15.6.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 171/13
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi) fit-18 ta’ Marzu 2013 — Staatssecretaris van Economische Zaken, Staatssecretaris van Financië vs Q
(Kawża C-133/13)
2013/C 171/25
Lingwa tal-kawża: l-Olandiż
Qorti tar-rinviju
Raad van State
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti:
Staatssecretaris van Economische Zaken
Staatssecretaris van Financiën
Konvenut: Q
Domandi preliminari
(1)
L-importanza tal-preżervazzjoni ta’ siti naturali nazzonali u tal-patrimonju kulturali u storiku, fis-sens tan-Natuurschoonwet 1928, tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tiġġustifika leġiżlazzjoni li permezz tagħha l-applikazzjoni ta’ eżenzjoni mit-taxxa fuq id-donazzjonijiet (vantaġġ fiskali) hija rriżervata għad-dominji rurali li jinsabu fil-Pajjiżi l-Baxxi?
(2)
(a)
Fil-kuntest ta’ investigazzjoni intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk proprjetà immobbli li jinsab fi Stat Membru ieħor jistax jiġi kklassifikat bħala dominju rurali fis-sens tan-Natuurschoonwet 1928, l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jistgħu, sabiex jiksbu l-assistenza tal-awtoritajiet tal-Istat Membru fejn tinsab il-proprjetà immobbli, jinvokaw id-Direttiva tal-Kunsill 2010/24/UE (1), tas-16 ta’ Marzu 2010, dwar l-assistenza reċiproka għall-irkupru ta’ talbiet relatati ma’ taxxi, dazji u miżuri oħra, meta l-klassifikazzjoni bħala dominju rurali abbażi tal-liġi ċċitata iktar ’il fuq għandha l-effett li tagħti lok għal dritt għal eżenzjoni mill-ġbir tat-taxxa fuq id-donazzjonijiet dovuta fid-data tad-donazzjoni tal-proprjetà immobbli inkwistjoni?
(b)
F’każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-mistoqsija 2.a), il-kunċett ta’ “indaġni amministrattiva” li jinsab fl-Artikolu 3(7) tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE (2), tal-15 ta’ Frar 2011, dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-direttiva 77/799/KEE għandu jiġi interpretat bħala jista’ jinkorpora investigazzjoni fuq il-post?
(ċ)
F’każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-mistoqsija 2.b), il-kunċett ta’ “indaġni amminstrattiva” li jinsab fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2010/24/UE […], jista’ jiġi ppreċiżat fuq il-bażi tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “indaġni amminstrattiva” li jinsab fl-Artikolu 3(7) tad-Direttiva 2011/16/UE […]?
(3)
Jekk hemm lok li tingħata risposta fin-negattiv għad-domanda 2.a), għad-domanda 2.b) jew għad-domanda 2.ċ), il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, meħud flimkien mal-Artikolu 167(2) TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li jimplika li, meta Stat Membru jitlob l-assistenza lil Stat Membru ieħor fil-kuntest ta’ investigazzjoni intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk proprjetà immobbli li jinsab f’dan l-Istat Membru l-ieħor jistax jiġi kklassifikat bħala dominju rurali fis-sens ta’ liġi li għandha bħala għan il-preservazzjoni u l-protezzjoni tas-siti naturali nazzjonali u tal-patrimonju storiku u kulturali ta’ pajjiż, l-Istat Membru rikjest għandu l-obbligu li jipprovdi din l-assistenza?
(4)
Restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital tista tiġi ġġustifikata min-neċessità li tiġi ggarantita l-effiċjenza tal-kontrolli fiskali jekk din l-effiċjenza tidher li tista tkun kompromessa biss mill-fatt li l-awtoritajiet nazzjonali huma obbligati li jmorru, matul il-perijodu ta’ 25 sena msemmija mill-Artikolu 7(1) tan-Natuurschoonwet 1928, fi Stat Membru ieħor sabiex iwettqu l-kontrolli neċessarji?
(1) ĠU L 84, p. 1.
(2) ĠU L 64, p. 1.
Full & Egal Universal Law Academy