29.6.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 189/5
Appell ippreżentat fil-15 ta’ April 2013 minn nfon AG mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba Awla) fid-29 ta’ Jannar 2013 fil-Kawża T-283/11 — Fon Wireless Ltd. vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)
(Kawża C-193/13 P)
2013/C 189/09
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Appellanti: nfon AG (rappreżentant: V. von Bomhard, avukata)
Partijiet oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), Fon Wireless Ltd.
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla s-sentenza appellata tal-Qorti Ġenerali;
—
sussidjarjament, tannulla s-sentenza sa fejn hija tikkonferma l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni minħabba t-trade mark Komunitarja preċedenti Nru 4719738 “fon” (immaġni);
—
tikkundanna lir-rikorrenti fl-ewwel istanza għall-ispejjeż tal-proċedura.
Aggravji u argumenti prinċipali
Dan l-appell huwa dirett kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Jannar 2013 fil-Kawża T-283/11, li permezz tagħha din il-qorti rriformat id-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) tat-18 ta’ Marzu 2011 (Każ R 1017/2009-4), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Fon Wireless Ltd. u nfon AG, fis-sens li l-appell ippreżentat minn nfon AG quddiem il-Bord tal-Appell kien ġie miċħud.
L-appellanti tinvoka bħala l-uniku aggravju ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (1). L-eżami tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja, għandu jsir abbażi ta’ evalwazzjoni kompleta, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni. L-appellanti tilmenta li dan ir-rekwiżit ma ġiex sodisfatt taħt tliet aspetti, jiġifieri l-istabbiliment żbaljat tal-elementi distintivi tat-trade marks kunfliġġenti meta ġew imqabbla s-sinjali, l-awtomatiżmu żbaljat tal-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, u n-nuqqas ta’ evalwazzjoni kompleta tal-probabbiltà ta’ konfużjoni għaliex ma tteħidx suffiċjentmenet inkunsiderazzjoni l-karattru distintiv baxx tal-element kostituttiv “fon”.
(1) ĠU L 78, p. 1.
Full & Egal Universal Law Academy