31.8.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 252/16
Appell ippreżentat fis-27 ta’ Mejju 2013 minn Rütgers Germany GmbH, Rütgers Belgium NV, Deza, a.s., Industrial Química del Nalón, SA, Bilbaína de Alquitranes, SA mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla Estiża) fis-7 ta’ Marzu 2013 fil-Kawża T-94/10, Rütgers Germany GmbH et vs L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA)
(Kawża C-288/13 P)
2013/C 252/24
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: Rütgers Germany GmbH, Rütgers Belgium NV, Deza, a.s., Industrial Química del Nalón, SA, Bilbaína de Alquitranes, SA (rappreżentant: K. Van Maldegem, avukat)
Parti oħra fil-proċedura: L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA)
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla s-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-94/10; u
—
tannulla d-Deċiżjoni ED/68/2009 tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) li tidentifika ż-żejt tal-antraċen bħala sustanza li għandha tiġi inkluża fil-lista ta’ sustanzi kandidati b’konformità mal-Artikolu 59 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament REACH”) (1), jew
—
sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi dwar ir-rikors għall-annullament tal-appellanti; u
—
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż kollha tal-kawża (inklużi l-ispejjeż tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali).
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti jargumentaw li, biċ-ċaħda tar-rikors tagħhom għal annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tal-Unjoni. B’mod partikolari, l-appellanti jirrilevaw li l-Qorti Ġenerali wettqet numru ta’ żbalji fl-interpretazzjoni tagħha tal-qafas legali kif applikabbli fis-sitwazzjoni tal-appellanti. Dan irriżulta sabiex il-Qorti Ġenerali twettaq numru ta’ żbalji ta’ liġi, b’mod partikolari billi kkonkludiet:
—
li l-kawża kienet tikkonċerna fatti xjentifiċi u tekniċi kumplessi u li d-deċiżjoni li tidentifika ż-żejt tal-antraċen bħala sustanza li fiha proprjetajiet PBT u vPvB, abbażi ta’ komponenti tagħhom preżenti f’konċentrazzjoni ugwali jew superjuri għal 0.1 %, ma kien fiha l-ebda żball manifest;
—
li ma huwiex neċessarju li l-komponenti ikunu identifikati individwalment bħala li għandhom proprjetajiet PBT jew vPvB permezz ta’ deċiżjoni separata tal-ECHA ibbażata fuq evalwazzjoni fil-fond għal dak il-għan;
—
li ma kien jeżisti ebda ksur tal-Artikolu 59(3) u tal-Anness XV tar-Regolament REACH għall-fatt li d-dossier konformi mal-Anness XV ma kienx jinkludi informazzjoni fuq is-sustanzi alternattivi, u
—
ma kien hemm l-ebda ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.
Għal dawn l-aggravji, l-appellanti jitolbu l-annullament tas-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-94/10 u l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.
(1) Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, p. 1).
Full & Egal Universal Law Academy