27.7.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 215/10
Appell ippreżentat fl-24 ta’ Mejju 2013 minn Henkel AG & Co. KGaA, Henkel France mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fis-7 ta’ Marzu 2013 fil-Kawża T-64/12, Henkel AG & Co. KGaA, Henkel France vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-284/13 P)
2013/C 215/13
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: Henkel AG & Co. KGaA, Henkel France (rappreżentanti: F. Brunet, E. Paroche, avukati, E. Bitton, avukat)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla d-digriet sa fejn iddikjara li l-kap tat-talbiet tar-rikors ippreżentat minn Henkel quddiem il-Qorti Ġenerali intiż sabiex id-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata kien inammissibbli;
—
tiddeċiedi li r-rikors ippreżentat minn Henkel quddiem il-Qorti Ġenerali ma huwiex mingħajr skop u huwa ammissibbli, u tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għal kunsiderazzjoni mill-ġdid tal-fatti rilevanti;
—
tannulla d-Digriet sa fejn huwa jikkundanna lil Henkel għall-ispejjeż tagħha u għal dawk tal-Kummissjoni (punt 3 tad-dispożittiv tad-Digriet), u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri u tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali.
Aggravji u argumenti prinċipali
Dan l-appell huwa bbażat fuq tliet aggravji, li permezz tagħhom l-appellanti jikkontestaw il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li huma ma kellhomx interess ġuridiku li jippreżentaw appell quddiem il-Qorti Ġenerali kontra d-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta ddeċidiet li d-deċiżjoni kkontestata sfat mingħajr skop wara d-deċiżjoni tal-ADLC li fiha l-ADLC ikkunsidrat li t-trażmissjoni tad-dokumenti ma kinitx neċessarja sabiex jiġi ggarantit ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-appellanti u li dawn id-dokumenti kienu irrilevanti għall-eżami tal-każ quddiem l-ADLC.
Bil-kontra, l-appellanti jsostnu li huma kellhom interess ġuridiku li jressqu kawża quddiem il-Qorti Ġenerali peress li hija teħtieġ li tibbaża ruħha fuq id-dokumenti fil-proċeduri Franċiżi sabiex turi li (i) il-fatti sanzjonati fil-Każ COMP/39.579 huma l-istess jew tal-inqas simili ħafna għall-fatti akkużati fil-proċeduri Franċiżi, u dan għandu effett fuq l-istatus tal-appellanti fir-rigward tal-klemenza fi Franza; u (ii) l-insistenza ta’ Henkel li tiġi awtorizzata tuża dawn id-dokumenti fil-proċeduri Franċiżi ma għandhiex tiġi kkunsidrata bħala nuqqas ta’ kooperazzjoni tar-rikorrenti li jitolbu klemenza li jiġġustifika tnaqqis fil-multa ta’ 25 % minflok ta’ 30 %, kif iddeċidiet l-ADLC, iżda għandha tiġi kkunsidrata bħala l-eżerċizzju ta’ dritt u interess leġittimu, jiġifieri, l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża.
Dan l-appell huwa maqsum fi tliet aggravji:
—
L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti peress li kkunsidrat b’mod żbaljat li ma kienx hemm passi proċedurali oħra wara d-deċiżjoni tal-ADLC, fejn dawn id-dokumenti jistgħu jiġu rriveduti, jekk id-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata u d-dokumenti jiġu ttrasferiti lil ADLC;
—
It-tieni nett, id-Digriet huwa vvizzjat b’nuqqas ta’ motivazzjoni peress li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li Henkel ma kellhiex interess ġuridiku li tressaq kawża mingħajr ma tirrevedi l-argumenti mressqa minnha; u
—
It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta naqset milli teżamina jekk Henkel ma żammitx interess ġuridiku li tressaq kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tevita repetizzjoni ta’ att illegali.
Għal kull waħda minn dawn ir-raġunijiet, l-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-Digriet.
Full & Egal Universal Law Academy