sistema informatika jew mezz affidabbli ieħor minbarra l-miżuri ta’ identifikazzjoni;
D.
l-evalwazzjoni tal-qorti tar-rinviju dwar l-applikazzjoni korretta tad-dispożizzjoni hija limitata għall-kundizzjonijiet previsti minnha peress li tirrigwarda kompetenza eżerċitata b’mod diskrezzjonali?
Full & Egal Universal Law Academy