20.7.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 207/25
Rikors ippreżentat fis-7 ta’ Mejju 2013 — Il-Kummissjoni Ewropea vs ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi
(Kawża C-252/13)
2013/C 207/40
Lingwa tal-kawża: l-Olandiż
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: D. Martin u M. van Beek, aġenti)
Konvenut: Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi
Talbiet tar-rikorrenti
—
tikkonstata li billi żammet dispożizzjonijiet inkompatibbli mal-punti (a) u (b) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1, mal-Artikolu 15 u mal-Artikolu 28(2) tad-Direttiva 2006/54/KE (1) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Lulju 2006, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (tfassil mill-ġdid) fil-leġiżlazzjoni Olandiża, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt din id-direttiva;
—
tikkundanna lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għall-ispejeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Il-Kummissjoni tqis li d-dritt industrijali Olandiż ma jindikax b’mod biżżejjed ċar li, jekk mar-ritorn mill-leave tal-maternità, il-ħaddiema nisa jsibu ruħhom quddiem kundizzjonijiet tax-xogħol inqas favorevoli, dan id-deterjorament huwa inkompatibbli mal-projbizzjoni ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni eżerċitata minħabba t-tqala, il-ħlas, il-maternità.
Skont il-Kummissjoni, li jiġi kklassifikat bħala sempliċi ksur tal-kuntratt il-fatt li l-persuna li timpjega tbiddel unilateralment il-kundizzjonijiet tax-xogħol u n-natura tad-dmirijiet miftiehma fil-kuntratt ta’ xogħol ma jesprimix din il-projbizzjoni b’mod biżżejjed ċar.
Li jiġi allegat li dritt tal-leave legali jimplika awtomatikament l-illegalità ta’ kull trattament ieħor inqas favorevoli, ma huwiex, skont il-Kummissjoni, argument suffiċjenti. Il-prinċipju tal-persuna li timpjega ġusta stabbilit fil-kodiċi ċivili Olandiż kif ukoll il-possibbiltà li tiġi invokata projbizzjoni ġenerali ta’ kull diskriminazzjoni ma jikkostitwixxix traspożizzjoni biżżejjed ċara u preċiża tal-Artikoli 15 u 28 tad-direttiva. Il-prinċipji ġenerali tad-dritt Olandiż ma jikkostitwixxux traspożizzjoni biżejjed ċara tar-regoli tad-direttiva.
Din is-sitwazzjoni ma hijiex konformi mar-rekwiżiti ta’ trasparenza u ta’ ċertezza legali ddefiniti mill-Qorti tal-Ġustizzja għat-traspożizzjoni ta’ direttiva fid-dritt nazzjonali.
(1) ĠU L 204, p. 23.
Full & Egal Universal Law Academy