7.9.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 260/33
Appell ippreżentat fit-3 ta’ Lulju 2013 minn Associação de Empresas de Construção e Obras Públicas e Serviços (Aecops) mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fid-19 ta’ April 2013 fil-Kawża T-52/11, Associação de Empresas de Construção e Obras Públicas e Serviços (Aecops) vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-380/13 P)
2013/C 260/60
Lingwa tal-kawża: il-Portugiż
Partijiet
Appellanti: Associação de Empresas de Construção e Obras Públicas e Serviços (Aecops) (rappreżentanti: N. Morais Sarmento u L. Pinto Monteiro, avukati)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla s-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali fl-intier tagħha;
—
tannulla d-deċiżjoni kkontesta fl-intier tagħha;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha.
Aggravji u argumenti prinċipali
Ksur ta’ terminu raġonevoli sabiex tittieħed deċiżjoni
(1) Preskrizzjoni tal-azzjonijiet legali
L-appellanti tqis li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata wara li kien skada t-terminu ta’ 4 snin stabbilit għall-preskrizzjoni ta’ azzjonijiet legali skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 (1). Barra minn hekk, anki kieku kien hemm, ipotetikament, interruzzjoni eventwali tat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ azzjonijiet legali, id-doppju tat-terminu ta’ preskrizzjoni kien skada mingħajr ma kienet ittieħdet ebda deċiżjoni, skont id-dispożizzjonijiet tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-regolament iċċitat. Peress li t-terminu stabbilit kien ġie preskritt, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi kkunsidrata bħala illegali u ma tistax tingħata eżekuzzjoni.
(2) Ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali
L-appellanti tqis li l-fatt li l-Kummissjoni ħalliet iktar minn 20 sena jgħaddu bejn l-allegati irregolaritajiet u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali. Dan il-prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea jipprovdi li kull persuna għandha dritt li l-kwistjonijiet tagħha jiġu ttrattati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni f’terminu raġonevoli.
(3) Ksur tad-drittijiet ta’ difiża
L-appellanti tqis li d-drittijiet ta’ difiża tagħha ġew miksura sa fejn, inkwantu għaddew iktar minn 20 sena bejn l-allegati irregolaritajiet u l-adozzjoni tad-deċiżjoni finali, l-appellanti ġiet imċaħħda mid-dritt li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fi żmien xieraq, jiġifieri fi żmien meta kien għad kellha f’idejha dokumenti li setgħu jiġġustifikaw l-ispejjeż ikkunsidrati mill-Kummissjoni bħala ineliġibbi.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95, tat-18 Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 340).
Full & Egal Universal Law Academy