20.7.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 207/4
Appell ippreżentat fid-9 ta’ April 2013 minn Axitea SpA, li kienet La Vigile San Marco SpA mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fit-22 ta’ Jannar 2013 fil-Kawża T-262/00, La Vigile San Marco SpA vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-174/13 P)
2013/C 207/05
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Appellanti: Axitea SpA, li kienet La Vigile San Marco SpA (rappreżentanti: A. Vianello, A. Bortoluzzi u A. Veronese, avukati)
Partijiet oħra fil-proċedura: Ir-Repubblika Taljana, Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellanti
—
Tannulla u/jew tirriforma d-Digriet tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla), mogħtija fil-Kawża T-262/00 bi spejjeż għall-Kummissjoni
Aggravji u argumenti prinċipali
Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jallegaw żbalji tad-dritt fl-applikazzjoni tal-prinċipji espressi mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-“Sentenza Comitato Venezia vuole vivere”, minn naħa, fil-punt ta’ obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat, u, min-naħa oħra, fil-punt ta’ distribuzzjoni tal-oneru tal-prova dwar il-preżunzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 107(1) TFUE.
Fid-Digriet appellat il-Qorti Ġenerali ma kinitx f’konformità mas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-“Sentenza Comitato Venezia vuole vivere” tad-9 ta’ Ġunju 2011, fejn iddikjarat li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni “irid ikun fiha nnifisha l-elementi essenzjali għall-implimentazzjoni tagħha mill-awtoritajiet nazzjonali.” Issa, minkejja li nieqsa fid-deċiżjoni mill-elementi essenżjali għall-implementazzjoni tagħha minn naħa tal-Awtorità nazzjonali, il-Qorti Ġenerali ma kinitx kixfet ebda nuqqas fil-metodu adottat mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni kontroversjali, bil-konsegwenti żball ta’ dritt.
Skont il-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-“Sentenza Comitato Venezia vuole vivere”, huwa l-Istat Membru li għandu jirkupra — u, għalhekk, mhux il-benefiċċjarju waħdieni — li għandu juri, każ b’każ, is-sussistenza tas-suppożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 107(1) TFUE. F’dan il-każ, madankollu, il-Kummissjoni fid-deċiżjoni diffiċli naqset milli tiċċara l-“modalitajiet” ta’ din il-verifika; b’konsegwenza, billi ma kellhiex l-elementi essenzjali biex turi, fis-sede tal-irkupru, jekk il-faċilitajiet mogħtija kinux jikkostitwixxu fir-rigward tal-benefiċjarji għajnuna mill-Istat, ir-Repubblika Taljana — bil-Liġi 24 ta’ Diċembru 2012, Nru 228 fl-Artikolu 1, paragrafu 351 u segwenti) — kienet iddeċidiet li treġġa’ lura l’onus probandi, bil-kuntrarju għal dak stabbilit mill-ġurisprudenza Komunitarja. Skont il-leġiżlatur Taljan, b’mod partikolari, ma jmissx lill-Istat, iżda lill-impriżi benefiċjarji tal-għajnuniet mogħtija taħt il-forma ta’ eżenzjoni jipprovaw li l-faċilitajiet verbali ma joħolqux distorsjoni tal-kompetizzjoni, u lanqas ma jaffettwaw il-kummerċ bejn Stati Membri; fin-nuqqas ta’ din il-prova, il-possibbiltà li l-vantaġġ mogħti joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ komunitarju hija preżunta. Dan kollu huwa f’kuntrast evidenti mal-prinċipji ddikjarati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-“Sentenza Comitato Venezia vuole vivere”.
Full & Egal Universal Law Academy