15.6.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 171/24
Appell ippreżentat fit-23 April 2013 minn Acron OAO mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fis-7 ta’ Frar 2013 fil-Kawża T-118/10 — Acron OAO vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
(Kawża C-216/13 P)
2013/C 171/47
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: Acron OAO (rappreżentanti: B. Evtimov, E. Borovikov, avukati, D. O’Keeffe, Solicitor)
Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea; Il-Kummissjoni Ewropea; Fertilizers Europe
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-7 ta’ Frar 2013 fil-Kawża T-118/10, Acron OAO vs Il-Kunsill tal-Unjoni Eewropea;
—
tiddeċiedi b’mod definittiv dwar il-mertu tat-tilwima u tannulla r-Regolament ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1251/2009, tat-18 ta’ Diċembru 2009, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1911/2006 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ soluzzjonijiet ta’ urea u ta’ nitrat tal-ammonju li joriġinaw, inter alia, mir-Russja (1), sa fejn jikkonċerna lill-appellanti;
—
tikkundanna lill-Kunsill iħallas l-ispejjeż tal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll l-ispejjeż tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali, inklużi l-ispejjeż tal-appellanti fiż-żewġ istanzi;
—
tikkundanna lill-intervenjenti, Fertlizers Europe, tbati l-ispejjeż tagħha stess fil-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll l-ispejjeż tagħha stess fl-eventwalità li tagħmel intervent fil-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, u tbati l-ispejjeż kollha tal-appellanti marbuta mal-intervent(i) tagħha.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali:
—
interpretat b’mod żbaljat l-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament antidumping bażiku u għalhekk id-dispożizzjoni korrispondenti li tinsab fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2.2.1.1 tal-Ftehim dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim ġenerali dwar it-tariffi u l-kummerċ 1994 li jinsab fl-Anness IA tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (iktar ’il quddiem l-“ADA”);
—
ikkonfermat interpretazzjoni legali żbaljata u kkonfermat ksur tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament antidumping bażiku u għalhekk tad-dispożizzjoni korrispondenti li tinsab fl-Artikolu 2.2 tal-ADA;
—
naqset milli tagħmel evalwazzjoni legali korretta tar-relazzjoni bejn it-tieni sentenza tal-Artikolu 2(5), minn naħa, u tal-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament antidumping bażiku, min-naħa l-oħra, u għalhekk ikkonfermat interpretazzjoni legali żbaljata tal-premessi 3 u 4 tal-preambolu tar-Regolament (KE) Nru 1972/2002 (2) u għalhekk tat-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(5), u naqset milli tiżgura konsistenza bejn din l-aħħar interpretazzjoni/dispożizzjoni u l-ADA;
—
ikkonfermat ksur tal-Artikolu 2(6)(c) tar-Regolament antidumping bażiku u żball manifest ta’ evalwazzjoni.
(1) ĠU L 338, p. 5.
(2) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1972/2002, tal-5 ta’ Novembru 2002, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 384/96 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjoni li hi l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi li ma humiex membri tal-Komunità Ewropea ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 132).
Full & Egal Universal Law Academy