15.6.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 171/22
Appell ippreżentat fis-16 ta’ April 2013 mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fil-5 ta’ Frar 2013 fil-Kawża T-494/10, Bank Saderat Iran vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
(Kawża C-200/13 P)
2013/C 171/43
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellant: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (rappreżentanti: M. Bishop u S. Boelaert, aġenti)
Partijiet oħra fil-proċedura: Bank Saderat Iran, Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellant
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tal-5 ta’ Frar 2013 fil-Kawża T-494/10;
—
tiddeċiedi b’mod definittiv dwar il-każ u tiċħad ir-rikors ippreżentat minn Bank Saderat kontra l-miżuri kkontestati;
—
tikkundanna lil Bank Saderat għall-ispejjeż tal-Kunsill fil-proċeduri tal-ewwel istanza u ta’ dan l-appell.
Aggravji u argumenti prinċipali
Il-Kunsill jikkunsidra li s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ Frar 2013 fil-Kawża T-494/10, Bank Sederat Iran vs Il-Kunsill, hija vvizzjata bl-iżbalji ta’ liġi segwenti:
(1)
Il-Qorti Ġenerali żbaljat meta ddeċidiet, fir-rigward tal-ammissibbiltà tar-rikors, li Bank Saderat seta’ jinvoka l-protezzjoni u l-garanziji tad-drittijiet fundamentali indipendentement minn jekk setgħax jiġi kkunsidrat bħala organu tal-Istat Iranjan;
(2)
Il-Qorti Ġenerali żbaljat meta ddeċidiet li waħda mir-raġunijiet mogħtija għall-impożizzjoni ta’ miżuri restrittivi kontra Bank Saderat ma kinitx preċiża biżżejjed;
(3)
Il-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat il-ġurisprudenza dwar il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni fil-fajl tal-Kunsill;
(4)
Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat li r-raġunijiet mogħtija għall-impożizzjoni ta’ miżuri restrittivi kontra Bank Saderat ma kinux immotivati, sa fejn:
—
naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni kif xieraq il-fatt li l-provi tas-sostenn ta’ Bank Saderat għall-attivitajiet ta’ proliferazzjoni nukleari tal-Iran toriġina minn sorsi kunfidenzjali;
—
naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni kif suppost riferiment f’Riżoluzzjoni tal-Kunsill ta’ Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 1803 (2008) f’relazzjoni mal-attivitajiet ta’ proliferazzjoni nukleari tal-Iran;
—
żbaljat meta kkunsidrat li l-Kunsill kellu jipproduċi informazzjoni dettaljata dwar it-trattament minn Bank Saderat ta’ ittri ta’ kreditu ta’ żewġ entitajiet partikolari involuti fl-attivitajiet ta’ proliferazzjoni nukleari tal-Iran.
Full & Egal Universal Law Academy