15.6.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 171/21
Appell ippreżentat fis-16 ta’ April 2013 minn Polyelectrolyte Producers Group, SNF SAS, Travetanche Injection SPRL mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fl-1 ta’ Frar 2013 fil-Kawża T-368/11 — Polyelectrolyte Producers Group, SNF SAS, Travetanche Injection SPRL vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-199/13 P)
2013/C 171/42
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: Polyelectrolyte Producers Group, SNF SAS u Travetanche Injection SPRL (rappreżentant: K. Van Maldegem, avukat, R. Cana, avukat)
Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-368/11; u
—
tannulla r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 366/2011 (ir-“Regolament ikkontestat”) li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi (REACH) fir-rigward tal-Anness XVII (Akrilammid) (1); jew
—
sussidjarament, tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali biex tiddiċiedi dwar ir-rikors għall-annullament tal-appellanti; u
—
tikkundanna l-appellata għall-ispejjeż kollha ta’ dawn il-proċeduri (inklużi l-ispejjeż tal-Qorti Ġenerali).
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti jsostnu li, meta ċaħdet ir-rikors tagħhom għal annullament fir-rigward tar-Regolament ikkontestat, il-Qorti Ġenerali kisret il-liġi tal-Komunità. B’mod partikolari, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet numru ta’ żbalji fl-interpretazzjoni tagħha tal-fatti u tal-qafas legali kif applikabbli għas-sitwazzjoni tal-appellanti. Bħala riżultat ta’ dan, il-Qorti Ġenerali wettqet numru ta’ żbalji fil-liġi; b’mod partikolari:
—
interpretat b’mod żbaljat ir-Regolament 1488/94 (2) meta kkonkludiet li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni billi ma ħadietx kont tal-fatti u ċ-ċirkustanzi kollha rilevanti;
—
interpretat b’mod żbaljat ir-Regolament 1488/94 meta kkonkludiet li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-evalwazzjoni tad-data tal-espożizzjoni li ttieħed inkunsiderazzjoni;
—
żbaljat fil-liġi u interpretat b’mod żbaljat ir-REACH meta kkonkludiet li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni billi adottat ir-Regolament ikkontestat fuq il-bażi ta’ informazzjoni relatat ma’ prodott differenti mill-prodott suġġett għar-restrizzjonijiet mir-Regolament ikkontestat;
—
żbaljat fil-liġi meta ddeċidiet li l-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju ta’ proporzjonalità;
—
żbaljat fil-liġi meta ddeċidiet li l-Kummissjoni ma kisritx l-obbligi tagħha ta’ motivazzjoni; u
—
interpretat b’mod żbaljat ir-Regolament ikkontestat meta kkonstatat li jkopri wkoll ħalib tat-tikħil tal-NMA li jinkludi l-Akrilammid.
Għal dawn ir-raġunijiet l-appellanti jitolbu li s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-368/11 tiġi annullata u li r-Regolament ikkontestat jiġi annullat.
(1) ĠU L 101, p. 12
(2) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1488/94, tat-28 ta’ Ġunju 1994, li jistipula l-prinċipji għall-studju dwar ir-riskji lill-bniedem u l-ambjent ta’ materjali eżistenti skond ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 793/93 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 360)
Full & Egal Universal Law Academy