20.7.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 207/12
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Teleklagenævnet (id-Danimarka) fil-25 ta’ April 2013 — TDC A/S vs Erhvervsstyrelsen
(Kawża C-222/13)
2013/C 207/22
Lingwa tal-kawża: id-Daniż
Qorti tar-rinviju
Teleklagenævnet (id-Danimarka)
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: TDC A/S
Konvenuta: Erhvervsstyrelsen
Domandi preliminari
(1)
Id-Direttiva 2002/22/KE, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (iktar ’il quddiem, id-“Direttiva Servizz Universali”) u, b’mod partikolari, l-Artikolu 32 tagħha jipprekludu lil Stat Membru milli jistabbilixxi regoli li jipprovdu li impriża ma għandhiex dritt għall-irkupru speċifiku mill-Istat Membru tal-ispiża netta għall-provvista ta’ servizz obbligatorju addizzjonali li ma jaqax taħt il-Kapitolu II tad-Direttiva, meta l-profitti magħmula mill-impriża għal servizzi oħrajn li jagħmlu parti mill-obbligi tagħha ta’ servizz universali fis-sens tal-Kapitolu II ta’ din id-direttiva jkunu ogħla mit-telf marbut mal-provvista ta’ servizz obbligatorju addizzjonali?
(2)
Id-Direttiva Servizz Universali tipprekludi lil Stat Membru milli jistabbilixxi regoli li jipprovdu li l-impriżi għandhom dritt għall-irkupru mill-Istat Membru tal-ispiża netta għall-provvista ta’ servizzi obbligatorji addizzjonali li ma jaqgħux taħt il-Kapitolu II tad-Direttiva biss jekk l-ispiża netta tikkostitwixxi oneru mhux ġustifikat għall-impriżi inkwistjoni?
(3)
Fil-każ li t-tieni domanda tingħata risposta fin-negattiv, l-Istat Membru jista’ jiddeċiedi li l-provvista ta’ servizz obbligatorju addizzjonali li ma jaqax taħt il-Kapitolu II tad-Direttiva ma tinvolvix oneru mhux ġustifikat meta l-impriża tkun għamlet, globalment, profitt fil-kuntest tal-provvista tas-servizzi kollha li għalihom hija għandha obbligu ta’ servizz universali, u b’mod partikolari fil-provvista tas-servizzi li l-impriża kienet xorta tagħti kieku ma kinitx operatur ta’ servizz universali?
(4)
Id-Direttiva Servizz Universali tipprekludi lil Stat Membru milli jistabbilixxi regoli li jipprovdu li l-ispiża netta sostnuta minn impriża inkarigata fil-kuntest tal-obbligu tagħha ta’ servizz universali fis-sens tal-Kapitolu II tad-Direttiva hija kkalkolata abbażi tad-dħul u tal-ispejjeż kollha li huma marbuta mal-provvista tas-servizz inkwistjoni, u b’mod partikolari tad-dħul u tal-ispejjeż li l-impriża kienet tagħmel xorta waħda kieku ma kinitx operatur ta’ servizz universali?
(5)
Ir-risposta għall-ewwel sar-raba’ domandi hija affettwata mill-fatt li l-ġestjoni ta’ servizz obbligatorju addizzjonali għandha tiġi pprovduta fil-Groenlandja li, skont l-Anness II tat-TFUE, huwa pajjiż jew territorju extra-Ewropew, meta din il-ġestjoni tiġi fdata minn awtoritajiet Daniżi lil impriża stabbilita fid-Danimarka u din l-impriża ma jkollhiex attivitajiet oħra fil-Groenlandja?
(6)
X’inhuwa l-effett tal-Artikoli 107(1) u 108(3) TFUE, kif ukoll tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Diċembru 2011 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat taħt il-forma ta’ kumpens għas-servizzi pubbliċi mogħti lil ċerti impriżi inkarigati bil-ġestjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (1) fuq ir-risposta għall-ewwel sal-ħames domandi?
(7)
X’inhuwa l-effett tal-prinċipju ta’ distorsjoni minima fil-kompetizzjoni, imsemmi b’mod partikolari fl-Artikoli 1(2), 3(2) u fil-premessi 4, 18, 23 u 26, kif ukoll fil-Parti B tal-Anness IV, tad-Direttiva Servizz Universali fuq ir-risposta għall-ewwel sal-ħames domandi?
(8)
Jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva Servizz Universali jipprekludu s-sistemi legali nazzjonali msemmija fid-domandi 1, 2 u 4, dawn id-dispożizzjonijiet jew dawn ir-restrizzjonijiet għandhom effett dirett?
(1) ĠU L 7, 11.01.2012, p. 3.
Full & Egal Universal Law Academy