24.8.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 245/6
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad — Burgas (il-Bulgarija) fit-18 ta’ Ġunju 2013 — Lukoil Neftohim Burgas AD vs Nachalnik na Mitnicheski punkt “Pristanishte Burgas tsentar” pri Mitnitsa Burgas
(Kawża C-330/13)
2013/C 245/09
Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru
Qorti tar-rinviju
Administrativen sad — Burgas
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Lukoil Neftohim Burgas AD
Konvenut: Nachalnik na Mitnicheski punkt “Pristanishte Burgas tsentar” pri Mitnitsa Burgas
Domandi preliminari
(1)
Il-metodu ta’ determinazzjoni [tal-kontenut] tal-komponenti aromatiċi fis-sustanzi msemmija fil-Kapitolu 27 tan-NM, indikat fl-Anness А tan-noti ta’ spjega relatati mal-Kapitolu 27 tan-NM, imur kontra d-definizzjoni tal-komponenti aromatiċi mogħtija fil-kunsiderazzjonijiet ġenerali tal-Kapitolu 27 tas-SA? Jekk ikun hemm tali kontradizzjoni, kif għandhom jiġu ddefiniti dawn il-komponenti u l-Metodu A8TM B 2007 [li probabbilment ifisser “АSТМ D 2007”] huwa xieraq u ammissibbli?
(2)
Liema tifsira għandha tingħata lill-kliem “komponenti mhux aromatiċi”, użati fin-noti ta’ spjega relatati mal-Kapitolu 27 tas-SA, kif ukoll fin-nota Nru 2 relatata mal-Kapitolu 27 tas-SA? Din it-tifsira tikkoinċidi ma’ dik tal-kliem “idrokarburi mhux aromatiċi” jew hija usa? Jekk it-tifsira hija usa minn din tal-aħħar, din għalhekk tinkludi f’termini ta’ piż il-komponenti kollha mhux inklużi fil-kunċett ta’ “komponenti aromatiċi”, jew jeżistu elementi ta’ sustanza bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li f’termini ta’ piż la jaqgħu fil-kategorija ta’ “komponenti aromatiċi” u lanqas f’dik ta’ “komponenti mhux aromatiċi”?
(3)
Huwa ammissibbli li jiġi applikat l-istess metodu sabiex jiġu ddeterminati kemm il-komponenti aromatiċi kif ukoll il-komponenti mhux aromatiċi, fis-sens tal-Kapitolu 27 tan-NM u tas-SA, u jekk iva, liema huwa dan il-metodu? Jekk dan ma jkunx permess, liema huwa l-metodu applikabbli għad-determinazzjoni tal-komponenti aromatiċi u mhux aromatiċi?
(4)
Liema miż-żewġ intestaturi, 2707 jew 2710, tal-Kapitolu 27 tan-NM tiddeskrivi bl-iktar mod speċifiku prodott b’karatteristiċi tali bħal dawk tas-sustanza inkwistjoni fil-kawża prinċipali?
(5)
Fil-każ li ż-żewġ intestaturi ċċitati iktar ’il fuq jiddeskrivi t-tnejn li huma prodott b’karatteristiċi bħal dawk tas-sustanza inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-prevalenza f’termini ta’ piż tal-komponenti aromatiċi tikkostitwixxu l-komponent li jagħtihom il-karattru prinċipali tagħhom?
(6)
Liema miż-żewġ intestaturi, 2707 jew 2710, tirrigwarda l-prodotti l-iktar simili għal dak li jippreżenta karatteristiċi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali?
(7)
Hemm kontradizzjoni bejn parti min-noti ta’ spjega tan-NM relatati mal-intestaturi 2707 99 91 u 2707 99 99 u n-nota 2 tal-Kapitolu 27 tas-SA, jew din ma hijiex eżawrjenti, iżda biss ta’ natura indikattiva?
Skont in-noti ta’ spjega tan-NM relatati mal-intestaturi 2707 99 91 u 2707 99 99, “meta żjut tqal (ħlief dawk mhux raffinati) miksuba mid-distillazzjoni ta’ qatran tal-faħam f’temperatura għolja jew prodotti simili għal dawk iż-żjut” ma jissodisfawx l-erba’ kundizzjonijiet kumulattivi indikati fin-noti ta’ spjega tan-NM relatati mal-intestaturi ċċitati iktar ’il fuq, iż-żjut huma kklassifikati skont il-karatteristiċi tagħhom taħt l-intestaturi “2710 19 31 sa 2710 19 99”.
Skont in-nota 2 tal-Kapitolu 27 tas-SA, il-kliem “żjut minerali (petroleum) u żjut miksuba minn minerali bituminużi” użati fl-ifformular tal-intestatura 2710, japplikaw mhux biss għaż-żjut minerali (petroleum) u żjut miksubin minn minerali bituminużi, iżda wkoll żjut simili, kif ukoll dawk li prinċipalment jikkonsistu f’idrokarboni mħalltin mhux saturati li fihom il-komponenti mhux aromatiċi predominanti f’termini ta’ piż meta mqabbla mal-komponenti aromatiċi, irrispettivament mill-proċess ta’ produzzjoni.
(8)
Hemm kontradizzjoni bejn in-noti ta’ spjega tan-NM relatati mal-intestaturi 2707 99 91 u 2707 99 99 (li jirreferu s-sustanzi li ma jissodisfawx il-kriterji kumulattivi tal-punt (а) sal-punt (d) u li prinċipalment għandhom komponenti aromatiċi, għall-intestaturi 2710 19 31 sa 2710 19 99) u n-noti ta’ spjega tal-intestatura 2710 tas-SA, Titolu I(B), li jirreferu għalihom in-noti ta’ spjega tal-Kapitolu 27 tan-NM (li skont dan ma humiex inklużi f’din l-intestatura ż-żjut li fihom il-komponenti aromatiċi predominanti f’termini ta’ piż meta mqabbla mal-komponenti mhux aromatiċi, irrispettivament minn jekk tali żjut humiex miksuba mill-ipproċessar taż-żejt jew b’mezz ieħor)?
(9)
Liema huwa t-test awtentiku u liema hija t-tifsira awtentika tat-tieni sentenza tan-noti ta’ spjega tan-NM relatata mal-intestaturi 2707 99 91 u 2707 99 99, li bil-Bulgaru huwa fformulat “Между тези продукти могат да се упоменат” [dawn il-prodotti jistgħu jinkludu], u bl-Ingliż “these products [include]”?
(10)
X’inhi l-klassifikazzjoni xierqa ta’ prodott b’karatteristiċi bħal dawk tas-sustanza inkwistjoni fil-kawża prinċipali li fiha l-komponenti aromatiċi predominanti f’termini ta’ piż meta mqabbla mal-komponenti mhux aromatiċi, li iżda ma tissodisfax l-erba’ kundizzjonijiet kumulattivi tal-punt 1 tan-noti ta’ spjega relatati mas-subintestaturi 2707 99 91 u 2707 99 99 tan-NM?
Full & Egal Universal Law Academy