20.7.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 207/25
Appell ippreżentat fit-2 ta’ Mejju 2013 minn Manutencoop Soc. coop., li kienet Manutencoop Soc. coop. arl u Astrocoop Universale Pulizie, Manutenzioni e Trasporti Soc. coop. rl mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fl-20 ta’ Frar 2013 fil-Kawżi magħquda T-278/00 sa T-280/00, T-282/00 sa T-286/00 u T-288/00 sa T-295/00, Albergo Quattro Fontane et vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-246/13 P)
2013/C 207/39
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Appellanti: Manutencoop Soc. coop., li kienet Manutencoop Soc. coop. r.l. u Astrocoop Universale Pulizie, Manutenzioni e Trasporti Soc. coop. r.l. (rappreżentanti: A. Vianello, A Bortoluzzi u A. Veronese, avukati)
Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Comitato “Venezia vuole vivere”
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla u/jew tirriforma d-digriet tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tal-20 ta’ Frar 2013, innotifikat fil-25 ta’ Frar 2013, mogħti fil-Kawża T-280/08 u T-285/00;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
Insostenn tal-appell tqajmu żewġ aggravji.
L-ewwel nett, id-digriet tal-Qorti Ġenerali huwa vvizzjat bi żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-prinċipji msemmija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-“Sentenza Comitatato Venezia vuole vivere” fir-rigward tal-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali ma kinitx konformi mas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta hija tafferma li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni “għandu jkun fiha nfisha l-elementi essenzjali kollha għall-implementazzjoni tagħha mill-awtoritajiet nazzjonali.” Issa, minkejja li d-deċiżjoni kkontestata ma għandhiex l-elementi essenzjali għall-implementazzjoni tagħha mill-awtoritajiet nazzjonali, il-Qorti Ġenerali ma rrilevat ebda nuqqas fil-metodu adottat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, li konsegwentement jirriżulta fi żball ta’ liġi.
It-tieni nett, id-digriet huwa vvizzjat minn żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-prinċipji msemmija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-“Sentenza Comitatato Venezia vuole vivere” fir-rigward tat-tqassim tal-oneru tal-prova għal dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 107(1) TFUE. Skont il-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-irkupru jkun l-Istat Membru– u, għaldaqstant, mhux il-benefiċjarju individwali — li għandu juri, każ b’każ, li l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 107(1) TFUE. Madankollu, f’dan il-każ, il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata naqset li tiċċara l-“mod” ta’ tali verifika. Konsegwentement, peress li ma għandhiex l-elementi essenzjali sabiex turi, fil-kuntest tal-irkupru, jekk il-benefiċċji mogħtija jikkostitwixxux għall-benefiċjarji għajnuna mill-Istat, ir-Repubblika Taljana qalbet l-onus probandi, peress li talbet lill-impriżi individwali benefiċjarji tal-għajnuna mogħtija fil-forma ta’ tnaqqis li jipprovaw li l-benefiċċji inkwistjoni ma joħolqux distorsjoni fil-kompetizzjoni, u lanqas ma jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri; fin-nuqqas hemm il-preżunzjoni li l-benefiċċju mogħti huwa ta’ natura li joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni u jaffettwa l-kummerċ Komunitarju.
Full & Egal Universal Law Academy