4.5.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 129/10
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad (il-Bulgarija) fit-4 ta’ Marzu 2013 — Snezhana Somova vs Glaven director na Stolichno upravlenie “Sotsialno osiguryavane”
(Kawża C-103/13)
2013/C 129/18
Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru
Qorti tar-rinviju
Administrativen sad Sofia-grad
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Snezhana Somova
Konvenut: Glaven director na Stolichno upravlenie “Sotsialno osiguryavane”
Domandi preliminari
(1)
Fid-dawl tal-fatti ineżami, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 48 u l-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 49 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati fis-sens li jawtorizzaw dispożizzjoni nazzjonali bħal dik ineżami, jiġifieri l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 94 tal-Kodeks za sotsialnoto osiguriavane (Kodiċi tas-sigurtà soċjali), li jeżiġi l-waqfien tal-assigurazzjoni bħala bażi għall-għoti ta’ pensjoni tax-xjuħija lil ċittadin tal-Istat Membru li, fid-data ta’ meta saret l-applikazzjoni għal pensjoni, ikun jeżerċita attività bħala ħaddiem li jaħdem għal rasu fi Stat Membru ieħor u li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar il-pubblikazzjoni [l-applikazzjoni] tal-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u l-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità (1)?
(2)
L-Artikolu 94(2) tar-Regolament Nru 1408/71, interpretat fid-dawl tal-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 48 TFUE, jippermetti eċċezzjoni għar-regola li għandhom jingħaddu flimkien il-perijodu ta’ kontribuzzjoni u perijodu ta’ assigurazzjoni mwettaq fi Stat Membru ieħor qabel id-data tal-implementazzjoni tar-Regolament mill-Istat Membru li fih tkun saret l-applikazzjoni għal pensjoni, meta l-imsemmija dispożizzjoni tagħti lill-persuna assigurata l-għażla li tinvoka l-perijodi li għandhom jingħaddu u li tevalwa jekk ikunx hemm lok li dawn jingħaddu, u dan f’sitwazzjoni fejn il-perijodu mwettaq taħt id-dritt tal-Istat fejn tkun saret l-applikazzjoni għal pensjoni biss ma jkunx biżżejjed sabiex jiġġustifika dritt għal pensjoni, sakemm ma jitħallsux kontribuzzjonijiet soċjali?
F’dawn l-istess ċirkustanzi, il-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 48 TFUE jippermetti li titwarrab l-applikazzjoni tal-Artikolu 46(2) tar-Regolament Nru 1408/71 — dwar l-għadd tal-perijodi ta’ assigurazzjoni wara d-data tal-applikazzjoni tiegħu — fuq għażla tal-persuna assigurata meta din il-persuna ma tindikax, fl-applikazzjoni tagħha għal pensjoni, il-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa fi Stat Membru ieħor?
(3)
L-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 1408/71 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jawtorizzax ir-rikonoxximent ta’ perijodu ta’ assigurazzjoni permezz ta’ ħlas ta’ kontribuzzjonijiet, kif previst fid-dritt Bulgaru mit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 9 [tad-dispożizzjonijiet tranżitorji u finali] tal-Kodiċi tas-sigurtà soċjali, meta, bħal fil-kawża prinċipali, il-perijodu ta’ assigurazzjoni rikonoxxut b’dan il-mod jikkoinċidi ma’ perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa skont id-dritt ta’ Stat Membru ieħor?
(4)
L-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 1408/71 għandu jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza lill-Istat Membru jwaqqaf, b’effett immedjat, il-ħlas tal-pensjoni u jirkupra l-pagamenti kollha ta’ pensjoni tax-xjuħija mogħtija skont id-dritt nazzjonali tiegħu lil wieħed miċ-ċittadini tiegħu meta l-kundizzjonijiet imsemmija fit-test tar-Regolament ma jkunux issodisfati qabel id-data tal-għoti tal-pensjoni minħabba raġunijiet partikolari għad-dritt nazzjonali (jiġifieri minħabba li l-assigurazzjoni ma kinitx twaqqfet fil-jum meta ngħatat il-pensjoni, minħabba li kien ittieħed inkunsiderazzjoni perijodu ta’ assigurazzjoni permezz ta’ ħlas ta’ kontribuzzjonijiet skont id-dritt nazzjonali minflok ma ttieħdu inkunsiderazzjoni, fil-jum tal-għoti, il-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa fi Stat Membru ieħor, u minħabba li ma kinux esposti r-raġunijiet li wasslu għall-iffissar ta’ pensjoni ta’ ammont differenti)?
Fil-każ li jkun awtorizzat l-irkupru tal-pagamenti tal-pensjoni magħmula, mill-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni jirriżulta li huma dovuti wkoll interessi meta d-dritt nazzjonali tal-Istat Membru ma jipprevedix interessi fir-rigward tal-irkupru ta’ pensjoni mogħtija skont trattat internazzjonali?
(1) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 35.
Full & Egal Universal Law Academy