6.4.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 101/12
Appell ippreżentat fit-8 ta’ Frar 2013 minn Getty Images (US) Inc. mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) mogħtija fil-21 ta’ Novembru 2012 fil-Kawża T-338/11, Getty Images (US), Inc. vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)
(Kawża C-70/13 P)
2013/C 101/26
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: Getty Images (US), Inc. (rappreżentant: P. Olson, avukat)
Parti oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla s-sentenza kkontestata;
—
tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din caħdet ir-rikors ippreżentat minn Getty Images kontra d-deċiżjoni tal-eżaminatur tal-UASI tat-2 ta’ Awwissu 2010;
—
tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tqajjem tliet aggravji: (i) ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja (1), (ii) ksur tal-Artikolu 7(1)(c) u (iii) ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.
Skont l-Artikolu 7(1)(b), trade mark ma tistax tiġi rreġistrata jekk tkun nieqsa minn “karattru distintiv”. Grad minimu ta’ karattru distintiv huwa biżżejjed sabiex irendi inapplikabbli r-raġunijiet għal rifjut elenkati fl-imsemmi artikolu. F’dan il-każ, il-fatt li t-trade mark identika għal prodotti/servizzi identiċi u simili ġiet ikkunsidrata f’żewġ okkażjonijiet bħala li kellha l-karattru distintiv meħtieġ joħloq preżunzjoni qawwija ħafna li PHOTOS.COM għandha l-grad minimu neċessarju ta’ karattru distintiv. Is-sempliċi fatt li kull wieħed mill-elementi kkunsidrati separatament huwa nieqes minn karattru distintiv ma jfissirx li flimkien ma humiex distintivi. Bħala għaqda tal-kliem PHOTOS u COM, it-trade mark tieħu sinjifikat indipendenti mis-sinjifikati individwali ta’ dawn l-elementi. Din tinftiehem b’mod ċar mill-pubbliku rilevanti bħala isem ta’ domain kummerċjali. L-ismijiet ta’ domain huma uniċi min-natura tagħhom. Bħala tali, PHOTO.COM tindika lill-konsumatur li hija oriġini unika ta’ prodotti u servizzi li hija distinta minn sorsi oħra ta’ prodotti u servizzi li għandhom isem differenti. B’dan il-mod, hija tissodisfa l-għan ta’ trade mark u tosserva l-kundizzjoni ta’ karattru distintiv imsemmija fl-Artikolu 7(1)(b).
L-interess pubbliku li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(b) jikkonsisti f’li jiġi eżaminat jekk it-trade mark tistax tiggarantixxi lill-konsumatur l-identità tal-oriġini tal-prodotti/servizzi billi jippermettulu jiddistingwi mingħajr ebda konfużjoni possibbli dan is-servizz minn dawk li għandhom oriġini oħra. Ma huwiex ikkontestat li kull isem ta’ domain huwa uniku u li isem ta’ domain li jispiċċa b’.com jindika sit tal-internet kummerċjali. Fil-punt 22 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali tammetti li jintgħaraf immedjatament mill-pubbliku rilevanti bħala li jirreferi għal sit tal-internet kummerċjali. Il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta injorat il-fatt li l-isem ta’ domain jiffunzjona sew sabiex jippermetti lill-konsumatur jiddistingwi l-prodotti/servizzi tal-appellanti minn dawk tal-kompetituri tagħha. L-interess pubbliku għal dak li jirrigwarda l-protezzjoni tal-konsumatur huwa sodisfatt u l-Artikolu 7(1)(b) ma inkisirx.
Għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 7(1)(c), il-Qorti Ġenerali għażlet li ma tindirizzax din il-kwistjoni. Madankollu, jibqa’ l-fatt li din id-dispożizzjoni ma nkisritx peress li l-interess pubbliku wara din id-dispożizzjoni hija l-protezzjoni tal-kompetituri tal-appellanti li l-ebda wieħed minnhom ma ġie affettwat mir-reġistrazzjoni għaliex huwa isem ta’ domain li jappartjeni lill-appellanti. It-trade mark lanqas ma hija oġġettivament deskrittiva fir-rigward tal-prodotti/servizzi.
Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jeżiġi li l-UASI jkun marbut mid-deċiżjonijiet preċedenti tiegħu meta jeżamina applikazzjonijiet identiċi għal reġistrazzjoni ta’ trade mark fin-nuqqas ta’ kull indikazzjoni li t-trade marks preċedenti ġew irreġistrati bi żball. Dan il-prinċipju jobbliga lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla l-konklużjoni tal-UASI li tgħid li PHOTOS.COM ma tistax tiġi rreġistrata. Il-Qorti Ġenerali ssostni li dan il-prinċipju għandu jiġi bbilanċjat bl-“osservanza tal-legalità” u li l-applikanti ma jistgħux jibbażaw ruħhom fuq deċiżjonijiet preċedenti sabiex jiksbu deċiżjoni identika u dan għaliex din kienet “att possibbilment illegali mwettaq favur persuna oħra”; konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li “tali eżami għandu jsir f’kull każ individwali” (punt 69 tad-deċiżjoni kkontestata).
Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament huwa f’kunflitt mal-prinċipju ta’ legalità. Mid-deċiżjoni STREAMSERVE (ara s-sentenza tas-27 ta’ Frar 2002, Streamserve vs UASI, T-106/00), il-prinċipju ta’ legalità qed jipprevali. Dan irriżulta f’inċertezza legali u f’numru kbir ta’ appelli. Fid-dawl ta’ din l-esperjenza, għandha tingħata iktar attenzjoni għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. L-eżaminaturi tal-UASI huma marbuta li jaġixxu b’mod koerenti, li japplikaw standards komuni, li jidentifikaw każijiet anologi u li jittrattawhom bl-istess mod. Meta l-applikanti jirreferu għal trade marks irreġistrati preċedentement, l-eżaminaturi tal-UASI ma għandhomx jitħallew sempliċiment jirreferu għal STREAMSERVE u jinjoraw il-prinċipju fundamentali ta’ ugwaljanza fit-trattament. Minflok prinċipju ta’ legalità fejn reġistrazzjonijiet preċedenti jiġu kkunsidrati litteralment bħala żbalji, metodu iktar vijabbli jkun li jiġi preżunt li t-trade marks preċedenti ġew irreġistrati regolarment. L-obbligu li jiġi applikat il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma jirriżulta b’mod daqstant ċar fl-ebda każ ieħor milli f’dan il-każ fejn it-trade marks u l-prodotti huma identiċi.
Fl-aħħar nett, it-trade mark PHOTOS.COM hija distintiva tal-prodotti u tas-servizzi tagħha daqs kemm huma ż-żewġ trade marks irreġistrati preċedentement. L-istess bażi teżisti għar-reġistrazzjoni tat-trade mark bħal dik li teżisti għat-trade marks oriġinali u l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jeżiġi dan.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja, ĠU L 78, p. 1
Full & Egal Universal Law Academy