10.8.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 233/3
Appell ippreżentat fil-5 ta’ Ġunju 2013 minn Società Italiana Calzature SpA mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fid-9 ta’ April 2013 fil-Kawża T-337/11, Società Italiana Calzature SpA vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)
(Kawża C-309/13 P)
2013/C 233/04
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Appellanti: Società Italiana Calzature SpA (rappreżentanti: A. Rapisardi u C. Ginevra, avukati)
Partijiet oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), VICINI SpA
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla s-sentenza Nru 564400 mogħtija mill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża T-337/11 fid-9 ta’ April 2013, innotifikata fl-istess data, tilqa’ t-talbiet magħmula minn Società Italiana Calzature SpA (iktar ’il quddiem “SIC”) permezz tar-rikors fl-ewwel istanza, tannulla d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tat-8 ta’ April 2011 dwar il-Każ R 918/2010-2 u tikkonstata u tiddikjara li t-trade mark Komunitarja de VICINI Nru 4 337 754 ma għandhiex tiġi rreġistrata minħabba nuqqas ta’ novità, inkwantu tixxiebah, sal-punt ta’ konfużjoni, mas-sinjal verbali preċedenti “ZANOTTI” li kien is-suġġett ta’ trade mark Komunitarja rreġistrata taħt in-Nru 244 277 li SIC hija l-proprjetarja tagħha;
—
tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż kollha taż-żewġ istanzi;
—
tikkundanna lil VICINI S.p.A. tħallas lil SIC l-ispejjeż kollha tal-istadji preċedenti quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u l-Bord tal-Appell.
Aggravji u argumenti prinċipali
Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali hija vvizzjata minn motivazzjoni insuffiċjenti u kontradittorja. Il-fatt li l-element grafiku huwa viżwalment dominanti meta mqabbel mal-element verbali tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u li l-kelmiet “By” and “Giuseppe” ġew miżjuda ma “ZANOTTI” ma huwiex suffiċjenti sabiex tiġi eskluża l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti, fid-dawl tal-karatteristiċi intrinsiċi tal-elementi inkwistjoni u, b’mod partikolari, tal-fatt li dawn ma għandhomx karattru distintiv.
Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta qieset li l-kelma “ZANOTTI”, li tikkostitwixxi l-element verbali tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, ma għandhiex pożizzjoni distintiva awtonoma, u eskludiet b’hekk, minn din il-perspettiva wkoll, l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużkoni bejn it-trade marks kunfliġġenti.
Full & Egal Universal Law Academy