27.4.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 123/12
Rikors ippreżentat fl-20 ta’ Frar 2013 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
(Kawża C-86/13)
2013/C 123/19
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: J. Currall, D. Martin, J.-P. Keppenne, aġenti)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrenti
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Kunsill, tal-20 ta’ Diċembru 2012, li permezz tagħha huwa rrifjuta li jadotta l-proposta tal-Kummissjoni dwar regolament tal-Kunsill li jaddatta, b’effett mill-1 ta’ Lulju 2012, ir-remunerazzjonijiet u l-pensjonijiet tal-uffiċjali u tal-impjegati oħra tal-Unjoni Ewropea kif ukoll il-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni applikati għal dawn ir-remunerazzjonijiet u l-pensjonijiet;
—
tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Il-Kummissjoni tqajjem tliet motivi insostenn tar-rikors tagħha.
L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 65 tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Artikoli 1, 3 u 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal, inkwantu, fin-nuqqas li jiġi adit bi proposta tal-Kummissjoni għall-applikazzjoni tal-klawżola ta’ eċċezzjoni tal-Artikolu 10 tal-Anness XI, il-Kunsill kellu jadotta qabel il-31 ta’ Diċembru 2012 il-proposta ta’ adattament annwali tar-remunerazzjonijiet u tal-pensjonijiet ta’ uffiċjali u aġenti tal-Unjoni ppreżentata mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 3 tal-Anness XI. Il-Kunsill ma għandux il-kompetenza li jadotta deċiżjoni li essenzjalment tapplika l-Artikolu 10 mingħajr proposta adegwata tal-Kummissjoni u mingħajr il-parteċipazzjoni tal-Parlament, koleġiżlatur skont l-Artikolu 10.
It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 64 tar-Regolamenti tal-Persunal, u tal-Artikoli 1 u 3 tal-Anness XI, inkwantu l-Kunsill ma adottax, għalkemm kien obbligat li jadotta, il-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni l-ġodda applikati għar-remunerazzjonijiet u l-pensjonijiet, liema koeffiċjenti huma proposti mill-Kummissjoni sabiex tiġi żgurata l-ugwaljanza fit-trattament bejn uffiċjali u pensjonanti, irrispettivament mill-post ta’ impjieg jew mir-residenza tagħhom, skont il-każ.
It-tielet motiv huwa bbażat fuq assenza totali ta’ motivazzjoni, peress li l-Kunsill sempliċement ikkonstata l-assenza ta’ maġġoranza kkwalifikata għall-adozzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 3 tal-Anness XI, mingħajr ma spjega għalfejn injora din tal-aħħar. Dan il-motiv jirrigwarda kemm l-adattament tar-remunerazzjonijiet u tal-pensjonijiet kif ukoll l-adozzjoni ta’ koeffiċjenti ta’ korrezzjoni ġodda.
Full & Egal Universal Law Academy