3.8.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 226/6
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Augstākās tiesas Senāts (il-Latvja) fit-3 ta’ Ġunju 2013 — AS “flyLAL-Lithuanian Airlines”, fi stralċ vs VAS “Starptautiskā lidosta ‘Rīga’ ” u AS “Air Baltic Corporation”
(Kawża C-302/13)
(2013/C 226/10)
Lingwa tal-kawża: il-Latvjan
Qorti tar-rinviju
Augstākās tiesas Senāts
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: AS “flyLAL-Lithuanian Airlines”, fi stralċ
Konvenuti: VAS “Starptautiskā lidosta ‘Rīga’” u AS “Air Baltic Corporation”
Domandi preliminari
(1)
Kawża li fiha rikorrent jitlob il-kumpens għad-danni u r-rikonoxximent tan-natura illegali tal-aġir tal-konvenuti, f’konnessjoni ma’ ftehim ipprojbit u ma’ abbuż minn pożizzjoni dominanti u bbażat fuq l-applikazzjoni ta’ atti regolatorji ta’ portata ġenerali ta’ Stat Membru ieħor, għandha titqies bħala kawża ċivili jew kummerċjali fis-sens tar-Regolament [(KE) Nru°44/2001 (1), iktar ’il quddiem ir-“Regolament”], fid-dawl tal-fatt li l-ftehim ipprojbit kien null u ineżistenti fil-mument li ġie konkluż, iżda wkoll tal-fatt li l-adozzjoni ta’ atti regolatorji hija attività eżerċitata mill-Istat fil-qasam tad-dritt pubbliku (acta iure imperii), li għaliha tapplika l-immunità ġudizzjarja tal-Istat fir-rigward tal-qrati ta’ Stat ieħor?
(2)
F’każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda 1 (il-kawża hija ċivili jew kummerċjali fis-sens tar-Regolament), l-azzjoni “għad-danni” għandha titqies bħala proċedura li għandha bħala għan il-validità tad-deċiżjonijet ta’ organi ta’ kumpanniji fis-sens tal-Artikolu 22(2) tal-imsemmi regolament, fatt li jippermetti li deċiżjoni ma tiġix rikonoxxuta skont l-Artikolu 35(1) tiegħu?
(3)
Jekk l-għan tar-rikors għad-danni jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 22(2) (ġurisdizzjoni esklużiva) tar-Regolament, il-qorti tal-Istat li fih qed jintalab ir-rikonoxximent hija obbligata tivverifika l-eżistenza taċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 35(1) tar-Regolament, fil-każ tar-rikonoxximent ta’ sentenza li tadotta miżuri kawtelatorji?
(4)
Il-klawżola ta’ ordni pubbliku li tinsab fl-Artikolu 34(1) tar-Regolament tista’ tinftiehem fis-sens li r-rikonoxximent ta’ sentenza li tadotta miżuri kawtelatorji tmur kontra l-ordni pubbliku tal-Istat Membru, jekk, l-ewwel nett, l-argument prinċipali insostenn tal-adozzjoni ta’ miżuri kawtelatorji huwa l-ammont kunsiderevoli tas-somma indikata fir-rikors, li ma kinitx suġġetta għal kalkolu motivat u sostnut minn argumenti u, it-tieni nett, jekk ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ din id-deċiżjoni jista’ jfisser, għall-konvenuti, telf li dawn ma jkollhomx il-possibbiltà, fil-każ ta’ ċaħda tal-azzjoni“għad-danni”, li jirkupraw mingħand ir-rikorrenti, kumpannija kummerċjali fi stralċ, fatt li finalment iwassal għal preġudizzju fir-rigward tal-interessi ekonomiċi u għaldaqstant jhedded is-sigurtà tal-Istat li fih qed jintalab ir-rikonoxximent, fid-dawl tal-fatt li r-Repubblika tal-Latvja għandha 100 % tal-azzjonijiet ta’ Lidosta “Rīga” u 52.6 % ta’ dawk ta’ AS“Air Baltic Corporation”?
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru°44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).
Full & Egal Universal Law Academy