29.6.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 189/2
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja) fit-28 ta’ Marzu 2013 — Digibet Ltd, Gert Albers vs Westdeutsche Lotterie GmbH & Co. OHG
(Kawża C-156/13)
2013/C 189/03
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Bundesgerichtshof
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Digibert Ltd, Gert Albers
Konvenuta: Westdeutsche Lotterie GmbH & Co. OHG
Domandi preliminari
(1)
Jikkostitwixxi restrizzjoni inkoerenti għall-attività tal-logħob tal-ażżard,
—
il-fatt li, minn naħa, fi Stat Membru kkostitwit taħt il-forma ta’ Stat Federali, l-organizzazzjoni u l-intermedjazzjoni tal-logħob tal-ażżard pubbliku permezz tal-internet ikunu, bħala prinċipju, ipprojbiti permezz tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ fil-parti l-kbira tal-Länder u li huma jistgħu jiġu awtorizzati biss, mhux bħala dritt kweżit, għal-lotteriji u l-imħatri fuq kompetizzjonijiet sportivi sabiex tkun disponibbli alternattiva xierqa għall-offerta illegali ta’ logħob tal-ażżard kif ukoll ġlieda kontra l-iżvilupp tagħha u l-espansjoni tagħha, filwaqt li,
—
min-naħa l-oħra, f’Land ta’ dan l-Istat Membru, il-leġiżlazzjoni fis-seħħ tipprevedi li kull ċittadin tal-Unjoni u kull persuna ġuridika legalment assimilata għandha, taħt ċerti kundizzjonijiet oġġettivi ddefiniti sew, tingħata awtorizzazzjoni sabiex tikkummerċjalizza l-imħatri fuq kompetizzjonijiet sportivi permezz tal-internet, u li dan ikun jista’ jikkomprometti l-kapaċità tar-restrizzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni tal-logħob tal-ażżard permezz tal-internet applikabbli fil-bqija tat-territorju Federali sabiex jitwettqu l-għanijiet leġittimi ta’ interess ġenerali li hija ssegwi?
(2)
Ir-risposta għall-ewwel domanda tiddependi mill-kwistjoni jekk is-sitwazzjoni legali derogatorja f’Land tqajjimx dubju jew tikkomprometti b’mod serju l-kapaċità tar-restrizzjonijiet għal-logħob tal-ażżard applikabbli fil-Länder l-oħra sabiex jitwettqu l-għanijiet leġittimi ta’ interess ġenerali li huma jsegwu?
F’każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda:
(3)
L-inkoerenza ma tibqax teżisti jekk il-Land li għandu l-leġiżlazzjoni derogatorja jadotta r-restrizzjonijiet għal-logħob tal-ażżard applikabbli fil-Länder l-oħra, anki jekk il-leġiżlazzjonijiet eżistenti li huma iktar favorevoli għal-logħob tal-ażżard fuq l-internet kienu miżmuma f’dan il-Land matul perijodu ta’ tranżizzjoni ta’ diversi snin fir-rigward tal-konċessjonijiet li huma diġà mogħtija fih, peress li dawn ir-restrizzjonijiet ma jistgħux jiġu rtirati jew jistgħu jiġu rtirati biss inkambju ta’ kumpens li diffiċilment jista’ jiġi sosnut għal-Land?
(4)
Ir-risposta għat-tielet domanda tiddependi mill-kwistjoni jekk, matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni ta’ diversi snin, l-effikaċità tar-restrizzjonijiet għal-logħob tal-ażżard applikabbli fil-Länder l-oħra tiġi kkontestata jew kompromessa b’mod serju?
Full & Egal Universal Law Academy