20.7.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 207/32
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de lo Mercantil de Pontevedra (Spanja) fil-21 ta’ Mejju 2013 — Pablo Acosta Padín vs Hijos de J. Barreras S.A.
(Kawża C-276/13)
2013/C 207/54
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Qorti tar-rinviju
Juzgado de lo Mercantil de Pontevedra
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Pablo Acosta Padín.
Konvenuta: Hijos de J. Barreras S.A..
Domandi preliminari
(1)
Leġiżlazzjoni bħad-Digriet Irjali 1373/2003, tas-7 ta’ Novembru 2003, li jistabbilixxi l-iskala tal-onorarji tal-prokuraturi legali, leġiżlazzjoni li tissuġġetta l-ħlas tagħhom għal skala tal-onorarji minima li tista’ tiżdied jew titnaqqas biss bi 12 %, hija kompatibbli mal-Artikolu 101 TFUE (li kien l-Artikolu 81 tat-Trattat KE, moqri flimkien mal-Artikolu 10 tiegħu) u mal-Artikolu 4(3) TUE meta l-awtoritajiet tal-Istat Membru, inkluż il-qrati tiegħu, ma għandhomx il-possibbiltà effettiva li jidderogaw mit-tariffi minimi stabbiliti mill-iskala tal-onorarji legali f’każ ta’ ċirkustanzi straordinarji?
(2)
Sabiex tkun tista’ ssir deroga mill-onorarji minimi previsti mill-iskala tal-onorarji kkontestata, sproporzjon sinjifikattiv bejn ix-xogħol effettivament imwettaq mill-prokuratur legali u l-ammont tal-onorarji pagabbli skont din l-iskala jista’ jitqies bħala ċirkustanza straordinarja?
(3)
Id-Digriet Irjali 1373/2003, tas-7 ta’ Novembru 2003, li jistabbilixxi l-iskala tal-onorarji tal-prokuraturi legali huwa kompatibbli mal-Artikolu 56 TFUE (li kien l-Artikolu 49 KE)?
(4)
Din il-leġiżlazzjoni tissodisfa r-rekwiżiti ta’ neċessità u ta’ proporzjonalità stabbiliti fl-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2006/123/KE (1)?
(5)
Id-dritt għal smigħ xieraq stabbilit fl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali jinkludi d-dritt li wieħed jikkontesta effettivament l-onorarji tal-prokuratur legali meta dawn ikunu sproporzjonalment għolja u ma jikkorrispondux max-xogħol effettivament imwettaq?
(6)
F’każ ta’ risposta affermattiva: id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Spanjol li jipprekludu lill-parti kkundannata għall-ispejjeż milli tikkontesta l-ammont tal-onorarji tal-prokuratur legali meta hija tqis li dawn huma eċċessivi u ma jikkorrispondux max-xogħol effettivament imwettaq huma konformi mal-Artikolu 6 tal-Konvenżjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamental?
(1) Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern, ĠU L 376, p. 36.
Full & Egal Universal Law Academy