6.4.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 101/10
Appell ippreżentat fl-24 ta’ Jannar 2013 minn Nexans France SAS, Nexans SA mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fl-14 ta’ Novembru 2012 fil-Kawża T-135/09: Nexans France SAS, Nexans SA vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-37/13 P)
2013/C 101/22
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: Nexans France SAS, Nexans SA (rappreżentant: M. Powell, Solicitor, J.-P. Tran-Thiet, avukat, G. Forwood, Barrister, A. Rogers, avukat)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla s-sentenza kkontestata sa fejn hija tiċħad it-tieni parti tal-ewwel aggravju tal-appellanti, skont liema l-portata ġeografika tad-deċiżjoni ta’ perkwiżizzjoni kienet eċċessivmanet wiesgħa u mhux biżżejjed preċiża;
—
abbażi ta’ informazzjoni fil-pussess tagħha, tannulla d-deċiżjoni ta’ perkwiżizzjoni sa fejn il-portata ġeografika tagħha kienet eċċessivament wiesgħa u hija la kienet suffiċjentement ġustifikata u lanqas suffiċjentement preċiża, jew, sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex hija tiddeċiedi fid-dawl tal-punti tad-dritt skont is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja;
—
tannulla s-sentenza kkontestata sa fejn hija tikkundanna lil Nexans sabiex tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, nofs l-ispejjeż esposti mill-Kummissjoni fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, u tikkundanna lill-Kummissjoni sabiex tbati l-ispejjeż esposti minn Nexans fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali għal ammont li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis xieraq;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni sabiex tbati l-ispejjeż kollha esposti minn Nexans fil-proċedura preżenti.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wetqet żball meta ċaħdet ir-rikors tagħhom għal annullament tad-deċiżjoni ta’ perkwiżizzjoni sa fejn hija ma kinitx preċiża biżżejjed, kienet eċċessivament wiesgħa fil-portata ġeografika tagħha, u fejn hija applikata għal ftehim u/jew prattiċi mifthiema li joħolqu suspett u li għandhom “probabbilment portata mondjali”. L-appellanti jsostnu wkoll li l-Qorti Ġenerali wetqet żball fil-kundanna tagħha għall-ispejjeż.
Full & Egal Universal Law Academy