21.9.2013
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 274/15
Rikors ippreżentat fit-18 ta’ Lulju 2013 — Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-409/13)
2013/C 274/27
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrent: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (rappreżentanti: G. Maganza, A. de Gregorio Merino u I. Gurov, aġenti)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrent
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-8 ta’ Mejju 2013, li permezz tagħha din iddeċidiet li tirtira l-proposta tagħha għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali għall-Assistenza Makrofinanzjarja lil pajjiżi terzi;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Il-Kunsill iqajjem tliet motivi insostenn tar-rikors tiegħu intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirtira proposta għal regolament fi stadju tardiv tal-ewwel qari tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja.
Fl-ewwel lok, il-Kunsill isostni li l-irtirar tal-proposta għal regolament jikkostitwixxi ksur gravi tal-prinċipju ta’ għoti tal-kompetenzi, stabbilit fl-Artikolu 13(2) TUE, kif ukoll tal-prinċipju ta’ ekwilibriju istituzzjonali. Skont il-Kunsill, ebda dispożizzjoni tat-trattati ma tagħti espressament prerogattiva ġenerali lill-Kummissjoni sabiex tirtira proposta li hija tkun ippreżentat quddiem il-leġiżlatur tal-Unjoni. Madankollu, minkejja li l-Kunsill ma jikkontestatx l-eżistenza ta’ tali setgħa ta’ rtirar abbażi tal-Artikolu 293(2) TFUE, il-Kummissjoni ma tistax teżerċitaha b’mod diskrezzjonarju jew abbużiv. Il-Kunsill iqis li l-irtirar ta’ tali proposta, fi stadju avvanzat ħafna tal-proċess leġiżlattiv ikun jekwivali għal għoti lill-Kummissjoni ta’ forma ta’ dritt ta’ veto fir-rigward tal-ko-leġiżlaturi tal-Unjoni. B’hekk, il-Kummissjoni titqiegħed fuq l-istess livell ta’ dawn tal-aħħar, u dan iwassal għal użu ħażin tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja prevista fl-Artikolu 294 TFUE, jeċċedi l-kompetenza ta’ inizjattiva leġiżlattiva tal-Kummissjoni prevista fl-Artikolu 293(2) TFUE, u jċaħħad mill-effett utli lid-dritt ta’ emenda tal-Kunsill previst fl-Artikolu 293(1) TFUE. Skont il-Kunsill, tali eżerċizzju tas-setgħa ta’ rtirar barra minn hekk tidħol f’kontradizzjoni mal-Artikolu 10(1) u (2) TFUE, peress li l-Kummissjoni ma tkunx għadha istituzzjoni inkarigata b’funzjoni eżekuttiva, iżda tkun tipparteċipa fil-proċess leġiżlattiv fuq l-istess livell bħall-istituzzjonijiet li għandhom leġittimità demokratika.
Fit-tieni lok, l-irtirar tal-proposta għal regolament ikun jikkostitwixxi wkoll ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, imsemmi fl-Artikolu 13(2) TUE. Minn naħa, il-Kunsill isostni li l-irtirar tal-proposta għal regolament twettaq b’mod tardiv ħafna. Fi tmiem numru kbir ta’ laqgħat tripartiti li seħħew matul il-fażi tal-ewwel qari (“trilogi”), il-Kummissjoni xorta waħda rtirat il-proposta għal regolament fil-jum fejn il-Parlament u l-Kunsill kellhom jiffirmaw il-kompromess li huma kienu laħqu. Min-naħa l-oħra, il-Kunsill jikkritika lill-Kummissjoni talli ma eżawrixxietx il-possibbiltajiet proċedurali eżistenti fi ħdan ir-regolament intern tal-Kunsill kollha qabel ma wettqet l-irtirar.
Fl-aħħar lok, il-Kunsill isostni li l-att ta’ rtirar ikkontestat ma osservax ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni tal-atti li madankollu jinsab stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE. Il-Kunsill jikkritika lill-Kummissjoni talli mad-deċiżjoni ta’ rtirar ma tat ebda spjegazzjoni u talli ma wettqet ebda pubblikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni.
Full & Egal Universal Law Academy