23.3.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 86/12
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale di Napoli (l-Italja) fis-17 ta’ Jannar 2013 — Mascolo vs Ministero dell’Istruzione, dell’Università e della Ricerca
(Kawża C-22/13)
2013/C 86/20
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Qorti tar-rinviju
Tribunale di Napoli
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Raffaella Mascolo
Konvenut: Ministero dell’Istruzione, dell’Università e della Ricerca
Domandi preliminari
(1)
Il-qafas leġiżlattiv tas-settur edukattiv, [li jippermetti li jiġu konklużi kuntratti għal żmien determinat suċċessivi, mingħajr possibbiltà ta’ kontinwità, mal-istess għalliem għal numru indeterminat ta’ drabi, anki sabiex jiġu ssodisfatti eżiġenzi fit-tul ta’ persunal], jikkostittwixxi miżura ekwivalenti skont il-klawżola 5 tad-Direttiva 1999/70/KE (1)?
(2)
Meta għandu jiġi kkunsidrat, għal relazzjoni ta’ xogħol, li l-persuna li timpjega hija l-“Istat”, skont il-klawżola 5 tad-Direttiva 1999/70/KE, u b’mod partikolari skont l-espressjoni “setturi speċifiċi u/jew kategoriji ta’ ħaddiema”, fatt li għalhekk jippermetti li jiġu ġġustifikati konsegwenzi differenti meta mqabbla mar-relazzjonijiet tax-xogħol privati?
(3)
Fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet mogħtija fl-Artikolu 3(1)(c), tad-Direttiva 2000/78/KE (2) u tal-Artikolu 14(1)(c), tad-Direttiva 2006/54/KE (3), il-kunċett ta’ kundizzjonijiet ta’ impjieg, imsemmija fil-klawżola 4 tad-Direttiva 1999/70/KE, tinkludi l-konsegwenzi tal-interruzzjoni illegali tar-relazzjoni ta’ xogħol? Fil-każ ta’ risposta pożittiva għad-domanda preċedenti, il-konsegwenzi differenti li l-leġiżlazzjoni nazzjonali normalment torbot mal-interruzzjoni illegali tar-relazzjoni ta’ xogħol skont jekk din hijiex għal żmien indeterminat jew għal żmien determinat jistgħu jkunu ġġustifikati fid-dawl tal-klawżola 4?
(4)
Stat Membru huwa prekluż, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, milli jippreżenta fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fil-kuntest ta’ proċedura għal deċiżjoni preliminari ta’ interpretazzjoni, qafas leġiżlattiv nazzjonali li ma jikkorrispondix intenzjonalment mar-realtà u l-qorti hija obbligata, fl-assenza ta’ interpretazzjoni oħra tad-dritt nazzjonali li tissodisfa bl-istess mod l-obbligi li jirrizultaw mill-appartenenza għall-Unjoni Ewropea, li tinterpreta, fejn huwa possibbli, id-dritt nazzjonali f’konformità mal-interpretazzjoni pprovduta mill-Istat?
(5)
Il-kundizzjonijiet applikabbli għall-kuntratt jew għar-relazzjoni ta’ xogħol imsemmija fid-Direttiva 91/533/KEE (4) u b’mod partikolari fl-Artikolu 2(1) u (2)(e) tagħha, jinkludu l-indikazzjoni tal-każijiet fejn il-kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat jista’ jinbidel f’kuntratt għal żmien indeterminat?
(6)
Fil-każ ta’ risposta pożittiva għad-domanda preċedenti, emenda b’effett retroattiv tal-qafas leġiżlattiv li ma tiggarantixxix lill-ħaddiem impjegat il-possibbiltà li jinvoka d-drittijiet mogħtija lilu mid-direttiva, jiġifieri l-osservanza tal-kundizzjonijiet tax-xogħol imsemmija fid-dokument ta’ ingaġġ tmur kontra l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 91/533/KEE u kontra l-għanijiet imsemmija fid-Direttiva 91/533/KEE, b’mod partikolari fit-tieni premessa tagħha?
(1) Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368).
(2) Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malt, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).
(3) Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Lulju 2006, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (tfassil mill-ġdid) (ĠU L 204, p.23).
(4) Id-Direttiva tal-Kunsill 91/533/KEE, tal-14 ta’ Ottubru 1991, dwar l-obbligazzjoni ta’ min iħaddem li jgħarraf lill-ħaddiema bil-kondizzjonijiet applikabbli għall-kuntratt jew għar-relazzjoni tal-impjieg (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 3).
Full & Egal Universal Law Academy