25.5.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 147/13
Appell ippreżentat fil-15 ta’ Marzu 2013 minn Versalis SpA, Eni SpA mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fit-13 ta’ Diċembru 2012 fil-Kawża T-103/08, Versalis SpA, li kienet Polimeri Europa SpA, u Eni SpA vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-123/13 P)
2013/C 147/23
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Appellanti: Versalis SpA, Eni SpA (rappreżentanti: M. Siragusa, G. M. Roberti, F. Moretti, I. Perego, F. Cannizzaro, A. Bardanzellu, D. Durante u V. Laroccia, avukati)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellanti
—
Tannulla, kompletament jew parzjalment, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-13 ta’ Diċembru 2012, fil-parti li fiha ċaħdet ir-rikors flimkien ta’ Versalis u Eni u konsegwentement:
—
tannulla, kompletament jew parzjalment, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-5 ta’ Diċembru 2007, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, Każ COMP/F/38.629 — gomma kloroprene;
—
tannulla, jew għall-inqas tnaqqas, il-multa imposta fuq Versalis u Eni fid-deċiżjoni.
B’mod sussidjarju,
—
tannulla, kompletament jew parzjalment, is-sentenza fil-parti li fiha ċaħdet ir-rikors ta’ Versalis u Eni fil-kawża T-103/08 u tirreferi l-kawża lura lill-Qorti Ġenerali għal deċiżjoni fuq il-mertu fid-dawl tal-indikazzjonijiet li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun provditilha.
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż, drittijiet u miżati fir-rigward ta’ din il-kawża u l-kawża preċedenti T-103/08.
Aggravji u argumenti prinċipali
Insostenn tal-appell mis-sentenza msemmija, Versalis u Eni jirrilevaw, fl-ewwel lok, li l-Qorti Ġenerali kienet tbegħdet, bi ksur tal-Artikolu 101 TFUE, mill-ġurisprudenza Ewropea rilevanti għall-finijiet tal-imputazzjoni lill-kumpannija parent, Eni, il-ksur allegatament imwettaq mill-kumpanniji sussidjarji fis-settur tal-gomma kloroprene, u, b’mod partikolari, l-obbligi ta’ analiżi u ta’ motivazzjoni rilevanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-provi ppreżentati biex tiġi kkonfutata l-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti, bi ksur ukoll tal-prinċipji fundamentali ta’ legalità u ta’ personalità tar-responsabbiltà antitrust, tal-preżunzjoni tal-innoċenza u d-drittijiet tad-difiża, kif ukoll il-prinċipju tar-responsabbiltà limitata tal-kumpannija.
Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat il-ġurisprudenza Ewropea rilevanti għall-finijiet tal-imputazzjoni tal-ksur imwettaq minn Syndial S.p.A. lil Versalis u motivat b’mod insuffiċjenti ċ-ċaħda tal-ilmenti tagħhom invokati fl-ewwel istanza.
Bit-tielet aggravju, l-appellanti jilmentaw li l-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat u kontradditorju l-prinċipju tal-ġurisprudenza f’termini ta’ dissoċjazzjoni espressa minn kartell u kisret il-prinċipju in dubbio pro reo, meta qieset li EniChem S.p.A. pparteċipat fil-laqgħa tat-12-13 ta’ Mejju 1993 ġewwa Firenze u li l-laqgħat li saru fl-2002, li fihom ħadet sehem Versalis, kienu ta’ natura antikompetittiva. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali wettqet evalwazzjoni żbaljata, u naqset milli teżerċita s-setgħat tagħha ta’ stħarriġ fuq il-merti, meta qieset li huma ħadu sehem fil-ftehim għat-tul kollu tiegħu (jiġifieri minn Mejju 1993 sa Mejju 2002).
Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tal-Unjoni Ewropea, meta naqset milli tirrileva l-iżbalji gravi li twettqu mill-Kummissjoni fid-determinazzjoni tal- ammont bażiku tal-multa skont il-Linji Gwida dwar il-kalkolu tal-multi.
Hija wettqet ukoll ksur tad-dritt tal-Unjoni Ewropea meta kkonfermat parzjalment l-applikazzjoni għal Versalis taċ-ċirkustanza aggravanti tar-reċidiva u ma tatx biżżejjed raġunijiet għall-konklużjoni tagħha fuq il-punt; sussidjarjament, il-Qorti Ġenerali stabbiliet b’mod żbaljat il-perċentwali ta’ tnaqqis taż-żieda tas-sanzjoni u żammet ir-responsabbiltà in solidum tal-Eni għall-ħlas tal-multa ukoll fil-parti marbuta mar-reċidiva.
Skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali applikat b’mod manifestament żbaljat l-Artikolu 23(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (1) fid-determinazzjoni tal-ammont massimu tal-multa u żbaljat meta naqqset milli teżerċita b’mod sħiħ is-setgħat tagħha ta’ stħarriġ fuq l-applikazzjoni tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar klemenza. Il-Qorti Ġenerali naqqset ukoll milli tirrileva li l-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ ekwità, ugwaljanza fit-trattament u aspettattivi leġittimi, meta, min-naħa waħda, din laqtet lill-possibbiltà tagħhom li jikkompetu “fuq termini ugwali” mal-impriżi oħra sabiex jiksbu tnaqqis tas-sanzjoni u, min-naħa l-oħra, qieset li l-kollaborazzjoni tagħhom ma kinitx denja ta’ tnaqqis tal-multa skont dik l-imsemmija Komunikazzjoni, kif ukoll skont il-Linji Gwida.
Fl-aħħar nett, l-appellanti jiddikjaraw li l-Qorti Ġenerali naqqset milli teżerċita s-setgħat tagħha ta’ stħarriġ fuq il-merti fuq l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-ammont tal-multa finali.
(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat; ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205.
Full & Egal Universal Law Academy