8.6.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 164/10
Appell ippreżentat fil-15 ta’ Marzu 2013 minn BSH Bosch und Siemens Hausgeräte GmbH mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fil-15 ta’ Jannar 2013 fil-Kawża T-625/11 — BSH Bosch und Siemens Hausgeräte GmbH vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)
(Kawża C-126/13 P)
2013/C 164/17
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Appellanti: BSH Bosch und Siemens Hausgeräte GmbH (rappreżentant: S. Biagosch, avukat)
Parti oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)
Talbiet tal-appellant
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla), tal-15 ta’ Jannar 2013, fil-Kawża T-625/11, sa fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) ma kisirx, bl-adozzjoni tad-deċiżjoni tat-22 ta’ Settembru 2009 (Każ R 340/2011-1), l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 (1);
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), tat-22 ta’ Settembru 2009 (Każ R 340/2011-1), sa fejn din tirrifjuta parzjalment ir-reġistrazzjoni tat-trade mark ecoDoor abbażi tal-Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009;
sussidjarjament
—
tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali.
—
tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.
Aggravji u argumenti prinċipali
Dan l-appell ġie ppreżentat kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tal-15 ta’ Jannar 2013 fil-Kawża T-625/11, li permezz tagħha hija ċaħdet ir-rikors ta’ BSH Bosch und Siemens Hausgeräte GmbH kontra d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), tat-22 ta’ Settembru 2011 (Każ R 340/2011-1), li tirrifjuta parzjalment ir-reġistrazzjoni tat-trade mark ecoDoor abbażi tal-Artikolu 7(1)(b) u (c) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009.
L-appellanti tibbaża l-appell tagħha fuq l-aggravju segwenti:
Hija tibbaża ruħha fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, peress li t-trade mark ecoDoor — li bl-ebda mod ma tiddeskrivi l-prodotti koperti miċ-ċaħda tal-applikazzjoni mill-UASI, iżda li tiddeskrivi sempliċiment bieb bħala parti possibbli minn dawn il-prodotti — tista’ titqies bħala li tiddeskrivi l-prodotti inkwistjoni biss jekk il-parti kkonċernata hija tant importanti għall-prodott li l-konsumatur jassimila din il-parti mal-prodott. Dan iseħħ biss meta l-parti inkwistjoni twettaq, f’għajnejn il-konsumatur, funzjoni assolutament essenzjali tal-prodott. Dan ma japplikax, madankollu, għal bieb bħala parti mill-prodotti koperti mill-applikazzjoni, u għalhekk ma hemm l-ebda raġuni għal rifjut skont l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (verżjoni kodifikata) (ĠU L 78, p. 1).
Full & Egal Universal Law Academy