7.9.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 260/23
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja) fid-19 ta’ Ġunju 2013 — Nordex Food A/S vs Hauptzollamt Hamburg-Jonas
(Kawża C-334/13)
2013/C 260/41
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Bundesfinanzhof
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Nordex Food A/S
Konvenut: Hauptzollamt Hamburg-Jonas
Domandi preliminari
(1)
Sabiex tingħata deċiżjoni fuq l-għoti ta’ ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni, il-preżentazzjoni taċ-ċertifikat tal-esportazzjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala konformi mal-Artikolu 4(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/1999, tal-15 ta’ April 1999, li jistabbilixxi regoli komuni dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli (1) jekk l-uffiċċju tad-dwana tal-esportazzjoni ikun aċċetta d-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni ppreżentata mingħajr ċertifikat, filwaqt li jkun awtorizza lill-esportatur sabiex jippreżenta ċ-ċertifikat iktar tard f’terminu preċiż, u meta dan tal-aħħar ikun ippreżentah f’tali terminu?
(2)
Jekk l-ewwel domanda tingħata risposta negattiva: l-Artikolu 4(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/1999, tal-15 ta’ April 1999, li jistabbilixxi regoli komuni dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli jirrikjedi b’mod imperattiv, li jiġi ppreżentat iċ-ċertifikat tal-esportazzjoni mill-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni jew huwa biżżejjed li l-esportatur jippreżenta biss iċ-ċertifikat tal-esportazzjoni (li jingħata lilu qabel l-esportazzjoni) fil-proċedura tal-ħlas?
(3)
L-esportatur, li l-ewwel nett ippreżenta dokumenti doganali ffalsifikati sabiex tiġi stabbilita l-wasla ta’ merkanzija esportata fil-pajjiż ta’ destinazzjoni, ikun jista’ jerġa’ jippreżenta, sabiex jippreżerva d-dritt tiegħu, dokumenti doganali validi wara l-iskadenza tat-termini għall-preżentazzjoni, stabbiliti mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/1999, tal-15 ta’ April 1999, li jistabbilixxi regoli komuni dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli, jekk il-preżentazzjoni tardiva ma tkunx dewmet jew ipprekludiet l-iżvolġiment tal-proċedura tal-ħlas peress li t-talba għal-ħlas lura kienet, l-ewwel nett, ġiet miċħuda għal raġunijiet oħra barra n-nuqqas ta’ produzzjoni ta’ tali provi tal-wasla fid-destinazzjoni u li dawn tal-aħħar jiġu prodotti wara li tkun ġiet irrikonoxxuta l-falsifikazzjoni ta’ dawn id-dokumenti?
(4)
Is-sanzjoni msemmija fl-Artikolu 51 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/1999, tal-15 ta’ April 1999, li jistabbilixxi regoli komuni dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli għandha tiġi imposta jekk il-ħlas lura fuq l-esportazzjoni mitlub, ikun jikkorrispondi b’mod ċert għal dak li għandu effettivament jiġi mogħti, iżda meta l-esportatur ikun l-ewwel nett ippreżenta fil-proċedura tal-ħlas, dokumenti li abbażi tagħhom il-ħlas lura fuq l-esportazzjoni ma setax jingħatalu?
(1) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 25, p. 129.
Full & Egal Universal Law Academy