7.9.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 260/35
Appell ippreżentat fit-8 ta’ Lulju 2013 mir-Repubblika Ellenika mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Mejju 2013 fil-Kawża T-294/11, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-391/13 P)
2013/C 260/64
Lingwa tal-kawża: il-Grieg
Partijiet
Appellanti: Ir-Repubblika Ellenika (rappreżentant: I. Khalkias, aġent)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellanti
—
tilqa’ l-appell,
—
tannulla s-sentenza appellata tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea għar-raġunijiet esposti b’mod iktar preċiż fir-rikors,
—
tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
—
Permezz tal-ewwel aggravju, f’dak li jikkonċerna s-settur tal-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġ, ir-Repubblika Ellenika ssostni li s-sentenza appellata hija vvizzjata minn żbalji ta’ liġi, peress li l-Qorti Ġenerali wettqet interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata tal-linji gwida li jinsabu fid-dokumenti AGRI/VI/5330/1997, AGRI/17933/2000 u AGRI/61495/2002, kif kienu fis-seħħ, peress li din ikkunsidrat it-titjib manifest fis-sistema ta’ kontroll fis-settur tal-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġ għall-perijodu 2004 — 2005, meta mqabbel mal-perijodu 2003 — 2004, bħala reċidiva, nuqqas kontinwu u degradazzjoni sostanzjali li tiġġustifika ż-żieda ta’ korrezzjoni għall-perijodu 2004 — 2005, minkejja li kien manifestament mhux xieraq li tiżdied il-korrezzjoni minn 10 % minħabba ksur reċidiv, li kienet ġiet imposta għall-perijodu 2003 — 2004, għal 15 % għall-perijodu 2004 — 2005, fid-dawl ta’ għadd ta’ titjib (aġġornament ulterjuri tal-GIS għall-kultivazzjoni tas-siġar taż-żebbuġ, titjib tal-kontrolli fuq il-post u kontrolli bir-reqqa, li jwasslu għal konstatazzjonijiet ta’ ksur u ta’ impożizzjoni ta’ sanzjonijiet) li saħħaħ is-sistema ta’ kontroll tagħhom.
—
Permezz tat-tieni aggravju, li jikkonċerna s-settur tar-raba’ li jinħarat, ir-Repubblika Ellenika ssostni li:
(1)
jeżisti ksur tad-dritt tal-Unjoni Ewropea u tal-prinċipju tal-proporzjonalità minħabba l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni żbaljati tal-linji gwida mhux aġġornati fir-rigward tal-impożizzjoni tal-korrezzjonijiet b’rata fissa mill-politika agrikola komuni (PAK) preċedenti għall-PAK ġdida, peress li l-ammonti tar-rati fissi ta’ korrezzjoni kienu jirrigwardaw regoli ta’ kontroll differenti, u
(2)
il-motivazzjoni tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali hija insuffiċjenti sa fejn il-paragun tal-informazzjoni tas-SIPA-SIG li ttieħdet inkunsiderazzjoni għad-dikjarazzjonijiet tal-2007, flimkien mal-informazzjoni tas-SIPA-SIG ġdida u aġġornata tal-2009, uriet b’mod ċar li d-differenzi u n-nuqqasijiet huma minimi u ma jeċċedux it-2.4 % u, għaldaqstant, il-korrezzjoni ta’ 5 % ma hijiex iġġustifikata, u barra minn hekk, ma ttieħdux inkunsiderazzjoni l-argumenti sostanzjali tar-Repubblika Ellenika dwar il-kwalità tal-kontrolli amministrattivi bir-reqqa.
Full & Egal Universal Law Academy