31.8.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 252/13
Appell ippreżentat fl-24 ta’ Mejju 2013 minn Bimbo, SA mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tal-20 ta’ Marzu 2013 fil-Kawża T-277/12 — Bimbo, SA vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)
(Kawża C-285/13 P)
2013/C 252/21
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: Bimbo, SA (rappreżentant: N. Fernández Fernández-Pacheco, avukat)
Partijiet oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), Café do Brasil SpA
Talbiet tal-appellanti
—
prinċipalment, tannulla parzjalment is-sentenza tal-20 ta’ Marzu 2013 li tirrifjuta r-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja Nru 3 478 311“Caffé KIMBO & design” għal prodotti fil-klassi 30 li ġejjin: “Kafè, te, kawkaw, zokkor, ross; tapjoka, sago, kafè artifiċjali; Dqiq, ħlewwiet, ġelati; Għasel, għasel iswed; Ħmira, trab tal-ħami; Melħ, mustarda; Ħall, zlazi (kondimenti); Ħwawar; Silġ” u tikkonferma l-istess sentenza sa fejn ċaħdet l-applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja Nru 3 478 311“Caffé KIMBO & design” fir-rigward tal-“preparazzjonijiet magħmulin miċ-ċereali; Ħobż, għaġina”.
—
sussidjarjament, tannulla parzjalment is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-20 ta’ Marzu 2013, li tirrifjuta r-reġistrazzjoni tal-applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja Nru 3 478 311“Caffé KIMBO & design” għall-prodotti fil-klassi 30 li ġejjin: “dqiq, ħlewwiet, silġ, ħmira u trab tal-ħami” u tikkonferma s-sentenza sa fejn din ċaħdet l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja Nru 3 478 311“Caffé KIMBO & design” fir-rigward ta’ preparazzjonijiet magħmulin miċ-ċereali; Ħobż, għaġina.
—
tikkundanna lill-konvenuti jbatu l-ispejjeż tal-kawża.
Aggravji u argumenti prinċipali
Dan l-appell huwa bbażat fuq l-aggravji li ġejjin:
—
Ir-Regolament (KE) Nru 2868/95 (1).
Meta kienet qedha tiġi evalwata l-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja Nru 3 478 311“Caffé KIMBO & Design” u r-reġistrazzjoni preċedenti Spanjola Nru 291 655 għal BIMBO, it-tnejn li huma rreġistrati għal prodotti fil-klassi 30, it-trade mark preċedenti ma ttieħditx inkunsiderazzjoni bħala trade mark irreġistrata iżda bħala trade mark magħrufa.
Qed jiġi sottomess li l-appellanti stabbilixxiet debitament l-eżistenza ta’ reġistrazzjoni preċedenti li kienet u għadha fis-seħħ, minkejja l-fatt li ma ġie ppreżentat ebda dokument li juri t-tiġdid tal-applikazzjoni.
—
L-Artikolu 8(1), (2), (4) u (5) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 (2). L-Artikolu 6a tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi.
Meta kienet qedha tiġi evalwata l-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja Nru 3 478 311“Caffé KIMBO & Design” u r-reġistrazzjoni preċedenti Spanjola Nru 291 655 għal BIMBO, it-tnejn li huma rreġistrati għal prodotti fil-klassi 30, it-trade mark preċedenti ma ttieħditx inkunsiderazzjoni bħala trade mark li għandha reputazzjoni iżda bħala trade mark magħrufa.
L-appellanti pprovat li BIMBO hija trade mark b’reputazzjoni, b’riferiment għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-357/11, tal-14 ta’ Diċembru 2012, li ddikjarat li BIMBO hija trade mark b’reputazzjoni.
Kemm bħala trade mark magħrufa kif ukoll bħala trade mark b’reputazzjoni, il-paragun bejn il-prodotti juri probabbiltà kbira ta’ konfużjoni, li ma ttieħditx inkunsiderazzjoni, peress li l-Qorti Ġenerali kkunsidrathom differenti biżżejjed sabiex tiġi evitata konfużjoni bejn prodotti tal-istess natura, oriġini, destinazzjoni u kanali ta’ distribuzzjoni.
Paragun iktar preċiż kien jiddetermina li teżisti probabbiltà għolja ta’ konfużjoni u għaldaqstant kellu jirriżulta f’rifjut tal-prodotti kollha fil-klassi 30, inkluż ovvjament, rifjut ta’ “dqiq, prodotti moħmija, silġ, ħmira u trab tal-ħami”.
Kemm bħala trade mark magħrufa kif ukoll bħala trade mark b’reputazzjoni, il-paragun bejn il-prodotti juri probabbiltà kbira ta’ konfużjoni. BIMBO uriet 92 % ta’ konoxxenza tad-ditta, u sehem tas-suq ta’ 60 %, u jistħoqqilha protezzjoni speċjali. Għaldaqstant, l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja Nru 3 478 311“Caffé KIMBO & Design” kellha tiġi rrifjutata fl-intier tagħha għal prodotti fil-klassi 30.
Ir-reġistrazzjoni tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja Nru 3 478 311“Caffé KIMBO & Design” tikseb vantaġġ inġust mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark u hija, jew se tkun, ta’ detriment għaliha.
(1) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189).
(2) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)
Full & Egal Universal Law Academy