7.9.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 260/31
Rikors ippreżentat fit-2 ta’ Lulju 2013 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Ellenika
(Kawża C-378/13)
2013/C 260/58
Lingwa tal-kawża: il-Grieg
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: M. Patakia u A. Alcover San Pedro)
Konvenuta: Ir-Repubblika Ellenika
Talbiet tar-rikorrenti
—
tikkonstata li r-Repubblika Ellenika, billi ma adottatx il-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Ottubru 2005, fil-Kawża C-502/03, Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ellenika, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 260(1) TFUE;
—
tikkundanna lir-Repubblika Ellenika tħallas lill-Kummissjoni penali ta’ EUR 71 193,60 għal kull ġurnata ta’ dewmien fl-eżekuzzjoni tas-sentenza mogħtija fil-Kawża C-502/03, li tibda tiddekorri mill-ġurnata meta tingħata s-sentenza f’din il-kawża sal-ġurnata tal-eżekuzzjoni tas-sentenza fil-Kawża C-502/03;
—
tikkundanna lir-Repubblika Ellenika tħallas lill-Kummissjoni somma f’daqqa ta’ kuljum ta’ EUR 7 786,80, li tibda tiddekorri mill-ġurnata tal-għoti tas-sentenza fil-Kawża C-502/03 sal-ġurnata tal-għoti tas-sentenza f’din il-kawża jew sal-ġurnata tal-eżekuzzjoni tas-sentenza mogħtija fil-Kawża C-502/03, jekk din tingħata qabel.
—
tikkundanna lir-Repubblika Ellenika għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
(1)
Fis-sentenza mogħtija fis-6 ta’ Ottubru 2005, fil-Kawża C-502/03, Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ellenika, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li ġej:
(1)
Ir-Repubblika Ellenika, billi ma adottatx il-miżuri kollha neċessarji sabiex tiżgura l-osservanza tal-Artikoli 4, 8 u 9 tad-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE, tal-15 ta’ Lulju 1975, dwar l-iskart, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 91/156/KE, tat-18 ta’ Marzu 1991, kisret l-obbligi tagħha skont din id-direttiva.
(2)
Ir-Repubblika Ellenika hija kkundannata għall-ispejjeż.
(2)
L-Artikolu 260(1) TFUE jipprovdi li jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ssib li stat Membru jkun naqas milli jwettaq xi obbligu taħt it-Trattati, l-Istat ikun marbut li jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jimxi mas-sentenza tal-Qorti.
(3)
Il-Kummissjoni, fl-osservanza tal-fażi prekontenzjuża, kif irregolata mill-Artikolu 260 TFUE, bagħtet lir-Repubblika Ellenika ittra ta’ intimazzjoni u ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali, li permezz tagħhom stednitha tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha rigward it-teħid ta’ miżuri ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza msemmija iktar ’il fuq.
(4)
Wara li evalwat ir-risposti pprovduti mir-Repubblika Ellenika għall-ittri msemmija iktar ’il fuq u, b’mod partikolari, it-tmien rapporti ta’ progress fl-attwazzjoni prodotti mir-Repubblika Ellenika, il-Kummissjoni kkonstatat li r-Repubblika Ellenika kienet għadha ma adottatx, wara iktar minn seba’ snin mid-data tal-għoti tas-sentenza msemmija iktar ’il fuq, il-miżuri kollha neċessarji meħtieġa għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Ottubru 2005, fil-Kawża C-502/03, u ddeċidiet li tippreżenta rikors kif previst mill-Artikolu 260(2) TFUE.
Full & Egal Universal Law Academy