27.7.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 215/8
Appell ippreżentat fis-17 ta’ Mejju 2013 mir-Repubblika tal-Polonja mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Frar 2013 fil-Kawża T-241/10, Ir-Repubblika tal-Polonja vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-273/13 P)
2013/C 215/11
Lingwa tal-kawża: il-Pollakk
Partijiet
Appellanti: Ir-Repubblika tal-Polonja (rappreżentant: B. Majczyna)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellanti
—
Tannulla, fl-intier tagħha, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-27 ta’ Frar 2013 fil-Kawża T-241/10, Ir-Repubblika tal-Polonja vs Il-Kummissjoni Ewropea
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/152/UE, tal-11 ta’ Marzu 2010, li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri taħt it-Taqsima ta’ Garanzija tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG), taħt il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u taħt il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (notifikata bid-dokument numru C(2010) 1317) (ĠU L 63, p. 7), sa fejn teskludi mill-finanzjament Komunitarju l-ammonti ta’ PLN 279 794 442,15 u ta’ EUR 25 583 996,81 mġarrba mill-aġenzija tal-pagamenti akkreditata mir-Repubblika Pollakka;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.
Aggravji u argumenti prinċipali
Ir-Repubblika tal-Polonja tikkontesta s-sentenza appellata permezz tal-aggravji li ġejjin:
(1)
Interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 minħabba li l-Qorti Ġenerali qieset li din id-dispożizzjoni teħtieġ l-introduzzjoni ta’ sistema LPIS-GIS kompletament vektorizzata (sistema ta’ identifikazzjoni tal-roqgħa ta’ artijiet agrikoli bbażati fuq sistema ta’ informazzjoni ġeografika kompjuterizzata) jew ta’ sistema ekwivalenti, għalkemm l-ebda vektorizzazzjoni totali ma hija meħtieġa għat-twettiq tal-miżuri previsti f’din id-dispożizzjoni.
(2)
Interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 53 tar-Regolament (KE) Nru 796/2004 minħabba li l-Qorti Ġenerali qieset li s-sanzjonijiet għal ksur intenzjonali kellhom jiġu applikati anki f’każijiet fejn il-ksur intenzjonali ma ġiex iddeterminat b’mod konklużiv.
(3)
Nuqqas ta’ ġustifikazzjoni sodisfaċenti tas-sentenza appellata. Skont ir-Repubblika tal-Polonja, il-Qorti Ġenerali ma spjegatx liema rekwiżiti sostantivi jew formali li jirriżultaw mill-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 ma kinux effettivament sodisfatti. Il-Qorti Ġenerali wkoll ma stabbilixxietx sa fejn il-possibbiltà li l-azzjoni intenzjonata tiġi stabbilita permezz ta’ proċess ġudizzjarju setgħet wasslet għal inkompatibbiltà tas-sistema ta’ ħlas introdotta mill-awtoritajiet Pollakki mal-għanijiet tal-politika agrikola komuni. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma spjegatx l-inkonsistenza tal-kalkoli li saru mill-awtoritajiet Pollakki mar-riskju attwali għall-fond.
(4)
Ksur tal-prinċipju ta’ kontradittorju u tad-dritt għal smigħ xieraq billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-provi li ġew prodotti mir-Repubblika tal-Polonja u billi marret lil hinn mis-suġġett tat-tilwima. Dan huwa minħabba li l-Qorti Ġenerali naqset milli tikkunsidra l-provi u l-ispjegazzjonijiet mogħtija mir-Repubblika tal-Polonja fir-rigward tas-sistema sabiex tivverifika l-eliġibbiltà tal-uċuħ għall-għajnuna u milli tispjega l-iskala għal-livell ta’ investigazzjoni ta’ Opolskie WojewĂłdztwo. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali estendiet ir-reviżjoni tagħha lil hinn minn dak li kien is-suġġett tal-kritika tal-Kummissjoni u dak li kien il-bażi tad-deċiżjoni kkontestata nnifisha.
Full & Egal Universal Law Academy