1.6.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 156/17
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (l-Ungerija) fil-21 ta’ Jannar 2013 — Dél-Zempléni Nektár Leader Nonprofit kft vs Vidékfejlesztési Miniszter
(Kawża C-24/13)
2013/C 156/27
Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż
Qorti tar-rinviju
Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Dél-Zempléni Nektár Leader Nonprofit kft
Konvenut: Vidékfejlesztési Miniszter
Domandi preliminari
(1)
Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 1698/2005/KE (1) u r-Regolament tal-Kummissjoni Nru 1972/2006/KE (2) jistgħu jiġu interpretati fis-sens li l-gruppi ta’ azzjoni lokali stabbiliti fir-rigward tal-għajnuna agrikola jistgħu joperaw fi Stat Membru partikolari biss fil-forma ta’ organizzazzjoni legalment iddefinita?
(2)
Il-leġiżlatur tal-Istat Membru jista’, abbażi tar-regolamenti ċċitati iktar ’il fuq, jadotta leġiżlazzjoni ddifferenzjata b’mod li jirriżerva l-awtorizzazzjoni tal-gruppi ta’ azzjoni lokali għal ċerti forom ta’ organizzazzjoni legali permezz tal-impożizzjoni ta’ kundizzjonijiet iktar stretti jew differenti, indipendentement mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 62(1) tar-Regolament Nru 1698/2005/KE?
(3)
Abbażi tar-regolamenti ċċitati iktar ’il fuq, huwa biżżejjed li fl-Istat Membru l-grupp ta’ azzjoni lokali jissodisfa biss il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 62(1) tar-Regolament Nru 1698/2005/KE? L-Istat Membru jista’ jirrestrinġi din id-dispożizzjoni billi jimponi rekwiżiti formali jew legali addizzjonali fir-rigward ta’ organizzazzjoni li tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 62(1) tar-Regolament Nru 1698/2005/KE?
(4)
Ir-regolamenti ċċitati iktar ’il fuq jistgħu jiġu interpretati fis-sens li taqa’ taħt il-marġni ta’ diskrezzjoni ta’ Stat Membru d-deċiżjoni li permezz tagħha huwa jxolji l-grupp ta’ azzjoni lokali li jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 62(1) tar-Regolament Nru 1698/2005/KE u li, fl-operat tiegħu, dejjem osserva r-regoli nazzjonali u Komunitarji kollha rilevanti, b’mod li jiġi permess biss l-operat ta’ grupp ta’ azzjoni lokali li għandu forma ġdida ta’ organizzazzjoni?
(5)
Ir-regolamenti ċċitati iktar ’il fuq jistgħu jiġu interpretati fis-sens li l-Istat Membru partikolari jista’, anki fir-rigward tal-programmi ta’ għajnuna u tal-perijodu ta’ programmazzjoni attwali, jemenda skont il-każ il-kuntesti ġuridiċi ta’ operat tal-gruppi ta’ azzjoni lokali?
(6)
Ir-regolamenti ċċitati iktar ’il fuq kif għandhom jiġu interpretati fil-każ li l-grupp ta’ azzjoni lokali li qabel kien jopera b’mod konformi u regolari jkun ser jispiċċa? F’tali każ x’jiġri mill-impennji meħuda u mid-drittijiet miksuba mill-grupp ta’ azzjoni lokali, b’kunsiderazzjoni b’mod partikolari għall-persuni kollha milquta?
(7)
L-Artikolu 62(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005, tal-20 ta’ Settembru 2005, dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) jista’ jiġi interpretat fis-sens li jistgħu jitqiesu bħala ammissibbli u legali d-dispożizzjonijiet nazzjonali li abbażi tagħhom grupp ta’ azzjoni lokali Leader li jopera fil-forma ta’ kumpannija ekonomika mingħajr skop ta’ lukru għandu fi żmien sena jieħu l-forma ta’ assoċjazzjoni minħabba li hija biss il-forma ta’ assoċjazzjoni li għandhom is-soċjetajiet mhux kummerċjali li tista’ tiżgura b’mod konformi l-ħolqien ta’ netwerk bejn il-membri lokali, peress li min-naħa, skont id-dritt Ungeriż fis-seħħ, l-għan ewlieni ta’ kumpannija ekonomika huwa li tagħmel profitt u min-naħa l-oħra, l-interessi ekonomiċi jeskludu t-tfittxija u r-reklutaġġ ta’ membri minn fost il-pubbliku?
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005, tal-20 ta’ Settembru 2005, dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU L 286M, 4.11.2010, p. 26).
(2) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1974/2006, tal-15 ta’ Diċembru 2006, li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU L 322M, 2.12.2008, p. 305).
Full & Egal Universal Law Academy