18.5.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 141/16
Appell ippreżentat fl-20 ta’ Marzu 2013 minn Reber Holding GmbH & Co. KG mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) fis-17 ta’ Jannar 2013 fil-Kawża T-355/09 — Reber Holding GmbH & Co. KG vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)
(Kawża C-141/13)
2013/C 141/30
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Appellanti: Reber Holding GmbH & Co. KG (rappreżentanti: O. Spuhler, M. Geitz, avukati)
Partijiet oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), Wedl & Hofmann GmbH
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Jannar 2013 fil-Kawża T-355/09 u d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI tad-9 ta’ Lulju 2009 fil-Każ R 623/2008-4;
—
sussidjarjament,
tannulla s-sentenza msemmija fil-punt I. u tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali;
—
tikkundanna lill-appellati għall-ispejjeż tal-proċeduri.
Aggravji u argumenti prinċipali
Il-Qorti Ġenerali tinterpreta l-kriterju tal-“użu ġenwin” fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 42(2), moqrija flimkien mal-Artikolu 42(3) tar-Regolament dwar it-trade marks, fis-sens li dan jiddependi fuq id-dħul mill-bejgħ kif ukoll fuq in-numru ta’ punti ta’ bejgħ. Dan huwa inkorrett għas-sempliċi raġuni li, skont il-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma huwiex neċessarjament meħtieġ li jinkiseb dħul mill-bejgħ speċifiku sabiex użu jkun ġenwin.
Anki li kieku l-Qorti Ġenerali stabbiliet li, f’dan il-każ, it-trade mark li fuqha hija bbażata l-oppożizzjoni, “Walzertraum”, ma kinitx użata b’mod li jippreżerva d-drittijiet li jirriżultaw minnha għal prodotti taċ-ċikkulata, hija ma kienx imissha sempliċement waqqfet l-evalwazzjoni tagħha.
Il-Qorti Ġenerali kellha, fi stadju ulterjuri ta’ evalwazzjoni u fid-dawl tal-prinċipji tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Ġunju 2002 mogħtija fil-Kawża C-307/10 (li għadha ma ġietx ippubblikata), tiffoka fuq ċikkulatini magħmula bl-idejn. Sussegwentement, hija kellha teżamina jekk il-provi ta’ użu prodotti kinux biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li t-trade mark li fuqha hija bbażata l-oppożizzjoni, “Walzertraum”, intużat b’mod li jippreżerva d-drittijiet li jirriżultaw minnha għal ċikkulatini magħmula bl-idejn. Ma hemm ebda dubju li dan huwa l-każ. Madankollu, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx dawn l-istadji ulterjuri tal-evalwazzjoni.
Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata tirrappreżenta wkoll ksur tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament. In-nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament jirriżulta b’mod partikolari mill-fatt li l-Qorti Ġenerali, fir-rigward tat-trade mark li fuqha hija bbażata l-oppożizzjoni, iffokat ukoll fuq il-prodotti taċ-ċikkulata b’mod ġenerali minkejja li din it-trade mark tintuża għaċ-ċikkulatini magħmulin bl-idejn. Bl-użu tal-prodotti taċ-ċikkulata bħala riferiment jiġu inevitabbilment applikati, għall-appellanti, l-istess standards għall-użu b’mod li jippreżerva d-drittijiet li jirriżultaw minnha tat-trade mark li fuqha hija bbażata l-oppożizzjoni bħal dawk applikati għal kumpannija kbira multinazzjonali. Dan imur kontra l-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament.
Għaldaqstant l-appell għandu jintlaqa’ kollu kemm hu.
Full & Egal Universal Law Academy