8.6.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 164/11
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank Den Haag (il-Pajjiżi l-Baxxi) fit-28 ta’ Marzu 2013 — Hamidullah Rajaby vs Staatssecretaris van Veiligheid en Justitie
(Kawża C-158/13)
2013/C 164/19
Lingwa tal-kawża: l-Olandiż
Qorti tar-rinviju
Rechtbank Den Haag
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Hamidullah Rajaby
Konvenut: Staatssecretaris van Veiligheid en Justitie
Domandi preliminari
(1)
Fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, fejn jidher li hemm ksur evidenti tad-dritt tal-Unjoni li ser jibqa’ jkollu effetti fil-futur u fejn, matul il-fażi amministrattiva, il-partijiet kienu skambjaw l-opinjonijiet tagħhom dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 343/2003 (1), kwistjoni li ma reġgħux qajmu matul il-proċeduri ġudizzjarji iżda li fuqha r-rikorrent ma bbażax ruħu espliċitament matul l-istess proċeduri ġudizzjarji, ikun kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni jekk il-qorti, minħabba l-projbizzjoni fid-dritt nazzjonali li tqajjem kwistjoni ex officio, ma tiħux inkunsiderazzjoni din il-kwistjoni?
(2)
Iċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża jikkostitwixxu dipendenza fis-sens tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 343/2003, jiġifieri ċirkustanzi fejn il-membri tal-familja jkunu mara ta’ età żgħira mingħajr ebda edukazzjoni, mill-Afganistan, li hija akkumpanjata minn żewġ itfal li l-età attwali tagħhom hija ta’ ħames snin u nofs u ta’ tliet snin, li jinsabu fil-kura tagħha u li fir-rigward tal-kura u tal-edukazzjoni tagħhom hija ma tista’ tirrikorri għal ebda persuna oħra għajr ir-rikorrent, li huwa l-konjuġi tagħha u missier it-tfal, u fejn, barra minn hekk, fir-rigward tal-applikazzjoni għal ażil tagħha ttieħdet deċiżjoni negattiva min-naħa tal-konvenut minħabba li x-xhieda tagħha tqieset li kienet kompletament inverosimili u fejn din ix-xhieda tista’ tiġi kkorroborata mid-dikjarazzjonijiet tar-rikorrent u minn (kopji ta’) dokumenti ppreżentati minnu?
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003, tat-18 ta’ Frar 2003, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Stat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 109).
Full & Egal Universal Law Academy